Il-bieraħ tas-Sunday Times of Malta u tal-Malta Today xandru rapport flimkien li fih semmew b’isimhom persuni li jimirħu fiċ-ċrieki tal-kriminalità f’Malta u li fiha spjegaw mhux biss l-allegat sehem tagħhom fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll is-sehem tagħhom fil-kriminalità organizzata bis-saħħa ta’ eżempji ta’ delitti kriminali li allegatament kienu mdaħħlin fihom.

Il-laqam ‘tal-Maksar’ ilu magħruf għal xi żmien u l-investigazzjoni li Jacob Borg, Ivan Martin u Matthew Vella wettqu flimkien qiegħdet fatti li diġà ilhom magħrufin ma’ fatti ġodda li huma rnexxielhom jikxfu.

Niżbaljaw jekk inċekknu t-tifsira ta’ din l-investigazzjoni u jidhirli li hemm konklużjonijiet x’jinġibdu.

L-ewwel konklużjoni hi dik li l-aktar waħda minn ewl id-dinja: wħud li kellhom sehem fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadhom sal-lum jiġru barra minkejja li għaddew tliet snin mill-qtil tagħha.

Il-Pulizija ilha taf b’dawn il-persuni għal żmien twil u madankollu għadha sal-lum ma ressqithomx il-qorti. Dan il-fatt iġorr miegħu implikazzjonijiet oħrajn. M’huwiex biss inġust il-fatt li wħud mill-konġuristi tressqu l-qorti filwaqt li oħrajn ma tressqux. Iżda din is-sitwazzjoni fetħet il-bibien beraħ għat-tbagħbis fil-provi sal-punt li dawk il-provi li huma meħtieġa biex iwasslu għall-ħtija setgħu nqerdu.

Hemm ukoll il-fatt li l-Pulizija tilfet l-opportunità li tkisser ċirku ta’ kriminalità u ppermettietlu li jissaħħaħ u jikkonsolida fi żmien li fih akkuża ta’ qtil setgħet tfixkel il-ħidma tiegħu. U allura dawk li jinsabu taħt arrest jistennew li jgħaddu ġuri jistgħu jsostnu li r-rikorsi tagħhom biex jingħataw il-libertà proviżorja ma jistgħux jiġu kunsidrati għar-raġuni li l-Pulizija, minħabba abbużi ta’ natura amminsitrattiva, kienet naqset li tmexxi minkejja l-fatt li kienet ingħatat informazzjoni dwar il-kompliċi tagħhom.

It-tieni konklużjoni hi li bis-saħħa tal-arrest ta’ Yorgen Fenech, l-istampa kellha tkompli żżid il-pressjoni fuq l-awtoritajiet biex dawn jieħdu passi msejsa fuq l-informazzjoni li kienet ilha żmien twil fil-pussess tagħhom. Il-Pulizija jista’ għandha jew jista’ m’għandhiex raġunijiet leġittimi l-għala għadha s’issa m’għamlitx aktar arresti.

Iżda nafu li r-raġunijiet il-għala Melvin Theuma u Yorgen Fenech kienu tħallew jiġru barra għal daqstant żmien, xejn ma kienu leġittimi. Dawn kienu tħallew jiġru barra sforz l-indħil politiku tal-Prim Ministru, sforz l-informazzjoni sigrieta li ġiet mgħoddija miċ-chief of staff tal-Prim Ministru lill-kriminali li allegatament kellhom sehem fl-assassinju, sforz in-nuqqas ta’ koperazzjoni bejn il-pulizija Maltija u l-kollegi internazzjonali tagħha, sforz l-indħil allegatament korrott fl-investigazzjoni ta’ dak li kien il-Kummissarju tal-Pulizija, sforz il-ħbiberija intima li kien hemm bejn l-investigatur ewlieni u dak li kien suspettat bl-assassinju, eċċetra.

Meta l-istituzzjonijiet kienu qed jagħtu l-kenn tagħhom lil Melvin Theuma u lil Yorgen Fenech biex l-id tal-ġustizzja ma tilħaqhomx, kienet l-istampa lokali u internazzjonali li ġiegħelet lill-Pulizija tiċċaqlaq u li tagħmel xi taħrikiet.

