Matul il-ġurnata tal-lum qed jittellgħu attivitajiet li jfakkru l-ħames sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawn l-attivitajiet huma meħtieġa għal numru ta’ raġunijiet.
L-ewwelnett jeħtieġ li ssir ġustizzja ma’ dawk li qatlu lil Daphne. Tlieta minnhom jinsabu jiskuntaw piena ta’ ħabs. Tlieta oħra qed jistennew li jgħaddu ġuri. Jista’ jkun li hemm oħrajn imdaħħlin li madankollu għadhom jiġru barra.
It-tieni, mhux biżżejjed li Malta tirrikonoxxi vagament li Daphne nqatlet minħabba x-xogħol li kienet qed twettaq. Daphne ġiet assassinata minħabba dak li kien irnexxielha tikxef dwar ir-rabtiet fil-qrib li jeżistu f’pajjiżna bejn il-kriminalità organizzata, il-politika u n-negozju. Dawn ir-rabtiet għadhom hemm. Ma tistax issir ġustizzja jekk ma sseħħx bidla u d-demokrazija tagħna jeħtieġ li tinħeles mill-ktajjen tal-kriminalità li jinsabu ggranfati magħha.
It-tielet, jeħtieġ li neqirdu l-indifferenza billi nibqgħu nġeddu l-memorja tagħha mingħajr biża’. Hu u jipprova jiġġustifika r-rifjut tiegħu biex b’xi mod uffiċjalment ifakkar lil Daphne Caruana Galizia, Robert Abela stqarr li “din mhix kwistjoni ta’ anniversarji”. Qatt mhi kwistjoni ta’ anniversarji. Iżda dan ma jfissrix li l-anniversarji mhumiex importanti. X’aktarx li Robert Abela lil martu ma jħobbhiex biss dakinhar li tagħlaq sninha u ma naħsibx li f’għeluq sninha ser jonqos milli jiċċelebra magħha. Li kieku kellna ninjoraw l-anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne, ma konniex biss inkunu nqasna mir-“rispett”, kif bħal donnu jixtieqna nagħmlu Robert Abela. Konna nkunu ħatja wkoll ta’ att ta’ vjolenza u ta’ mibgħeda li l-qattiela tagħha u l-partitarji numerużi tagħhom kienu ġġustifikaw biex eliminawha.
Illum lil Daphne Caruana Galizia nfakkruha bħala ikona tar-rieda tagħna li ngħixu f’pajjiż demokratiku li fih il-ħsieb ħieles u t-tfittxija tal-verità jkunu ammirati. Daphne tfakkarna f’dak li tlifna: kemm il-ġurnaliżmu u l-eżempju tagħha kif ukoll it-telfien tal-innoċenza tagħna u tal-illużjoni li konna qed ngħixu f’pajjiż demokratiku.
Illum ser infakkru lil Daphne minħabba dak li tilfet: ħajjitha, l-imħabba tal-familja tagħha u l-premju li kien jixirqilha hi u tosserva l-bidliet frott ix-xogħol li kienet wettqet u l-bidliet fl-imħuħ ta’ dawk kollha li injorawha, li għajruha u li gidbu dwarha.
Sentejn ilu kont tellajt dan ir-recording ta’ intervista li kienet tat meta kienet għadha tibda’ l-karriera ġurnalistika tagħha. Tellajtu mhux biex infakkar lil Daphne bħala s-simbolu tal-aspirazzjonijiet tiegħi li nara li f’pajjiżi jkun hawn soċjetà demokratika, iżda biex infakkar fl-aspirazzjonijiet li wriet Daphne bis-saħħa ta’ ħsibijietha u tal-kitba setgħana li kellha għall-ġid ta’ komunità li kellha mbagħad tħallasha bl-assassinju tagħha.