Kienu l-għerf ta’ Senatur mill-Kalifornja, ta’ drammaturgu Grieg antik, ta’ strateġista militari Ċiniż u ta’ tant oħrajn li wasslu biex tfasslet il-frażi: ‘meta tfaqqa’ gwerra, l-verità tkun l-ewwel li tikolha’.
Dan huwa fatt tassew ironiku.
Iżda kemm huwa aktar ironiku l-fatt li, hekk kif tfaqqa’ gwerra, hawn Malta l-verità tkun ilha li għebet. Hawn Malta, s-sinċerità ħadd ma jħoss in-nuqqas tagħha.
Ejjew nagħtu daqqa t’għajn lejn “l-istorja uffiċjali” dwar dak li Volodymyr Zelensky kellu xi jgħid lill-Parlament ta’ Malta lbieraħ.
L-istorja uffiċjali hi dik imxandra mid-“Dipartiment tal-Informazzjoni” li huwa l-verżjoni Maltija tal-Ministeru tal-Verità ta’ Orwell.
Araw ftit x’kitbu:
“Fir-rimarki tiegħu huwa rrefera kif ir-reżiljenza tal-Maltin idefinixxit il-futur tal-Mediterran fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija“. Skont huma, dak hu kulma qal.
Int u taqra din is-sentenza, tintebaħ li l-Maltin jieħdu pjaċir kull meta jfaħħruhom il-barranin. Bħal kull pajjiż ieħor li jkun ħareġ mis-seklu dsatax mogħni b’tifsira elitista tal-eċċezzjonaliżmu tiegħu, bil-ħila unika tal-pajjiż, bil-wirt storiku, bl-eroiżmu inimitabbli u bil-kuraġġ ta’ sur li tippretendi li għandha, Malta tħares lejn l-istorja tagħha bħala għodda li serva l-iskop politiku tad-dekolonizzazzjoni. Iżda l-verità hi li Malta għadha sal-lum tgħix fis-seklu dsatax. Għadna sal-lum naħsbu li Alla għażel lil Malta biex tkun fiċ-ċentru tal-univers.
Lill-Parlamentari Maltin, Zelensky qalilhom ħafna aktar minn hekk. Iżda skont id-DOI, huwa faħħar ir-reżiljenza ta’ Malta fit-Tieni Gwerra dinjija….u daqshekk. Bħallikieku waqaf għal siegħa mill-ġlied mar-Russi għall-ħelu wiċċna biex joqgħod jgħidilna kemm kienu qalbiena n-nanniet u l-bużnanniet tagħna. Ir-rapport imkien ma jgħid l-għala tkellem kif tkellem u ma jsemmi xejn aktar. Biex b’hekk kulħadd joħroġ kuntent li ndlikna dilka mill-kbarat.
Issa agħtu daqqa t’għajn lejn l-istorja semiuffiċjali li xandru l-hekk imsejħa ġurnalisti li jaħdmu mal-istazzjon nazzjonali. Mar-rapport jidher isem l-editur ta’ TVM innifisha, Norma Saliba.
Ħarsu ftit lejn dan it-titlu.
Il-kliem “juri apprezzemant għall-appoġġ Malti” hi riflessjoni klassika dwar kemm il-Maltin m’hawnx bħalhom. U dan minkejja li fil-fatt Zelensky kien qed jgħidilna “grazzi għad-diskorsi ta’ appoġġ, iżda d-diskorsi tagħkom biss mhux ser jgħinuni nirbaħ il-gwerra”.
It-tieni biċċa tas-sentenza mhi xejn ħlief gidba ħoxna. Zelensky “jappella biex ebda Russu ma juża lil Malta” – sentenza li nkitbet biex tqarraq. Min jaqra sentenza bħal din jasal biex jifhem li r-Russi l-ħżiena qed “jużaw” lil Malta (min jaf min kiteb dan x’ried jgħid biha?) u li huma m’għandhomx ikomplu jagħmlu dan. U dan bħallikieku Zelensky l-appell għamlu lir-Russi u mhux lilna. Għaliex li kieku l-appell tiegħu sar lilna, ikun ifisser li m’aħniex perfetti u ħaġa bħal din ma tkunx aċċettabbli, hux hekk?
Mhux biss it-titlu huwa qarrieq. Fir-rapport tat-TVM m’hemmx l-iċken riferenza għall-passaporti Maltin li nxtraw minn ċittadini Russi u lil Zelensky rrappurtawh li qal l-oppost ta’ dak li ried ifisser.
Volodymyr Zelensky huwa bniedem mġarrab. Il-propaganda uffiċjali Russa ilha żmien twil tgħawwiġlu kliemu. Minn pajjiż li invada lil pajjiżu dan hu għemil mistenni.
Iżda ma nafx kienx sorpriż jew le hekk kif ġie wiċċ imb wiċċ mal-propaganda qarrieqa f’Malta, il-pajjiż newtrali li jrid ikompli jimpala l-flus minn fuq dahar il-bastimenti li qed jitħallsu mill-pajjiż li invada lill-Ukrajina.