Xi ħadd bagħatli screenshot ta’ kitba li tella’ ċertu John Charles Ellul fil-Facebook li permezz tagħha pprova jagħmilha tal-gustuż dwar il-ftuħ tal-Parlament. Dan staqsa dwar kif inhu possibbli li l-pajjiż jidher li ġie nieqes mill-bajd u mit-tadam x’jissotta lejn id-deputati Nazzjonalisti huma u ħerġin mill-Parlament.
U fl-istess nifs jistaqsi x’sar minnhom il-partitarji Laburisti. Min jaf x’ġie nieqes eżatt fil-fehma ta’ dan l-imbierek? Tgħid qed jirreferi għal dawk l-ingredjenti li nixħtu fl-insalata? Jew forsi qed jirreferi għall-partitarji ħorox tal-Partit Laburista li l-issuttar tal-ingredjenti ta’ insalata lejn politiċi tal-partit oppost jikluh bil-ħobż?
Il-kwistjoni hawn mhix dwar il-loġika bażika (jew in-nuqqas tagħha) f’moħħ is-Sur Ellul. Hi aktar dwar l-għerf tal-blieħ ta’ dan id-“director of studies” tal-akkademja tal-pulizija kif ukoll lettur fil-kriminoloġija fl-Università. Mhux ta’ b’xejn li d-dipartiment tal-pulizija jidher li huwa nieqes minn apprezzament tar-rwol tiegħu f’demokrazija.
Lill-istudenti tiegħu, John Charles Ellul imissu jgħallimhom li l-lealtà ewlenija tagħhom hi lejn Kostituzzjoni li l-governanza ta’ Malta tisilifha lil ċittadini li jkunu kontabbli lejn dawk li jiġu eletti mill-poplu. Minflok għamel hekk, dan l-għaref qed ixewwex lin-nies sabiex lid-deputati eletti biex ifasslu l-liġijiet jintimidawhom, jinsultawhom, jirredikolawhom u jissuttawhom bit-tadam u bil-bajd.
John Charles Ellul jiġi ħu Andy Ellul, li hu wkoll deputat parlamentari f’isem il-Partit Laburista. F’pajjiż demokratiku normali, ‘inċident’ bħal dan kien iwassal għar-riżenji tagħhom it-tnejn, wieħed mill-akkademja tal-pulizija u l-ieħor mill-Parlament. M’jinix qed ngħid li l-kap tal-akkademja tal-pulizija m’għandux dritt li jappoġġja partit politiku b’mod mill-aktar apert. Qed ngħid iżda li d-disprezz li għandu għall-proċess demokratiku xejn mhuwa kompatibbli mad-dmir tiegħu li jħarreġ lill-membri tal-korp tal-pulizija li dmirhom huwa appuntu li jħarsu lil dan il-proċess.
Iżda Malta mhix demokrazija normali.
Qed jaqraw din il-kitba u jogħxew bid-daħk.