Għall-ħabta tat-3pm, mill-iżbarra Ġorġ Degiorgio deher ikellem lill-avukati tiegħu minn taħt l-ilsien. Dalgħodu lmenta f’wiċċ l-avukati tal-għajnuna legali u qalilhom li dawn ma kinux ippreparati sewwa u għaldaqstant ma setgħux jitkellmu f’ismu u f’isem ħuh. Issa beda’ jkellimhom b’ton aktar edukat.

L-Imħallef ħadet postha fis-sedja, iżda Simon Micallef Stafrace, wieħed mill-avukati tal-għajnuna legali stqarr li kien jeħtieġ 5 minuti oħra. L-Imħallef iddikjarat li kienet ser tidħol fis-sigrieta għal 5 minuti u mbagħad issejjaħ il-bidu tal-ġuri.

Il-5 minuti saru 30 u mbagħad siegħa u mbagħad sagħtejn hekk kif l-avukati tal-prosekuzzjoni, tad-difiża u dawk tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia baqgħu jitkellmu bejniethom.

Bdejna nisimgħu dwar dak li kien ser iseħħ minn wara l-kwinti. Dan li ġej ġbartu mingħand diversi għejun, għalkemm id-dettalji ta’ dak li ser taqraw jistgħu ikomplu jevolvu hekk kif aktar dettalji jiġu konfermati u oħrajn miċħuda.

Il-verżjoni l-aktar konsistenti li smajt hi li Ġorġ Degiorgio impressjona ruħu bid-diskors ta’ introduzzjoni li għamel dalgħodu Philip Galea Farrugia, jew għallinqas b’dik il-parti tad-diskors li leħaq għamel il-prosekutur qabel l-Imħallef waqqfet il-ġuri fis-1pm għall-ikel.

Lill-ġurati Philip Galea Farrugia kien qed jispjegalhom il-provi li kien biħsiebu jurihom fil-ġranet li ġejjin matul il-ġuri. Tkellem b’ton ġentili u lill-ġurati serrħilhom rashom li, wara li jkun għaddielhom ix-xokk li ħadu huma u jintagħżlu biex iservu bħala ġurati għall-ġuri tas-seklu, għandhom huma wkoll jibdew jifhmu sewwa l-kumplessità ta’ dawn il-provi.

Malli wasal il-ħin tal-ikel, Philip Galea Farrugia spjega x’kien wassal biex il-Pulizija qabdet lill-aħwa Degiorgio u lill-kompliċi tagħhom Vince Muscat. Tkellem dwar tliet numri tal-mobile li huma reġistrati f’isimhom u tliet mobiles oħra li nxtraw ftit qabel seħħ id-delitt li kellhom il-location tagħhom taqbel mal-location tal-mobiles l-oħrajn tagħhom, u dwar mobile ieħor li kien maż-żewġ mobiles l-oħrajn li kellu f’idejh Ġorġ Degiorgio u li ntuża biex intbagħtet SMS lill-miċċa tal-bomba li tqiegħdet fil-karrozza ta’ Daphne.

Għal min ilu jsegwi l-każ għal dawn l-aħħar 5 snin, ma kien intqal xejn ġdid. Jidher  – jew għallinqas hekk qed jgħidu l-għejun – li għall-ewwel darba Ġorġ Degiorgio ntebaħ li kontrih u kontra ħuh, il-prosekuzzjoni għandha każ sempliċi u konvinċenti. U fehem li ebda ġuri ma kien ser jilliberahom.

Impressjonat kif kien bid-diskors tal-prosekutur, Ġorġ Degiorgio jidher li kellem lil ħuh u qallu li ma kellhomx triq minn fejn setgħu jgħaddu. Kien wasal iż-żmien li jċedu l-armi.

