Xi ġranet ilu, ktibt dwar “l-għarbiel ta’ Lawrence Gonzi” jien u nagħmel paragun bejn il-livell ta’ governanza mill-2013 ‘l hawn u l-livelli li konna mistennijin li nilħqu qabel dik is-sena. Minħabba dak li ktibt, kien hemm min ħa għalih u kien hemm min fakkarni li żmien Gonzi kien mimli difetti u l-iżbalji li kienu saru dak iż-żmien faċli issa li jintesew minħabba n-nostalġija.
Qabel jerġgħu joqomsu dawk li ħadu għalihom, għandi ngħid li meta perijodu tal-istorja jipparaguna tajjeb ma’ perijodu ieħor, dan m’għandux ifisser li tal-ewwel kien mogħni bil-perfezzjoni. Iżda l-paraguni m’hux dejjem huma odjużi għax ifakkruna dwar dak kollu li fl-imgħoddi konna nqisuh bħala importanti u dwar dak li qed ngħixu issa.
Kien hemm bosta li kienu pprotestaw meta Victor Scerri, fi żmien li fih kien iservi bħala President tal-PN, kien beda’ jirranġa u jikkonverti dar fil-kampanja. Dak iż-żmien, tal-One TV kienu jxandru rapporti dwar protesti minn persuni rrabjati bħallikieku dawn kienu qed jipprotestaw kontra r-rimi ta’ skart nuklejari fil-wied tal-Baħrija. U fil-fatt grupp ta’ attivisti kienu talbu lill-qorti biex tannulla l-permess tal-bini għal dak l-“iżvilupp”, tiddikjarah illegali u treġġa’ kollox għal dak li kien qabel.
B’akkużi bħal dawn imċappsin ma’ wiċċu u bil-għan li jkun f’pożizzjoni aħjar li jiddefendi ruħu, Victor Scerri mmedjatament warrab mill-kariga tiegħu fil-partit. Kellhom igħaddu 9 snin biex fl-aħħar il-qorti qatgħet is-sentenza billi ddikjarat li Scerri ma kien kiser ebda liġi u li l-permess li kien kiseb biex jibni daru kien wieħed għal kollox legali. Iżda sa dak iż-żmien il-karriera politika tiegħu kienet diġà waslet fi tmiemha. Id-dar tiegħu tal-Baħrija ukoll ma baqgħetx tiegħu. Iżda talli kien warrab mill-kariga biex seta’ jiddefendi ruħu aħjar, kellu s-sodisfazzjon jara lill-qorti tagħtih raġun.
Issa pparagunaw dan kollu mal-imġieba ta’ Ian Borg. Taħsbu li, issa li l-qorti tenniet dak li kienet qalet qorti oħra qabilha fis-sens li l-pixxina li huwa bena f’wied kienet waħda llegali, Ian Borg ser iwarrab? Taħsbu li mhux ser ikompli jgawdi l-pixxina llegali tiegħu meta jerġa’ lura Malta minn New York?
U hawn lanqas biss qed nagħmlu paragun bejn żewġ stejjer li jinsabu fuq l-istess livell. Li kieku Ian Borg ġab ruħu bħalma kien ġab ruħu Victor Scerri, dan suppost ilu mill-2018 li warrab mill-ħajja pubblika. Jiġifieri minn dakinhar li għall-ewwel darba kien sar ilment li l-permess li kien kiseb Ian Borg kien wieħed illegali. Kieku ried, seta’ ddefenda l-pożizzjoni tiegħu “bħala ċittadin privat” u dan għaliex il-bini ta’ din l-imbierka pixxina hi kwistjoni ta’ interess pubbliku: huwa fl-interess pubbliku li naraw li min jakkwista permess biex jibni pixxina, jkun akkwistaha għaliex il-liġijiet dan jippermettuh.
Ian Borg ma ddefendiex ruħu bħala ċittadin privat iżda bħala ministru tal-istat. Biex b’hekk qiegħed il-kredibilità tal-kariga uffiċjali tiegħu fil-periklu.
L-istorja dwar il-mod kif Ian Borg kien akkwista l-palazz li għandu fil-wied ta’ Santa Katerina fiha x’tomgħod. Xi snin ilu, sirna nafu li l-art li fuqha bena’ l-pixxina llegali tiegħu kien akkwistaha llegalment.
Is-sensara li kienu qed jinnegozjaw f’ismu, bis-saħħa tax-xorb li kienu ġiegħluh jixrob kienu ġiegħlu lis-sid – bniedem marid mentalment – biex iċedi biċċa minn din l-art lil Ian Borg għal farka tal-prezz reali tagħha.
Dakinhar li Ian Borg kien xehed f’kawża ta’ libell dwar dan il-bejgħ il-qorti ddikjarat li x-xhieda tiegħu “ma kinitx kredibbli”. Bis-saħħa ta’ dan il-fatt biss – il-qorti effettivament u mingħajr tlaqliq xlietu li hu giddieb – kien messu warrab.
Iżda meta jseħħu dawn l-affarijiet, hawn Malta ħadd ma jwarrab. L-għarbiel ta’ Lawrence Gonzi ilhom li rmewh mill-2013. F’Malta l-ministri jistgħu jigdbu, jisirqu, jiksru l-liġijiet u jgħadduha lixxa sakemm ikun hemm xi mħallef mogħni b’doża qawwija ta’ sens komun li jwaqqafhom. Iżda xorta waħda jibqgħu fil-kariga u jkomplu jisirqu, jigdbu u jiksru l-liġijiet kif u meta jogħġobhom.
Fis-sena 2012 ma konniex f’xi ġenna tal-art perfetta. Iżda li kieku f’dik is-sena Ian Borg kien fil-kariga, kienet tiddabbarlu rasu bla dewmien.