Dalgħodu Joseph Muscat wera’ li nħaraq biż-żjara li Robert Aquilina għamel lill-uffiċċju li l-istat tah għad-dispożizzjoni tiegħu. Ħadd ma jieħu pjaċir jisma’ lil min igħidlu li postu maqful il-ħabs. Li kieku Robert Aquilina stqarr li post il-Papa Franġisku huwa l-ħabs, stqarrija bħal din tant titqies bħala waħda redikola li l-Papa Franġisku kien jinjoraha. L-istess jista’ jingħad għal kull minn ma jisħoqqlux li jinqafel il-ħabs. Joseph Muscat ma jistax jitqiegħed f’din il-kategorija.

M’għandniex xi ngħidu, l-kliem “huwa ovvju” ma jammontawx għal kundanna. Iżda nistedinkom tagħmlu paragun bejn il-kredibilità tas-sejħa li “Joseph Muscat postu l-ħabs” mal-istqarrija bi tweġiba li għamel l-eks-prim ministru skreditat. “Tistgħu tgħarbluni kemm tridu” wieġeb Joseph Muscat meta tkellem dwar għarbiel li jibża’ minnu daqs il-bard ta’ Jannar. Għaliex, skont hu, “min ser jgħarbel bis-serjetà l-imġieba tiegħi bħala prim ministru ser isib li jien dejjem fittixt l-interess nazzjonali”.

Tgħid mhux hekk! Sal-lum tant kien hemm skrutinju bix-xaba’ li issa nafu fiċ-ċert li meta igħid li huwa dejjem fittex l-interess nazzjonali, Joseph Muscat ikun qed ilissen ħmerija ħoxna.

Bħalissa d-dibattitu qed jiffoka fuq il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Ħadd – ħlief forsi dak jew dik li tkun għassa mal-bieb prinċipali tal-isptar t’Għawdex – m’hu qed igħid li b’xi mod ħajtu tjiebet bis-saħħa tal-politika ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi ta’ Joseph Muscat. Jista’ jagħti l-każ li, kieku l-isptar t’Għawdex baqa’ f’idejn il-gvern, il-kamra tal-banju tal-għassies tal-bieb xorta waħda kienet tingħata dehra ġdida. Ebda pazjent, ebda tabib, ebda infermier, ebda ċittadin, ebda ħadd m’hu qed igħid li ħajtu tjiebet bis-saħħa tal-privatizzazzjoni.

Li hu żgur hu li l-interess nazzjonali ġie mgħaffeġ taħt is-saqajn.

Għall-mument, ejjew nassumu li seta’ kien hemm il-possibilità li Joseph Muscat ried li jfittex l-interess nazzjonali iżda fallielu mhux għax kellu xi tort.

Jeħtieġ niftakru li l-kuntratt tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien diġà għadda mill-għarbiel tal-Awditur Ġenerali li kien kixef nuqqasijiet kbar fil-kuntratt. Waħda minn dawn kienet il-fatt li l-gvern innegozja kuntratt ma’ grupp ta’ persunni li, sa minn qabel ma nħarġet u xxandret l-offerta, diġà kienu jafu li l-isptarijiet kienu ser jingħataw f’idejhom.

Dan ċertament ma kienx fl-interess nazzjonali.

U mbagħad kien hemm l-għarbiel tal-qorti fil-kawża li għamel Adrian Delia. Skont il-qorti, fil-kuntratt tal-isptarijiet kien hemm in-negliġenza, l-irresponsabbiltà, is-superfiċjalità, id-dilettantiżmu u l-inġenwinità  fl-imġieba tal-gvern.

Tgħid din in-negliġenza, din l-irresponsabbiltà, din is-superfiċjalità, dan id-dilettantiżmu u din l-inġenwinità setgħu b’xi mod ilkoll jitqiesu li kienu fl-interess nazzjonali?

Għaldaqstant mhux minnu li Robert Aquilina u Repubblika qed jagħmluha ta’ ġurati, ta’ mħallfin u ta’ bojja meta jsostnu li post Joseph Muscat huwa l-ħabs. Kien ikun ħaqqna l-ħabs li kieku qbadna u ħadna l-liġijiet b’idejna. Meta nipprotestaw biex inħeġġu lill-istituzzjonijiet jaqdu dmirhom, b’daqshekk ma nkunux qed nieħdu l-liġijiet b’idejna. Anzi, nkunu qed neżerċitaw dritt demokratiku.

Inkunu qed infakkru lill-awtoritajiet li dmirhom hu li jħarrku lil Joseph Muscat fil-qorti u dan bis-saħħa tal-fatt li jeżistu l-provi. Ejjew ma nitkellmux dwar bojja u mhux bojja u forsi jkun aħjar jekk nitkellmu dwar id-Direttur tal-Ħabs li żgur jiftakar fil-froġa li għamel il-ġimgħa li għaddiet meta ħalla wieħed mill-aktar priġunieri perikolużi jattendi festin familjari.

Għaddieli ħsieb minn moħħi hekk kif ilmaħt dak ir-ritratt li nġibed ta’ Joseph u Michelle Muscat jippużaw f’Ta’ Betta Winery huma u jigdbu lill-Insta followers tagħhom li kienu ġew mistiedna f’dan il-post u jagħmlu tabirruħhom li l-kaxxa inbid li huma xtraw fil-fatt kienet ingħatatilhom b’rigal. Għall-pożi tgħidx kemm jinqalgħu!

M’hemmx dubju li l-ħsieb tagħhom kien li jimbarazzaw lis-sidien tal-post. Dan juri li Joseph u Michelle jafu ben tajjeb li xejn m’huma qed jinżlu għasel man-nies u li dawk li jkunu jridu jħarsu r-reputazzjoni tagħhom mhux ser ikunu lesti li jiddendlu magħhom.

It-tbissim insipidu tagħhom f’dak ir-ritratt fakkarni fit-tbissim ta’ George Degiorgio u ta’ niesu.

L-espressjoni fuq l-uċuħ tal-koppja Muscat u fuq wiċċ Degiorgio tindika l-istess qrusa li jħossu dawk li għexu ħajjithom kollha bl-impressjoni li ħadd ma jista’ għalihom u li issa qed isibu kpiepel li qed jiġuhom.

Joseph Muscat iridna nemmnu li huwa dejjem fittex l-interess nazzjonali. Jista’ forsi jasal li jirnexxielu jipperswadi b’dan lil-sħabu priġunieri fil-ħabs huma u jitħaddtu dwar it-tpinġija fuq ġisimhom.

Tistgħu tibdew timmaġinaw lil Joseph Muscat l-Invictus bir-ragħwa f’ħalqu taħt id-doċċa tal-ħabs.