Dalgħodu fil-qorti Repubblika pprotestat kontra l-fatt li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg baqgħet ma ħaditx passi kontra s-sid tal-Pilatus Bank u kontra d-diretturi tal-bank. Sadattant f’awla tal-qorti, saret kritika ħarxa kontra avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talli dawn “għaġġlu” meta ddeċidew li jħarrku lill-bank innifsu u lil uffiċjal li kienet taħdem mal-bank, u dan fl-isfond tal-fatt li l-prosekuzzjoni m’għandha ebda idea x’għandha tagħmel jew dwar kif il-qorti għandha tiddeċiedi.
F’ħin minnhom, il-prosekuzzjoni ressqet biex jixhed wieħed mid-diretturi tal-bank. Permezz tal-avukat tiegħu, dan ix-xhud talab garanzija li dak li kien bil-ħsieb li jixhed dwaru ma kienx ser jintuża kontrih kemm-il darba jittella’ l-qorti fil-futur, liema garanzija bil-liġi għandu dritt għaliha. Il-prosekuzzjoni ddikjarat li ma setgħetx tikkommetti ruħha. U dan mhux għaliex Repubblika kienet ipprotestat bil-qorti talli baqgħet ma ħarrkitx lid-direttur/xhud, iżda għaliex l-ispettur li investiga l-każ baqa’ ma tfaċċax il-qorti u għaldaqstant ma setgħux isirulu mistoqsijiet.
Fl-istadju li issa wasalna fih, in-nies jidher li xebgħu sal-ponta ta mneħirhom.
Mhuwiex xogħol prosekutur li jistaqsi lill-investigatur dwar l-identità tal-persuni li għandhom jiġu mħarrka.
Jekk xejn, il-proċess għandu jkun bil-maqlub. Meta ddeċidiet li ssejjaħ bħala xhud lil dan id-direttur tal-Pilatus Bank, il-prosekuzzjoni x’aktarx assumiet li ma kinitx ser tqiegħdu f’pożizzjoni li jkun jista’ jinkrimina ruħu. Fi kliem ieħor, iddeċidew li ma jħarrkuhx. Allura dan għaliex baqgħu ma qaluhx ċar u tond?
Dalgħodu quddiem il-bini tal-qorti, Robert Aquilina stqarr li direttur ieħor tal-Pilatus Bank kien ittella’ l-qorti madwar sena ilu, li dan kien intalab jixhed f’kawża oħra dwar il-Pilatus Bank u li kien tħalla jitlaq minn Malta minkejja l-fatt li maġistrat kien ordna l-arrest tiegħu. Wara li għaddiet sena, Anġlu Gafà stqarr li ma kienx jaf fejn kienu qed jistaħbew id-diretturi tal-Pilatus Bank. Jew gideb jew inkella l-prosekuturi ħadmu minn wara dahru. Hu x’inhu, mhux jgħid il-verità x’inhi.
Nifhimha lil dik il-qarrejja ta’ kitbitli li ddeċidiet li ma tibqax issegwini. Staqsejtha jekk id-deċiżjoni tagħha sejsithiex fuq xi ħaġa li kont stqarrejt jien u li ma qablitx magħha. Din wieġbet fin-negattiv u qaltli li taqbel ħafna mal-fehmiet tiegħi. Madankollu stqarret ukoll li kienet għejjiet taqbel miegħi u tappoġġja dak li hu minn ewl id-dinja.
Jidher ċar li l-Avukat Ġenerali qed timmina l-prosekuturi tal-Pilatus Bank u tgħatti xtur il-kriminali. U dan qed tagħmlu biex taqdi mill-koxxa lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri u lill-kompliċi tagħhom.
Ma nafx kemm huwa veru imma jingħad li, lill-familjari ta’ min ikun gie kundannat għall-mewt, l-awtoritajiet taċ-Ċina jibgħatulhom il-kont għall-ispejjeż tal-balla li tkun intużat biex joqtluh.
Malajr għandkom tintebħu bit-tixbiha: ħallasna madwar € 7.5 miljun biex saret inkjesta dwar il-Pilatus Bank, ħallasna l-prezz ekonomiku bil-lista l-griża li tal-FATF daħħluna fiha, ħallasna prezz enormi amministrattiv wara li l-Aġenzija Bankarja Ewropea għalqet lill-Pilatus Bank, bqajna sal-lum bi prosekuzzjoni monka li x’aktarx mhi ser twassal imkien u ser ikollna nħallsu d-danni lis-sidien tal-Pilatus Bank, dejjem jekk tgħaddi tagħhom. U dan il-prezz enormi ser ikollna inħallsuh biex l-impunità li qed igawdi Joseph Muscat, jibqa’ jgawdiha.
Għaldaqstant lil din il-qarrejja nifhimha għaliex dan il-prezz qed tħallsu hi permezz tat-taxxi li tħallas.
M’għandniex xi ngħidu, tistgħu iċċedu u tħalluhom ikomplu jagħmlu li jridu.
Iżda jekk m’intomx lesti li tħalluhom jgħadduha lixxa m’hemm għażla oħra ħlief li tkomplu tiġġieldu u tirreżistu.