Għal għexieren ta’ snin, kemm taħt Alfred Sant kif ukoll taħt Joseph Muscat, Manwel Cuschieri kien imexxi programm fuq ir-radju tal-Partit Laburista li l-għan tiegħu kien li jobżoq il-ħdura u l-mibgħeda kontra “l-għedewwa tal-poplu”. Wara Goebbels u qabel tfaċċaw fix-xena l-propagandisti ta’ Trump, Malta kellha lil Manwel Cuschieri.
Flimkien ma’ qaddejja oħra ta’ Joseph Muscat, lil Manwel Cuschieri qalftuh il-barra mir-radju Laburista. Fil-Partit Laburista ħadd ma mar igħid li kienu qalftuh il-barra għaliex il-politika m’għandha qatt tkun strument sabiex tinxtered il-mibgħeda. Għal Manwel Cuschieri, Joseph Muscat huwa alla. U adulazzjoni bħal din ma tistax tibqa’ tkampa fi żmien li matulu baqgħu joktru l-provi li huwa kien il-promotur ewlieni tal-korruzzjoni li għadha sal-lum ta’ piż kbir fuq pajjiżna.
Għall-bidu Manwel Cuschieri kompla jxandar id-diskorsi mill-karrozza tiegħu. U issa sab il-kenn għand Smash Radio.
Hemm min isostni li m’għandix nagħti importanza lill-mibgħeda li jobżoq u jmissni ninjoraha għaliex bosta huma dawk li ma jsegwuħx. Madankollu nistedinkom tisimgħu silta minn diskors li Manwel Cuschieri xandar il-bieraħ minn fuq ir-radju għaliex kliemu huwa riflessjoni tal-mod kif jaħdem moħħ Joseph Muscat. Kien qisu miġnun iffissat.
Int għandek tkun taf li minn fuq ir-radju qed tinbeżaq din il-mibgħeda kollha u għandek tifhem x’inhu għaddej mill-imħuħ ta’ dawk il-fanatiċi li għadhom jappoġġjaw lil Joseph Muscat. U dak li jinsab għaddej minn moħħhom huwa riflessjoni ta’ dak li jinsab għaddej minn moħħ Joseph Muscat.
Il-bieraħ Manwel Cuschieri kellu fil-mira tiegħu lill-President u lill-Viċi-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina u Alessandra Dee Crespo.
- Għajjar lil Aquilina u Crespo b’ipokresija u dan talli dawn qatt ma semmew xejn dwar il-fallimenti ta’ qabel Marzu 2013 fejn tidħol is-saltna tad-dritt (żmien li matulu l-PN kien fil-gvern) iżda tkellmu biss issa. Dan bħallikieku qed igħidilna li qabel l-1950 qatt ma kienu tkellmu u r-raġuni hi li dak iż-żmien kienu għadhom ma twildux. Għal xi żmien wara l-2013, ma kienux tkellmu dwar korruzzjoni. Li kien heżżiżhom kien l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li, jeħtieġ niftakru, kien seħħ wara Marzu 2013 u fi żmien meta l-alla tiegħu Joseph Muscat kien ħoloq ambjent li ppermetta li jseħħ l-assassinju tagħha u kien proprju għal dan li huwa nstab ħati mill-inkjesta tal-Imħallfin.
- Xela’ lil Aquilina u lil Crespo li l-imġieba tagħhom hi influwenzata mill-fatt li f’Marzu 2013 Joseph Muscat ma kompliex igħaddilhom id-“direct orders” u kien qatgħalhom “iż-żejża” ta’ flejjes pubbliċi li kienu qed jidħlu f’buthom. Din gidba ħoxna. Lili forsi jista’ jixlini b’akkuża bħal din għaliex sa Marzu 2013 kont għadni nirċievi salarju mingħand il-gvern. Iżda ma tistax issir fil-konfront ta’ Aquilina u Crespo li qatt ma ħadmu mal-gvern.
- Xela’ lil Aquilina u Crespo li dawn ingħataw xogħol mill-Knisja Kattolika (bħala nutar fil-każ ta’ Aquilina u bħala impjegata fil-każ ta’ Crespo) minkejja l-kampanji tagħhom ta’ “mibgħeda kontra tal-Labour”. Gidba ħoxna oħra. Fiż-żmien li Daphne Caruana Galizia kienet għadha mimlija bil-għomor, dawn kienu jaħdmu u l-pajjiż qajla kien jaf bihom.
- Waħħal f’Aquilina u Crespo għat-tnaqqis fl-attendenzi fil-knejjes fil-Ħdud. B’din naħseb li ried igħaxxina bid-daħk.
Flimkien ma’ sħabi f’Repubblika, nixtieq nesprimi s-solidarjetà tiegħi ma’ Robert Aquilina u ma’ Alessandra Dee Crespo li sal-lum u b’tant għaqal mexxew din l-għaqda żgħira tas-soċjetà ċivili, tant li Joseph Muscat issa qed jipprova jtellfilhom ħobżhom.
Irrid ukoll immur lil hinn mis-solidarjetà. Dakinhar li Aquilina u Crespo niżlu fl-arena pubblika, l-karrozza ta’ Daphne Caruana Galizia kienet għadha vampa nar. Konna nafu għalxiex konna deħlin. Jew inkella messna konna nafu. Konna nafu biżżejjed biex ma niskantaw xejn bil-velenu li Manwel Cuschieri għoġbu jobżoq wara kważi sitt snin.
Manwel Cuschieri tkellem dwar il-“monument ta’ xi ħadd” hu u jirreferi għas-sit tal-protesta fil-Belt Valletta li jsejjaħ għall-ġustizzja fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia. Innutaw kif kliemhom baqa’ miżgħud bil-preġudizzji u bil-mibgħeda. Innutaw kif jinsabu mwerwrin mill-konsegwenzi inevitabbli li ma jistgħux jaħarbuhom. Innutaw kif dawn huma saħansitra lesti li jtellfu l-ħobż ta’ dawk li jiqfulhom.
Skont Manwel Cuschieri, Repubblika hi “l-fazzjoni estrema tal-PN” – xilja li jeħtieġ li jlissinha bil-għan li jqanqal il-mibgħeda tas-semmiegħa tiegħu. Qal ukoll li Repubblika tikkritika biss lil Laburisti u lin-Nazzjonalisti tqishom bħallikieku huma xi anġli tas-sema u dan sakemm jiftakar li dan ċertament m’huwiex il-każ u jerħilha jlaqlaq. Jixlina li aħna “fazzjoni estrema tal-PN” għaliex jaf li xilja bħal din xejn ma togħġobna.
Jien inwieġeb billi lil Manwel Cuschieri ngħidlu li huwa l-Partit Laburista nkarnat u mhux ta’ xi fazzjoni estrema fi ħdanu. Bl-istess mod kif Joseph Muscat huwa l-personifikazzjoni tal-Partit Laburista.
Naf li din id-deskrizzjoni lil Manwel Cuschieri tinżillu għasel.
Li ma jinżillux għasel huwa l-fatt li Cuschieri stess huwa wieħed mir-raġunijiet l-għala ser inkomplu fi triqitna u li m’hux bi ħsiebna nċedu.