Dalgħodu Alfred Degiorgio ma deherx f’sikktu. Kien diġà fir-raba’ jum tal-istrajk tal-ġuħ. Lanqas ilma ma kien qed jixrob. Deher mgħotti b’kutra bajda u deher bħallikieku lanqas qalziet ma kien liebes, għalkemm dwar dan m’jiniex ċert sa barra. Stajt nara li kellu espressjoni għajjiena fuq wiċċu iżda m’hemmx dubju li kien qed isegwi dak kollu li kien qed iseħħ.

Lill-avukati tagħhom Alfred u Ġorġ Degiorgio tawhom struzzjonijiet biex jiddikjaraw li huma ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom biex b’hekk il-piena tkun ta’ 30 sena ħabs minflok għomorhom il-ħabs. Smajt li l-prosekuturi insistew li l-piena għandha tkun ta’ 40 sena ħabs. Il-ġuri issa kien beda u l-istat kien uża riżorsi kbar biex seta’ jingħata bidu għall-proċess. Lill-aħwa Degiorgio, il-prosekuturi ma kinux lesti jilbsulhom ingwanti tal-ħarir.

L-aħwa Degiorgio spiċċaw biex aċċettaw li jingħataw piena ta’ 40 sena ħabs. Ser iħallsu l-ispejjeż tal-proċess u l-proprjetà tagħhom ser tkun konfiskata.

Minn wara l-kwinti, l-Imħallef bagħtet għal psikjatra sabiex jiġi żgurat li l-aħwa Degiorgio kienu f’sensihom meta ammettew il-ħtija tagħhom

Għall-ħabta tal-5:30pm erġajna nnutajna moviment ieħor fl-awla tal-qorti. L-avukati reġgħu libsu t-toga u poġġew f’posthom. L-Imħallef daħlet fl-awla u b’mod retoriku staqsiet: “x’ser nagħmlu issa?”

Xi ftit konfuż, Simon Micallef Stafrace wieġeb u qalilha “int trid tgħidilna x’ser nagħmlu”. “Tgħid hekk għandi nagħmel?” wieġbet l-Imħallef. “Nerġa’ nsejjaħ lill-ġurati?”

L-avukat difensur fehem u b’leħen baxx stqarr li d-difiża kienet lesta li tibdel il-pożizzjoni tagħha.

“Kif ser tibdilha?”

“Iridu jiddikjaraw li huma ħatja.”

L-Imħallef sejħet lit-tabib li ħa ħsieb saħħet Alfred Degiorgio waqt l-istrajk tal-ġuħ u dan ikkonferma li Alfred kien jaf x’inhu għaddej u li jaf x’qed jagħmel. Il-psikjatra xehed ukoll li kien eżamina lill-aħwa u seta’ jikkonferma li kienu f’sensihom.

L-Imħallef talbet lil Ġorġ Degiorgio jqum bilwieqfa u talbitu jgħidilha x’iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih. “Ħati”, huwa wieġeb b’leħen sod.

L-Imħallef issa daret fuq Alfred, f’siġġu tar-roti iżda issa mingħajr il-kutra u stajt nara li kien liebes qalziet. B’leħen li bilkemm seta’ jinstema’, stqarr li hu “ħati”. L-Imħallef irrepetietlu l-kelma.

Kien hawn li l-Imħallef Grima wissiet lill-aħwa Degiorgio li huma kienu għadhom kemm ammettew delitt li miegħu jġorr piena ta’ għomor il-ħabs u tathom opportunità oħra biex jerġa’ jibdielhom. Ġorġ reġa’ għajjat il-kliem “ħati” u ħuh stqarr l-istess b’leħen baxx.

Il-prosekutur Philip Galea Farrugia wera rikors li ġie ffirmat mill-avukati ta’ Caruana Galizia u mill-avukati tal-aħwa Degiorgio b’rakkomandazzjoni li tingħata piena ta’ 40 sena ħabs.

