Araw il-mod kif l-istituzzjonijiet Maltin jiżguraw li kulħadd jifhem li huma qed jinjoraw dak kollu li nkiteb dwarhom mill-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Nieħdu l-istazzjon TVM, ix-xandar nazzjonali.
L-Imħallfin tal-inkjesta rrakkomandaw fir-rapport tagħhom li għandhom isiru emendi lill-klawsoli fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li jirregolaw lill-Awtorità tax-Xandir u dan għaliex, bil-mod kif inhuma mfasslin, m’humiex qed ikunu effettivi. Ir-raġunijiet li nġiebu għal dawn it-tibdiliet huma li x-xandar nazzjonali ta’ Malta naqas fid-dmir tiegħu li jkun imparzjali u li jxandar b’mod korrett rapporti dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni li nkixfu bis-saħħa tal-ġurnaliżmu investigattiv.
Fi kliem ieħor, tat-TVM huma parzjalment responsabbli għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Li kieku tat-TVM wettqu xogħolhom sewwa u lill-pubbliku infurmawh dwar dak kollu li kienet kixfet Daphne Caruana Galizia, l-pubbliku ma kienx jittollera l-impunità u l-protezzjoni li Joseph Muscat kien jagħti lill-politiċi li jkunu nkixfu.
Iżda tat-TVM lil Daphne Caruana Galizia njorawha ħlief meta kellhom iċ-ċans li jippruvaw jimminwha b’mod sottili. Per eżempju, kienu jirrappurtaw dwar kull libell fil-qorti li kien isirilha iżda kienu jonqsu li jsemmu l-kuntest tal-fastidju metodiku li kienet tinċievi u l-pressjoni li kien isirilha minn uffiċjali pubbliċi li kienu jinqdew bil-qrati biex isawwtuha. L-Imħallfin tal-inkjesta ntebħu li dawk il-libelli kienu biss att ta’ fastidju u għamlu rakkomandazzjonijiet għat-tfassil ta’ liġijiet biex politiċi ma jitħallewx jużaw il-libelli bħala għodda biex isawwtu lill-ġurnalisti. Iżda tat-TVM – partikolarment ġurnalisti tat-TVM bħalma huma Reno Bugeja u Norma Saliba – dan il-kuntest injorawh totalment.
Jekk int wieħed minn dawk li ssegwi biss l-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali (u minn dawn hawn kemm trid) ser tisma’ biss dwar Daphne Caruana Galizia meta jsirilha xi libell. M’intix ser issegwi rapport dwar dak li tkun kitbet. U wara li tkun segwejt żewġ jew tliet rapporti bħal dan, f’moħħok tibda’ tikklassifikaha mal-kriminali filwaqt li l-politiċi favoriti tiegħek tibda’ tarahom bħala “vittmi”.
Dan il-qerq ta’ TVM għen biex inqatlet Daphne.
Hekk kif istituzzjoni tal-Istat għadha kemm irrakkomandaw li l-Kostituzzjoni ta’ Malta għandha tiġi emendata biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti tat-TVM ma jerġgħux jonqsu minn dmirhom, wiċċ dawn tal-aħħar għandu jiħmar bil-mistħija. B’mod partikolari meta wieħed jiftakar li n-nuqqasijiet tagħhom ikkontribwew biex inqatlet ġurnalista suppost kollega tagħhom.
Iżda l-verità hi li dawn huma kollox barra ġurnalisti. M’huma xejn ħlief propagandisti.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan l-iscreenshot tal-protesta li saret il-bieraħ quddiem Kastilja. Min segwa r-rapport imxandar mill-website tat-TVM ingħata l-impressjoni li jien kont qed nipprotesta waħdi. Minflok ippreżentaw ir-rabja ta’ dawk li kienu preżenti għall-fatt li, lill- ministri tal-gvern, istituzzjoni tal-istat sabithom ħatja tal-qtil ta’ ġurnalista, x-xandar nazzjonali pinġa l-protesta bħala waħda ta’ bniedem wieħed.
Ftit tal-jiem ilu , tat-TVM xandru rapport dwar il-provi li ġew preżentati fil-qorti fil-każ li sar kontra Yorgen Fenech minn iben il-vittma, Matthew Caruana Galizia. Fir-rapport dawn qalu li Matthew Caruana Galizia kixef emails li juru li Yorgen Fenech ried jagħmel libell lil David Casa u lil Manuel Delia.
Riedu jpinġu din l-istorja bħala waħda li hi tas-soltu.
Min jaf x’kienu jgħidu li kieku saru jafu li xi ħadd kien qed ifassal pjan biex jagħmlilhom kawża għad-danni ta’ £20 miljun jew £70 miljun f’xi qorti Ngliża? Min jaf kienx itihom ġenn jew kienux jibqgħu friski bħal ħassa?
Iżda, wara kollox, taħsbu li Yorgen Fenech kien ser joqgħod iħabbel rasu biex iħarrek lill-propagandisti ta’ Joseph Muscat?