It-tribunal ta’ reviżjoni amministrattiva ċaħad talba tal-eks ministru u Kummissarju Ewropew John Dalli u ta’ bintu Louisa sabiex jingħataw id-dritt tal-ewwel preferenza għax-xiri ta’ għalqa li tmiss mal-proprjetà li għandhom fis-Siġġiewi.

L-għalqa kienet inbiegħet mill-Awtorità tal-Artijiet bl-offerti, iżda l-offerta li għamlu ta’ Dalli ma kinitx l-aħjar waħda. Huma stqarrew li għandhom ikollhom dritt tal-ewwel preferenza għaliex l-għalqa tmiss mal-proprjetà tagħhom u għaliex Louisa Dalli tinsab reġistrata bħala bidwija full-time.

Madankollu l-Awtorità tal-Artijiet qalet ir-raġunijiet li nġiebu ma impressjonawhiex u qalet li John Dalli kien injora l-istruzzjonijiet li kien ingħata biex iressaq provi li s-sit li jinsab biswit l-għalqa huwa tiegħu. Barra minn hekk, bħala prova li kienet taħdem ta’ bidwija full-time, Louisa Dalli wriet irċevuti minn bejgħ ta’ żebbuġ imkabbar fil-proprjetà iżda t-tribunal qies dan il-bejgħ bħala wieħed “minimu”.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu lit-tribunal, John Dalli stqarr li qed jibża’ għas-sigurtà personali tiegħu u ried għalih l-għalqa li tinsab biswit il-proprjetà tiegħu sabiex jevita t-tnemmis tan-nies.

“Bir-rispett kollu lejn min għamel l-ilment, dan it-Tribunal ma jistax jara kif dan il-fatt seta’ jinfluwenza lill-Awtorità li tkun obbligata li tiddeċiedi b’mod trasparenti u oġġettiv,” qal it-Tribunal waqt li ċaħad l-ilment ta’ John Dalli.