Jidher li t-tmexxija tal-Partit Laburista baqgħet storduta bid-damdima li qalgħet wara li l-qorti qatgħet is-sentenza u ddikjarat li l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet li tant kienu ftaħru biha mhux biss kienet waħda illegali iżda kienet wkoll waħda qarrieqa u frawdolenti.
Is-sentenza li tat il-qorti ma jidhirx li ssorprendiethom daqshekk. Fil-fatt ma tantx damu biex iddikjaraw li ma kienx bi ħsiebhom jappellaw minnha u, għall-bidu, bħal donnu taw x’jifhmu li kienu ser jieħduha kontra Steward Health Care.
Iżda n-nies, b’mod speċjali l-partitarji Laburisti, ma damux biex fehmu l-implikazzjonijiet ta’ din l-imġieba. Jekk tal-PN kellhom raġun igħidu li dan il-kuntratt kien wieħed jinten, allura Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech kellhom raġun li jikkundannawh. Li jfisser ukoll li dwar il-kuntratt kellha raġun Daphne Caruana Galizia. U dan kif qatt jista’ jkun, mhux hekk? Din hi appuntu r-raġuni l-għala fil-Parlament il-Ħamis li għadda Robert Abela bellaħ lil kulħadd meta għażel li jiddefendi dak li l-membri tal-professjoni medika sejħulu “indifensibbli” – jiġifieri l-imġieba ta’ Steward waqt li kienu f’pajjiżna.
Il-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista qed jagħmlu ħafna għaġeb dwar ir-rabja li wriet l-oppożizzjoni waqt id-dibattitu parlamentari ta’ nhar il-Ħamis. U llum il-“ġurnal” tal-Partit Laburista xandar ritratti ta’ politiċi tal-oppożizzjoni juru r-rabja kbira tagħhom. Innutaw li wżaw il-kelma “vjolenti” bit-tama li jqanqlu l-emozzjonijiet tal-partitarji xettiċi tagħhom u biex jingħaqdu magħhom fil-mibgħeda patoloġika li għandhom “għan-Nazzjonalisti”.
Wieħed jeħtieġ li jifhem il-kuntest. Dawk ir-ritratti nġibdu wara li Robert Abela xela’ lil Adrian Delia li kien “gideb lill-qorti” meta stqarr li hu kien għamel rebħa fil-kawża tal-isptarijiet. B’din l-istqarrija Abela leħaq il-quċċata tal-qerq. Jekk huwa minnu li Adrian Delia kien tilef il-kawża dwar l-isptarijiet, Abela għaliex dam iħammem dwar jekk il-gvern kellux jappella? Min jitlef biss għandu l-għażla li jappella u, f’dan il-każ, it-tellief ma kien ħadd ħlief il-gvern.
Il-verità hi li r-ritratti li xxandru fuq il-faċċata ta’ quddiem tal-KullĦadd huma reazzjoni għal inċident li bil-kemm jirriżulta mill-minuti tal-Parlament. Mingħajr ma tkellem fil-mikrofonu u mingħajr ma kellu l-jedd li jitkellem, il-Ministru Anton Refalo nstema’ jgħajjat li l-oppożizzjoni kienet rebħet il-kawża għaliex kienet xaħħmet lill-Imħallef.
Għax hekk deherlu, Anton Refalo għoġbu jwaddab il-korruzzjoni kollha tal-kuntratt tal-isptarijiet fuq istituzzjonijiet li ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-iffirmar tal-istess kuntratt. Jiġifieri fuq l-oppożizzjoni u l-ġudikatura
Li kieku l-membru tal-oppożizzjoni ma esprimewx ir-rabja tagħhom fil-konfront ta’ diskors vili bħal dan kienu jkunu ħatja ta’ delitt kontra d-demokrazija.
Dan l-aħħar qrajt intervista fuq Lovin Malta ma’ membru parlamentari ġdida li fiha stqarret li ħasset ruħha trawmatizzata bir-rabja li wriet l-oppożizzjoni. Din ir-rabja stqarret li ma kienet ser tinsiha qatt. Jewwilla m’hix tal-blieħ li jkollok toqgħod tiddefendi l-korruzzjoni u r-regħba tal-membri parlamentari sħabek? Din l-imbierka jmissa tifhem li, sakemm il-partit tagħha jibqa’ jaqbeż għall-kriminali u jibqa’ jgħattilhom, sakemm ikompli jqarraq dwar deċiżjonijiet li jittieħdu mill-istituzzjonijiet u dwar provi li jkunu ġew imxandra mill-mezzi tax-xandir dwar il-korruzzjoni ta’ sħabha, r-rabja tan-nies ma tistax tonqos. U naċċertaha li għad fadlilha x’tara. Għadna lanqas bdejna niflu l-ħadmiet skandalużi ta’ 17 Black u tal-Electrogas. U dakinhar li jinkixef aktar ħmieġ, ser ikun hemm aktar twaħwieħ.
