Edward Zammit Lewis sar il-mira faċli – mhux għax qatt kien xi għadma iebsa, tafux – ta’ min ikun irid igħaddih passata.

Xi ftit tal-ġranet ilu Jason Azzopardi kien diġà tana ħjiel li kien hemm Ministru tal-gvern li lil Yorgen Fenech – il-persuna mixlija bil-qtil ta’ ġurnalista – kien qallu li l-partitarji tiegħu stess huma “ġaħan”.

Għall-bidu, fl-imħuħ ta’ xi wħud, kien hemm ċerta inkredulità u għal ftit ġranet ipperswadew lilhom infushom li din kienet biss xi qlajja’ ta’ Jason Azzopardi.

Il-bieraħ, l-avukati ta’ Yorgen Fenech komplew bl-isforzi tagħhom biex jippruvaw isikktu lil kull min jażżarda jikxef lil Yorgen Fenech ta’ li hu. U mar-rikors li ppreżentaw quddiem il-Maġistrat, huma hemżu kopji tal-konversazzjonijiet li ma ridux li jixxandru.

B’ċertu kuraġġ Tal-Malta Today xandruhom, sakemm eventwalment ġew imġiegħla jirtirawhom meta xi ħadd heddidhom bil-ħabs fuq disprezz lejn l-awtorità tal-qorti.

Iżda f’dawn iż-żminijiet li fihom in-nies issegwi l-aħbarijiet minn fuq il-mezzi soċjali, dawn il-konversazzjonijiet kien hemm uħud li leħqu ħadulhom screenshots fil-ħin biex b’hekk setgħu jirċevuhom bosta eluf oħra.

Jekk qatt kien hemm waħda, ma taħsbux li din kienet azzjoni fl-“interess pubbliku”?

Permezz tal-messaġġi li bgħat, Edward Zammit Lewis kien qiesu tifel taħt l-età jipprova jimpressjona lil Yorgen Fenech u jinbxu biex iwieġbu. F’mument minnhom, Yorgen Fenech wieġbu, bħal donnu biex jeħles minnu. U minn dan il-mument ‘il quddiem, Zammit Lewis intilef f’litanija ta’ ilmenti. Ilmenta li hu m’huwiex apprezzat daqs kemm ħaqqu li jkun apprezzat u espriema l-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li kien hemm kandidati ħafna inqas kapaċi minnu li kien irnexxielhom jitilgħu fil-Parlament, filwaqt li hu kien baqa’ l-art.

U mbagħad faqqa’ l-bomba: skont Zammit Lewis, il-votant Laburist medju ma jfittixx lil min hu kapaċi bħalu biex jirrappreżentahom fil-Parlament iżda jagħżel lill-bħaħan li jkunu lesti biss li jagħmlu l-pjaċiri u l-favuri.

Fil-pubbliku, dawk il-politiċi li jibqgħu l-art issibhom iwaħħlu fihom infushom. Iżda bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom, issibhom iwaħħlu fl-elettorat. Meta jitkellmu fil-privat mal-kostitwenti tagħhom, il-politiċi li jaspiraw li jokkupaw siġġu parlamentari iwiegħdu sensiela ta’ pjaċiri u favuri. Iżda bejn l-erba’ ħitan ta’ darhom, dawn l-istess politiċi li jibqgħu l-art juru d-diprezz tagħhom għall-klijenteliżmu.

Edward Zammit Lewis huwa wieħed minn dawk il-politiċi li lill-elettorat li jfittex il-pjaċiri jħares lejh b’element ta’ disprezz.

Iżda din m’hix il-qofol tal-kwistjoni.

Il-qofol jinsab fil-fatt li Edward Zammit Lewis kellu konversazzjoni privata ma’ Yorgen WARA li kien diġà rriżulta pubblikament li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black, il-kumpannija bażata fid-Dubaj li kienet qed ixxaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi permezz tal-kumpanniji li dawn it-tnejn għandhom fil-Panama.

L-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ddikjaraw li l-ministri tal-kabinett ta’ Joseph Muscat kienu kollettivament responsabbli talli dawn ma tniffsux u baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom wara li nkixef l-iskandlu tal-Panama Papers u wara li nkixef min kien is-sid ta’ 17 Black u baqgħu m’għamlu xejn biex jiżguraw li ssir ġustizzja fil-konfront ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi u fil-konfront ta’ dawk li kienu qed ixaħħmuhom.

Għaldaqstant kull ministru – bħalu – li kellu b’xi mod x’jaqsam ma’ Yorgen Fenech irid ukoll jerfa’ din ir-responsabbiltà kollettiva. Dan għadu ma jafux għaliex qalilna li r-rapport għadu ma qraħx. Iżda għandu jkun jaf li dak il-kaboċċa Silvio Parnis, bħall-kollegi kollha tiegħu fil-kabinett ta’ Joseph Muscat, ġie wkoll mixli għal dan mill-Imħallfin tal-inkjesta.

U biex tkompli tagħqad mal-bubun tar-responsabbiltà kollettiva, Edward Zammit Lewis kompla jgħaxxaqha. Dan mhux biss m’għamel xejn biex jara li Yorgen Fenech issir ġustizzja fil-konfront tiegħu għal dak kollu li kien inkixef dwaru. Kien ukoll ingarżat miegħu.

Din hi kwistjoni mill-aktar serja.

Sakemm nibqgħu nittolleraw lil Edward Zammit Lewis fil-kariga ta’ Ministru tal-Ġustizzja u ta’ deputat parlamentari tkun tabilħaqq tixirqilna t-tgħajjira ta’ “Ġaħan”