Il-gvern ġie mwissi mill-FATF bl-aktar mod espliċitu u pubbliku biex ma jippruvax inaqqas mis-serjetà u mil l-ħtieġa tal-bidliet li huma meħtieġa sabiex Malta terġa’ ssir membru rispettabbli tal-komunità finanzjarja dinjija. Mingħajr ebda tlaqliq, lill-gvern qalulu li jista’ jsib tarf mhux bit-tibdil fil-liġijiet. Ma tridx xi għerf speċjali biex tibdel il-liġijiet u kull ma jeħtieġ li tagħmel hu li tqabbad impjegati tal-gvern biex jikkupjaw liġijiet li jeżistu fil-Ġermanja jew fir-Renju Unit u mbagħad tgħaddihom bilġri mill-Parlament jew ixxandarhom fil-Gazzetta preferibbilment waqt li n-nies tkun moħħha band’oħra.
Lill-gvern tal-FATF qalulu li t-tibdil fil-liġijiet li kien meħtieġ kien seħħ kollu u li issa l-gvern kellu jara kif jagħmel biex jibgħat lill-kriminali l-ħabs jew inkella jikkastigahom skont kif jipprovdu l-liġijiet Maltin.
Iżda l-bużillis jinsab hawn: biex il-kriminali jieħdu dak li ħaqqhom mhux biżżejjed li jinbidlu l-liġijiet tagħna. Jeħtieġ li jkollna uffiċjali tal-pulizija mħarrġin li l-kriminalità finanzjarja jifhmuha sewwa. Jeħtieġ li jkollna prosekuturi li jkollhom il-ħila li jippruvaw l-akkużi. Jeħtieġ li jkollna maġistrati u mħallfin li jifhmuha u li jagħrfuha biex b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jikkastigawha.
U minn dan kollu m’għandna xejn. Il-ftit taħrikiet li nbdew jinsabu mdendlin bejn sema’ u ilma. Dawk kollha li kellhom x’jaqsmu mal-ħadma ta’ John Dalli fuq nisa anzjani Amerikani kważi mietu lkoll. U dan biex ma nsemmux lill-vittmi li spiċċaw b’id waħda wara u l-oħra quddiem. L-iskrivaniji tal-qorti ser isiefru bil-piż ta’ dokumenti fuq dokumenti li nġabru biex Keith Schembri u sħabu jkunu jistgħu jiġu mixlija. X’aktarx dawn m’huma ser iwasslu mkien. Fil-każ tal-kuntrabandu u ta’ ħasil ta’ flejjes li fih allegatment hemm indaħħal Debono, l-prosekuturi qed jonqsu milli jattendu għas-seduti minħabba appuntamenti oħra – skuża li x’aktarx ma kienitx titqajjem li kieku l-prosekuturi kellhom ħeġġa biex jaraw il-każ jasal fi tmiemu.
Il-Maġistrati jinsabu mgħarrqa taħt il-piż ta’ xogħol kumplikat ħafna li qed jinżamm lura minħabba proċeduri żejda bħal, per eżempju, r-regolament li jgħid li kull paġna tax-xhieda li tkun ġiet stampata jeħtieġ li tkun iffirmata bl-idejn. Li kieku dan kien meħtieġ għal xi rapport li jkun fih 100 paġna, fiha u ma fihiex. Iżda meta wieħed jiftakar li rapporti dwar kriminalità finanzjarja ġieli jkun fihom mal-50,000 paġna, wieħed jista’ jimmaġina ż-żmien li jintilef bis-saħħa tal-eżistenza ta’ regolament bħal dan.
Fiċ-ċirkostanzi, x’għandu jagħmel il-gvern? Il-gvern għandu jħarreġ lill-uffiċjali tal-pulizija. Għandu jaħtar prosekuturi b’poteri speċjali. Għandu jaħtar u jħarreġ maġistrati speċjalizzati. Għandu jissimplifika u jiddiġitalizza l-proċeduri. Għandu jżid l-infiq biex issir għassa aktar stretta fuq wieħed aktar mill-pilastri ekonomiċi tal-pajjiż biex b’hekk inkunu nistgħu innaddfu isem Malta mill-aktar fis.
U x’taħsbu li għamel il-gvern? Fil-Parlament talab il-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni biex tgħinu jkompli jnaqqar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem permezz tal-imminar tal-garanzija ta’ smiegħ xieraq għal kull min ma’ wiċċu jkollu ċ-ċans li jiġi kastigat kriminalment bl-aħrax (bħal ma huma multi li jgħoddu l-miljuni). U minflok jiggarantixxi l-indipendenza tal-imħallfin li jaqtgħu s-sentenzi, l-gvern ippropona li jagħti s-setgħa tal-qtugħ tas-sentenzi u tat-twaħħil tal-multi lill-bażużli tal-għażla tiegħu.