Lill-ġurati li kienu ilhom jistennew mit-3pm, l-Imħallef sejħitilhom fl-awla biex jisimgħu t-tieni parti tad-diskors introduttiv tal-prosekutur. Għandi nifhem li, sforz iż-żmien li damu jistennew, fehmu li kienu seħħew xi żviluppi. Hekk kif lill-ġurati l-Imħallef spjegatilhom x’kien ġara’, li l-aħwa Degiorgio kienu ammettew il-ħtija tagħhom u li – bħala ġurati – ma kienx hemm aktar il-ħtieġa tagħhom, uħud mill-ġurati bdew iħarsu lejn xulxin bħallikieku biex jikkonfermaw dak li kienu ssuspettaw li kien seħħ.

Il-ġurati ħarġu barra mill-awla għall-aħħar darba: dak li kellu jieħu l-ġimgħat intemm f’jum wieħed biss.

Hekk kif telqu l-ġurati, l-Imħallef Edwina Grima daħlet fis-sigrieta biex tikteb is-sentenza. L-Imħallef mhix marbuta li tagħti sentenza skont kif ġie miftiehem, iżda jidher li dak li ġie miftiehem dwar il-piena ser iseħħ.

Erbgħin sena huma żmien twil. Mhix il-piena l-aktar ħarxa immaġinabbli għal delitt faħxi bħal dan. Iżda jidhirli li, fiċ-ċirkostanzi, il-piena hi waħda raġjonevoli. Jidher li seħħet il-ġustizzja.

Il-fatt li l-ġuri ntemm ħesrem ma jfissirx li seta’ kien hemm provi li baqgħu ma nkixfux. Il-provi li setgħu inġiebu kontra l-aħwa Degiorgio kienu diġà nġiebu u l-verità dwar l-involviment tagħhom issa hija magħrufa.

L-ammissjoni ta’ ħtija torbot ir-responsabbiltà tagħhom għad-delitt. Id-delitt huma kienu wettquh. Dwar dan m’hemmx dubju. Issa nistgħu ngħidu dak li ilna nafuh għal dawn l-aħħar 5 snin, x’kienu għamlu, kif għall-flus temmew ħesrem ħajjet Daphne Caruana Galizia. Minn issa l-quddiem m’għandniex għalfejn ngħidu li dawn huma allegazzjonijiet. L-aħwa Degiorgio m’għadhomx preżunti innoċenti. Dawn huma ħatja bl-ammissjoni tagħhom stess.

Li hu sinjifikanti huwa l-fatt li l-familjari ta’ Daphne qablu mal-prosekuzzjoni u mad-difiża dwar l-għoti tal-piena ta’ 40 sena ħabs. Dan b’kuntrast mar-reazzjoni tagħhom għall-piena mnaqqsa ta’ 15-il sena li kien ingħata Vince Muscat. Indipendentement miċ-ċirkostanzi differenti ta’ Muscat u tal-aħwa Degiorgio, huwa ta’ sodisfazzjon li l-familjari ta’ Daphne qablu mal-piena li ngħatat illum.

Jien u nikteb, naf li l-ġenituri ta’ Daphne ngħaqdu ma’ qrabathom biex ikunu preżenti hekk kif tingħata s-sentenza lill-qattiela ta’ binthom (mill-inqas tnejn minnhom). Dan jidher li huwa ġust.

M’għandniex xi ngħidu, għad fadlilna x’naqdfu. L-aħwa Degiorgio ser jieħdu dak li ħaqqhom iżda għad hemm oħrajn li kienu mdaħħlin fil-konġura biex tinqatel Daphne li għad irridu narawhom jgħaddu ġuri. Waqt li llum l-avukati deheru jfesfsu f’widnejn xulxin dwar dak li ddeċidew li jagħmlu l-aħwa Degiorgio, l-avukat ta’ Yorgen Fenech, Charles Mercieca deher ifesfes fil-widnejn hu wkoll.

Għadna ma wasalniex biex iseħħ ġustizzja sħiħa.

Iżda llum għamilna pass ta’ ġgant.