Jidher li din id-deputata Laburista b’mod pervers mingħaliha li l-politika hi biss xi logħba u li rabja parlamentari bħal din sal-lum qatt ma ratha b’għajnejha. Imissha tifhem li d-deputati tal-faċċata tagħha jidher li issa qamu sewwa minn nagħsa li kienu fiha.
Tal-Labour tgħidx x’għaġeb kbir għamlu dwar persuna li espriema r-rabja li kellu fuqu billi fajjar beżqa fid-direzzjoni ta’ ħaddiem tal-One TV. Għaġeb tal-għeġubijiet! Kemm il-darba kont f’okkażjonijiet li fihom kien ikolli kamera tal-One TV tiġri warajja u ssegwini – okkażjonijiet bħal dawn li fihom tgħallimt nesprimi r-rabja tiegħi bis-saħħa ta’ kliem ikkulurit u bi tbissima ironika. Iżda m’għandna qatt inħalltu dik il-kamera mal-ġurnaliżmu. Dik il-kamera la tkun qed tfittex li tirrapporta dwar fatti u wisq inqas tagħti xi fehma ġenerali dwarhom. Iżda tfittex biss li ċerti dettalji toħroġhom barra mill-kuntest tagħhom bil-għan li tqarraq dwar ir-rabja ġustifikata tan-nies li jkunu fehemu li t-taxxi li jħallsu huma b’tant sagrifiċċju qed jinxtorbu minn negozjanti u politiċi korrotti, u dan bħallikieku din ir-rabja kienet xi att ta’ vjolenza.
B’hekk ikunu jistgħu jaljenaw l-attenzjoni tan-nies biex dawn ma jibqgħux jiffokaw fuq il-mod dwar kif Joseph Muscat għadda tliet sptarijiet f’idejn dawk li ħaxxnu l-kont bankarju personali tiegħu, iżda jiffokaw fuq bniedem li fajjar beżqa. Jippretendu li għandna ninsew l-imġieba skandaluża ta’ Joseph Muscat u fl-istess ħin għandna nixxukkjaw ruħna bl-imġieba ta’ minn fajjar beżqa.
Illum tal-KullĦadd xandru rapport dwar artiklu li ktibt ftit tal-ġranet ilu li permezz tiegħu kkritikajt id-deċiżjoni tal-gvern li jagħti passaport diplomatiku lil Joseph Muscat. Qed inġib screenshot tal-gazzetta għaliex ir-ritratt qarrieqi li ġabu tal-blog tiegħi huwa eżempju klassiku dwar kif wieħed joħroġ għal kollox barra mill-kuntest.
L-artiklu li ktibt ma kienx dwar “il-ġenn u l-ħmieġ” ta’ Dom Mintoff. Iżda kien dwar il-ġennata li eks prim ministru – partikolarment eks prim ministru korrott bħal Joseph Muscat – jingħata passaport diplomatiku għal ħajtu kollha.
Lill-qarrejja fakkarthom li Dom Mintoff kien eks prim ministru anki fi żmien meta x-xjuħija ħakmitu b’tali mod li ma kienx aktar kapaċi li jġib ruħu b’mod diplomatiku. Dawn imisshom jiftakru li meta Mintoff kien wasal f’dan l-istadju f’ħajtu, tal-Labour kienu abbandunawh u kienu biss Karmenu Mifsud Bonnici u xi persuni li baqgħu leali lejh, kif ukoll persuni fil-gvernijiet ta’ Eddie Fenech Adami u ta’ Lawrence Gonzi li tawh l-għajnuna li kien jeħtieġ.
Iżda dan m’huwiex il-punt.
Il-punt hu li l-imġiba ta’ ħaddiem bil-kamera tal-One TV li ġibed filmat ta’ persuna li esprimiet ir-rabja ġustifikata tagħha għall-gvern wara li l-qorti qatgħet sentenza dwar il-qerq u l-illegalità ta’ kuntratt pubbliku li jiswa’ l-miljuni, hi inġusta daqs kemm hu inġust ir-rapport li xandar il-KullĦadd li qarraq dwar kitbieti biex ipinġini bħala bniedem li ma jaħmilx lill-anzjani.
Dakinhar, fost dawk li kienu qed jipprotestaw, kien hemm bniedem li beżaq u kulħadd għandu dritt jgħid li ma jaqbilx ma’ imġieba bħal din. Iżda mbagħad xi ngħidu għal prim ministru li gideb lill-Parlament dwar l-eżitu ta’ sentenza tal-qorti li ddikjarat li l-gvern kien iffirma kuntratt kontra l-interess pubbliku u li x’aktarx kien imsejjes fuq qerq u frodi kriminali u dwar dak il-ministru li b’qerq xela’ Mħallef li xxaħħam biex jiżvantaġġja lill-partit tiegħu.
Dan il-qerq kollu kważi kważi jixraqlu li jixxarrab b’beżqa.