Dan li ġej qed inxandru mhux għaliex hu xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Tant nara eżempji bħalu li nippreferi li ninjorah. Iżda Cyrus Engerer qabbiżhieli hu u jilgħabha tal-qaddis miexi fl-art bir-raġġiera fuq rasu meta ddikjara li huwa vittma tal-klassiżmu, tal-partiġġjaniżmu u tal-mibgħeda.
Cyrus Engerer ma jiddejjaq xejn li jipprova jqarraq.
Dan ta’ hawn taħt x’issejjaħlu Sur Cyrus Engerer? Klassiżmu, partiġġjaniżmu u mibgħeda?
Dan Michel Buttigieg huwa kunsillier Laburista fil-kunsill tar-Rabat, Għawdex u galoppin tal-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri.
Mark A. Camilleri, li wieġeb għall-kitba tiegħu, huwa attivist tal-Partit Laburista u wkoll galoppin ta’ Clint Camilleri. Fil-fatt Clint Camilleri jiġi kuġinuh. Nannuhom kien veteran politiku u missier Mark A. Camilleri kien ikkontesta diversi elezzjonijiet mal-Partit Laburista.
Cyrus Engerer għandu mnejn jaqbel miegħi li m’hemmx lok għal dawn il-“battibekki” partiġġjani, għall-mibegħda u għall-klassiżmu (trid tkun bniedem mikul bil-preġudizzji biex tmur tgħid fil-beraħ li xi ħadd m’għandux dritt li jindifen sħiħ). Jekk jaqbel miegħi, jmissu jagħmel dak li ma nistax nagħmel jien. Jiġifieri li formalment jitlob għat-tkeċċija mill-Partit Laburista ta’ dawn it-tnejn.
Jekk dan jibqa’ ma jagħmlux, allura dak li stqarr il-bieraħ m’huwa xejn ħlief diskors vojt, klassist u partiġġjan.
Qed insemmi lil Cyrus Engerer għaliex dan għażel hu stess li jidħol bejn il-basla u qoxritha.
Iżda ma taħsbux li l-verità hi li hu fil-fatt Robert Abela li qed iqanqal il-mibgħeda?
Jien ma niddejjaqx ngħid li jien ġej minn klassi bil-wisq differenti minn dik ta’ Michel Buttigieg u ta’ Mark A. Camilleri. Jien bniedem tad-demm u l-laħam.