Rapport imxandar mill-fondazzjoni mwaqqfa mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia issostni li “ħames snin wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia u sena mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Inkjesta Pubblika tista’ tgħid li ma ttieħdet ebda azzjoni konkreta u ma tfasslux proposti leġislattivi sinjifikanti sabiex il-ġurnalisti ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aħjar.”

“Fin-nuqqas ta’ azzjoni urġenti mill-gvern ta’ Malta, jeżisti riskju qawwi li tintilef l-opportunità li titwettaq il-wegħda ta’ riforma siewja ppreżentata fir-rakkomandazzjonijiet importanti tal-Inkjesta Pubblika. Huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili tissokta bl-iskrutinju tal-proċess.”

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia li tirrappreżenta l-fehmiet tal-familja ta’ Daphne tistqarr li r-rapport tal-inkjesta pubblika li kien ixxandar bħal-lum sena “kien opportunità għall-gvern biex juri li Malta kienet tassew qabdet it-triq biex twettaq azzjonijiet siewja sabiex, minn banda, issaħħaħ il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-ġurnaliżmu f’Malta u, mill-banda l-oħra, biex tiġġieled kontra l-impunità, il-korruzzjoni u l-abbuż tas-setgħa.”

Ir-rapport, li xxandar flimkien mal-organizzazzjoni non-governattiva internazzjonali Article 19, jistqarr li “il-Gvern ta’ Malta naqas milli jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ħlief għall-ħatra ta’ Kumitat ta’ Esperti dwar il-mezzi tax-xandir.”

IL-VERŻJONI ORIĠINALI TAL-ISTQARRIJA: Tackling Impunity_Public Inquiry into the assassination of Daphne Caruana Galizia