Il-portavuċi tal-Prim Ministru Robert Abela – Karl Stagno Navarra – ħa għalih talli l-president ta’ Repubblika Robert Aquilina stqarr li tnikket meta sema’ li l-Partit Laburista ser isejjaħ laqgħa għall-partitarji tiegħu fis-16 ta’ Ottubru, jum li jaħbat il-ħames anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-istqarrija ta’ Robert Aquilina, Karl Stagno Navarra fehemha bħala twissija lil Bernard Grech biex il-PN ma jsejjaħx laqgħat għan-nies tiegħu dakinhar.
Loġika ta’ taħt fuq.
M’hemmx dubju li jnikkitna kull min f’pajjiżna jinjora l-anniversarju tal-assassinju ta’ ġurnalista. Kif qatt jista’ jkun differenti n-niket tagħna kemm-il darba l-Partit Nazzjonalista jiddeċiedi li jġib ruħu bħalma ser iġib ruħu l-Partit Laburista?
Dawk li jattendu għall-attivitajiet li jfakkru lil Daphne Caruana Galizia u lill-assassinju tagħha qalgħu kundanna mingħand Karl Stagno Navarra. Dan beda jsemmi l-ismijiet ta’ persuni privati bil-għan li jaqlagħlhom l-inkwiet fuq il-lant tax-xogħol u sabiex jikkastigahom talli jażżardaw juru fehmithom li ġurnalista m’għandha qatt tinqatel anke jekk tagħżel li tikkritika lill-Partit Laburista. Tahom fastidju fil-pubbliku apposta biex iħajjar lil ħaddieħor jagħmel l-istess.
Dawn ma jifilħux jisimgħu b’dawk li fil-beraħ ikunu jridu juru s-sogħba tagħhom għall-qtil ta’ ġurnalista.
Fil-ħin li qed inqatta’ f’Bieb il-Belt, ma’ wiċċi sibt persuni mimlijin rabja li bħal donnu jħossuhom qed jifggħu f’demmhom hekk kif jisimgħu jitlissen isem Daphne Caruana Galizia. Ilbieraħ jien u miexi fi Triq ir-Repubblika bil-mobile ma’ widnejja, smajt raġel igorr hekk kif lemaħ ir-ritratt kbir ta’ Daphne li armajna barra l-bini tal-Parlament.
“X’wiċċ irid ikollhom?” staqsa dan l-imbierek. “Lil din il-mara li riedet lit-tfal tal-Laburisti jmutu bil-kanċer kif qed jagħmluha bħallikieku kienet xi qaddisa?”
Minflok injorajtu, żbaljajt u weġibtu:
“Qatt smajtha tgħid dawn il-kliem? Jew forsi dawn il-kliem qatt rajthom miktubin xi mkien?”
Hekk kif temmejt l-aħħar mistoqsija, tfaċċaw xi rġiel oħrajn madwar dan ir-raġel u, flimkien miegħu, qabdu jgħajtu u jgorru aħna u mexjin flimkien tul Triq ir-Repubblika.
Dalgħodu minn nofs il-pjazza ta’ quddiem Bieb il-Belt sejjaħli gwida tat-turisti. “Li kieku kienet għadha ħajja” stqarr b’leħen għoli, “kont noqtolha b’idejja jien stess”.
Weġibtu: “U għaliex qed tgħid dan?” Kompla jgħajjat u, wara ħafna diskors, ammetta li – anki kieku dak li Daphne kienet tikteb dwar kien minnu – il-piena tal-mewt xorta kienet waħda tkun waħda sproporzjonata. Madankollu ma rtira xejn minn dak li kien għadu kemm stqarr.
Aktar tard, intbaħt li xi ħadd kien għamel ħsara b’sikkina jew b’xifer li jaqta’ lir-ritratt kbir ta’ Daphne li armajna quddiem il-bini tal-Parlament. Il-ħsara saret fuq ir-ritratt fejn jidher fomm Daphne. Sal-lum baqgħu ma jaħmlux il-memorja ta’ kitbietha u sal-lum għadhom iridu jsoddulha ħalqha. U lesti li jużaw il-vjolenza u l-armi biex isikktuha.
Wara ħames snin, qed infakkru lil Daphne għaliex dawn il-kummiedji għadhom iseħħu sal-lum. Għaliex għad hemm Karl Stagno Navarra li, bi kliemu minn fuq l-istazzjon televiżiv tal-Labour, qed jogħxa jxewwex u jhedded lil kull min għandu fehma li ma taqbilx ma’ dik tal-imgħallem tiegħu Robert Abela.
Il-libertà tal-kelma baqgħet tiġi mhedda sal-lum, l-istess bħalma kienet mhedda dakinhar li nqatlet Daphne. Saħansitra anki fomm ġurnalista assassinata ta fastidju lill-fanatiċi li jappoġġjaw lill-gvern u li jiġġustifikaw il-vjolenza biex jassiguraw li l-aħħar kelma dejjem tkun tagħhom.
Mhux kulħadd għandu l-istonku li, f’nofs Triq ir-Repubblika, joqgħod jisma’ l-ilħna rrabjati ta’ dawk li jemmnu b’serjetà kbira li int qed titkellem f’isem saħħara li kienet xtaqet lit-tfal tal-Laburisti jmutu bil-kanċer. Ma nafx kemm għandi stonku jien stess.
U peress li l-gvern jidher li huwa lest li jpattiha lil kull min jidher li f’xi attività li tfakkar lil Daphne, nifhem li hemm min jagħżel li jibqa’ lura.
F’wieħed mill-artikli tagħha, Daphne kienet kitbet dan li ġej:
“Malta: the place where bad things happen because those who can stop them are either completely useless or too busy protecting their own interests, making hay while the sun shines or saving their neck while watching others go under the guillotine.”
Jekk ma tridx li f’dan pajjiżna nkomplu niżlin ‘l isfel, lill-faxxisti li qed jippruvaw isikktuna u jirrumblaw minn fuqna jeħtieġ li niqfulhom.
Nhar il-Ħadd li ġej ingħaqad magħna.
Tħallihomx jaħsbu li b’xi mod jistgħu isikktuk u jirrumblaw minn fuqek.