Mir-rapport li xxandar il-bieraħ dwar tal-Maksar, jidher li l-Pulizija ma tantx tgħallmet mill-esperjenza li għaddiet minnha.

It-tielet konklużjoni hi li r-rapporti li xxandru huma ta’ natura perikoluża għal min ixandarhom. Perikolużi ħafna. Jekk il-Pulizija naqset li tieħu passi kontra tal-Maksar u naqset li tixlihom b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minħabba raġunijiet li m’humiex leġittimi, l-ewwel raġuni lleġittima li għandha timraħ fl-imħuħ hi dik tal-biża’. L-allegazzjoni hi li dawn il-persuni joqtlu biex tgħaddi tagħhom. Dawn huma mafjużi professjonali li għandhom f’idejhom armi u riżorsi li allegatament ġew użati biex jeħilsu minn uħud li, mill-perspettiva tagħhom, huma ta’ tfixkil għalihom.

Għalkemm huwa sinjifikanti l-fatt li tas-Sunday Times of Malta u tal- Malta Today ippermettew ġurnalisti minn tagħhom li jgħaqqdu bejniethom ir-riżorsi tagħhom biex setgħu xandru rapport miżgħud b’fatti importanti, hemm ukoll tifsira li hi ħafna akbar.

Il-fatt li kienu tliet ġurnalisti li ħadmu flimkien u żewġ ġurnali xandru l-istess storja għandu jkollu l-effett li jagħti aktar sigurtà u jnaqqas iċ-ċansijiet ta’ xi azzjoni ta’ tpattija. Dan ċertament ma jfissirx li dawn il-ġurnalisti m’humiex fil-periklu jew li r-riskju li ħadu m’huwiex wieħed evidenti. Ifisser biss li l-konsegwenzi kienu jkunu agħar li kieku ħadmu waħidhom bħal ma kienet ħadmet Daphne Caruana Galizia.

Din hi r-raba’ konklużjoni li ġbidt. Din hi wkoll effett tal-influwenza li ħalliet Daphne fuq il-ġurnaliżmu f’Malta. Jidher li hawn ġurnalisti li huma lesti li jikxfu l-kruha tal-kriminalità mafjużi li hawn f’pajjiżna u li huma lesti li jagħmlu dan flimkien. Dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex inaqqas ir-riskju.

Malta għadha nieqsa minn politika msejsa fuq kriterji oġġettivi li tiddetermina ż-żmien li fih il-ġurnalisti jkunu jeħtieġu l-protezzjoni.   Jidher li x-xandir ta’ stejjer dwar persuni mafjużi li għadhom qed igħadduha lixxa minkejja qtil, tqegħid ta’ bombi, kuntrabandu eċċetra  m’huwiex iwassal biex dawk il-ġurnalisti li qed jixxabbtu u joħorġu għonqhom jingħataw il-protezzjoni li tixirqilhom.

Ironikament l-effett huwa pjuttost bil-maqlub. Dawk il-ġurnalisti li qed ixandru stejjer dwar l-impunità kriminali ta’ x’uħud qed iġiegħlu lill-Pulizija tidher kerha. Din hi l-istess Pulizija li tiddeċiedi hi biss dwar jekk ġurnalist ikunx jeħtieġ il-protezzjoni jew le.

Jacob Borg, Ivan Martin u Matthew Vella setgħu għażlu li jieħdu t-triq il-ħafifa u setgħu żammew lura milli jxandru r-rapport tagħhom. Il-paga dawn xorta waħda ser jirċievuha fl-aħħar tax-xahar. Iżda dawn għażlu li jagħtu servizz lill-pubbliku mhux biss permezz tat-tixrid tal-informazzjoni iżda wkoll permezz tal-pressjoni li għamlu fuq l-awtoritijiet biex jittieħdu passi kontra grupp ta’ persuni notorji b’riżq is-sigurtà tagħna lkoll.

Lil dawn it-tliet ġurnalisti qalbiena għandna għalxiex inroddulhom ħajr u jixirqilhom li jingħataw il-protezzjoni. Għamlu sewwa li ngħaqdu flimkien.

Iżda r-riskju għalihom huwa kbir ħafna.

Ftakru biss minn xiex kellha tgħaddi Daphne.