Għaldaqstant jekk tkun fil-periklu li jingħalaqlek in-negozju tiegħek u li jinxtoroblok il-ġid kollu li għandek, il-każ tiegħek ma jinstemgħax minn imħallef li jisma’ l-qanpiena tiegħek u dik tal-gvern u li jiddeċiedi mingħajr biża’ u favuri anki jekk is-sentenza li tinqata’ ma tkunx intgħoġbot mill-gvern.
Il-każ tiegħek jinstema’ minn xi ħadd bħal Joe Cuschieri jew Heathcliff Farrugia li jmexxi l-entità li tkun qed tinvestigak li mbagħad igħaddi biex jiddeċiedi għandux jirrovinak jew le. M’għandniex xi ngħidu, jekk il-persuna li jkollha din is-setgħa tkun xi ħadd bħal Manfred Galdes u tiddeċiedi skont il-provi li jkunu nġiebu quddiemha u skont il-kuxjenza, hekk kif jintrifes il-kallu ta’ xi Konrad Mizzi jew ta’ xi Rosianne Cutajar jew xi Robert Abela, l-gvern ikun jista’ jdabbarlu rasu u jqiegħed floku lil xi ħadd li jkun hemm biex iħares l-interessi tal-ħbieb tal-ħbieb. Peress li l-ġudikant ma jkunx imħallef, il-gvern ikun jista’ jkeċċieh meta u kif ikun irid.
Bosta minna – bħali – ma twieldux il-bieraħ. Joe Cuschieri huwa ħobża u sikkina ma’ Yorgen Fenech. Heathcliff Farrugia wkoll. Tista’ timmaġinaw x’tista’ tistenna’ li jsir minnek kemm il-darba tinzerta li int kompetitur ta’ Yorgen Fenech. X’garanzija jkollok li l-ħbieb setgħana ta’ Yorgen Fenech ma jfettlilhomx jixluk, isibuk ħati, jikkastigawk u jirrovinawk għal xi ħaġa li ma tkunx ħati tagħha biex b’hekk Yorgen Fenech ikun jista’ jkompli bin-negozju tiegħu mingħajr ma jkollu lil min jikkompeti miegħu?
Ara li ma jfettlilkomx isserrħu moħħkom bir-riżenji ta’ Joe Cuschieri u ta’ Heathcliff Farrugia u bl-arrest ta’ Yorgen Fenech. X’aktarx li dawn m’għadhomx fiċ-ċentru tal-attenzjoni għaliex kienu nkixfu wara li Yorgen Fenech kompla għaddej u qatel lil Daphne Caruana Galizia (dan huwa jiċħdu) u l-kompjuters u l-mobiles tiegħu kien telaqhom fejn setgħu jsibuhom il-Pulizija (dan ma jiċħdux).
Jekk dan int taf li seħħ fl-img]oddi, kif tista’ ma tissoponix li għadu qed iseħħ sal-lum? Kif qatt tista’ tafda’ l-kelma tal-gvern li r-regolaturi li qed jinħatru issa m’humiex ukoll Mafjużi li huma qaqoċċa ma’ min qed jitmagħhom? Jekk int m’intix Mafjuż, kemm taħseb li tista’ ddum timraħ fil-wiċċ meta tkun qed tgħix f’ambjent li fih il-Mafjużi jkollhom is-setgħa li jagħlqulek in-negozju u li jieħdulek darek biex tkun tista’ tħallas il-multi li jwaħħlulek?
L-unika ħaġa li hi agħar mill-impunità għall-kriminali hi l-għoti tal-kastigi illegali lil min hu innoċenti. L-Oppożizzjoni għamlet sewwa meta waqqfet lill-gvern milli jċaħħadna mill-garanzija ta’ smiegħ xieraq. Jekk għandna niġu misjuba ħatjin u kkastigati, dan għandu jsir permezz ta’ qorti indipendenti jew ġuri u mhux minn persuni magħżulin mill-mafja u minn ministri li huma l-qaddejja tagħha.
Għaldaqstant il-gvern għandu jixtarr sewwa l-appell li sar mill-FATF. Għandu minnufih itemm l-impunità għal dawk li huma mdaħħlin fil-kriminalità finanzjarja u fil-kriminalità organizzata. U għandu jagħmel dan fi ħdan il-parametri tad-drittijiet kostituzzjonali tagħna.
Il-gvern jaf x’hemm bżonn isir. Il-pajjiż jeħtieġ aktar uffiċjali tal-pulizija ta’ kwalità. U aktar prosekuturi mħarrġin u mħallfin u maġistrati.
Iżda l-gvern m’hu jagħmel xejn minn dan għax lill-qarnita tal-mafja ma jridx li jaħsdilha rasha.