Dalgħodu MidSea Books xandru ktieb ġdid ta’ Robert Aquilina li jġib l-isem: “Pilatus: A Laundromat Bank in Europe”. Il-ktieb fih 734 paġna, iżda m’għandkomx għalfejn taqrawh minn qoxra sa qoxra għaliex minn paġna 265 ‘il quddiem jidhru stampati l-provi li fuqhom għandhom jiġu msejsa l-prosekuzzjonijiet kontra ċorma kriminali li wettqu delitti serji f’Malta u li xturhom ġew mgħottija mill-awtoritajiet.
Jekk trid, tista’ taqra madwar 500 paġna ta’ provi. Iżda aktar importanti huwa l-fatt li l-provi issa jinsabu f’idejk u ser jibqgħu fuq l-ixkaffa tal-kotba tiegħek għal dejjem.
Dan huwa ġust. Wara kollox intefqu €7.5 miljun mit-taxxi tagħna biex setgħu nġabru dawn il-provi. Iżda dawn il-provi ma wasslux biex il-pulizija ħadu passi bil-qorti kontra l-kriminali li ġew identifikati li wettqu d-delitti. Għall-anqas tista’ żżomm il-ktieb bħala rikordju li jfakkrek fil-miljuni li ntefqu minn flusek.
Il-fatt li f’idejna issa għandna dawn il-provi huwa minnu nnifsu att ta’ protesta. Lill-qarrejja tal-ktieb, Robert Aquilina qed jistedinhom biex jagħmlu att ta’ sfida kontra l-korruzzjoni u kontra l-kompliċità tal-aġenti tal-istat. Il-ktieb huwa tweġiba formidabbli, aktar milli waħda simbolika, għan-nuqqas ta’ trasparenza tal-istat u għall-fatt li dawn il-provi ppruvaw jidfnuhom. Hu wkoll att fiżiku minn naħa ta’ ċittadini ordinarji u ta’ qarrejja li m’għadhomx jibilgħu l-istejjer li jippruvaw ibellgħulhom u li jieħdu pussess tal-fatti direttament u personalment.
Uħud mill-provi jidhru bħala directly scanned images. Oħrajn jidhru taħt il-kitba tal-awtur stess u dan sabiex jiġu protetti s-sorsi li għenu lil Robert Aquilina jifhem aħjar id-dettalji kollha tal-konġura.
Ħasadni l-kontenut ta’ numru ta’ e-mails skambjati internament bejn membri tal-pulizija. Dawn l-emails juru b’mod mill-aktar skjaċċanti li l-pulizija kienet iddeċidiet li ma tieħux passi kriminali bil-qorti kontra żewġ persuni li ġew identifikati mill-Maġistrat tal-inkjesta. Dawn iddeċidew li ma jħarrkuhomx, iżda ma setgħux jagħtu raġuni wara din id-deċiżjoni. U għaldaqstant ippruvaw jivvintaw raġunijiet legali li l-Avukat Ġenerali seta’ jiggranfa magħhom bil-għan li jibqa’ ma jħarrikhomx.
Imisskom taqraw dwar kif id-Deputat Kummissarju Alexandra Mamo wriet li ħadet ir-ruħ hekk kif intebħet li l-problema kienu sabu tarfha n-nies ta’ taħtha: “Thank you would be an understatement,” kitbitilhom. Wieħed jista’ jimmaġina kemm ferħu l-kriminali hekk kif dawn irċievew telefonata biex iserrħulhom rashom li passi kontrihom ma kienux ser jittieħdu.
Din l-istorja għandha l-ingredjenti kollha ta’ cover-up.
Il-biċċa l-kbira tad-diretturi tal-Pilatus Bank igħixu barra minn Malta u għaldaqstant il-pulizija Maltija ma tistax tħarrikhom. U dawk li jew igħixu f’Malta jew jeħtieġu l-intervent tal-qorti Maltija biex jiġbru lura l-flus li qed igħidu li huma dovuti lilhom, ingħataw ċertifikat ta’ immunità mill-Avukat Ġenerali.
Dan ifakkarna fiċ-ċertifikat ta’ ndafa li kien ħareġ l-aġent direttur tal-FIAU lill-Pilatus Bank u dan minkejja l-eżistenza ta’ provi ċari dwar ħasil ta’ flus li seħħ fi ħdanu. L-aġent direttur ta’ dak iż-żmien kien Alfred Zammit. Illum, għal ġieħna, dan jokkupa l-kariga ta’ aġent direttur tal-FIAU.
Din l-istorja għandha l-ingredjenti kollha ta’ cover-up.
Repubblika taf ben tajjeb li l-awtoritajiet kienu qed jippruvaw jaħbu u jidfnu provi li lill-pajjiż swewh mal-€7.5 miljun. U kien għal din ir-raġuni li dħalna l-qorti sabiex id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali tiġi revokata. Fil-qorti l-Avukat Ġenerali kien rappreżentat mill-Avukat tal-Istat u dan insista li l-provi kellhom jinstemgħu bil-magħluq u li l-pubblika ma kellux jitħalla jisma’ lil Robert Aquilina jixhed dwar il-provi li llum jifformaw parti mill-ktieb tiegħu.
Din l-istorja għandha l-ingredjenti kollha ta’ cover-up.
Robert Aquilina illum tajjar l-għatu ta’ borma li ilha tbaqbaq. L-investigazzjoni ma bdiehiex hu. Ma kellux €7.5 miljun x’jonfoq biex jagħmilha. Iżda din saret f’ismek u fl-interess tiegħek minħabba d-delitti kriminali li twettqu mis-sid u mid-diretturi tal-Pilatus Bank li minħabba fihom ir-reputazzjoni ta’ pajjiżek f’għajnejn id-dinja ħadet daqqa kbira ‘l isfel.
Mhux sewwa li dawn il-provi kollha jindifnu u dan biex ma jkunx hemm iċ-ċans li xi Iranjan ifferoċjat iffettillu jikxef ix-xtur ta’ Joseph u Michelle Muscat u jitkellem dwar xi flus għaddew jew m’għaddewx mill-bank tiegħu. M’hix daqstant importanti l-impunità li qed igawdi Joseph Muscat u din m’għandha qatt tiġġustifika l-impunità għal min wettaq id-delitti kriminali li llum kixef Robert Aquilina fil-ktieb tiegħu.
M’intix ser titħallas lura l-flus li ħallast jekk taqra l-500 paġna tal-ktieb mimlijin provi. Iżda issa għandek iċ-ċans li tipprotesta kontra istituzzjonijiet korrotti bħalma huma l-pulizja u s-servizz tal-prosekuzzjoni li qed jgħattu xtur il-kriminali. Ixtru l-ktieb biex tkun tista’ tifli l-provi li Anġlu Gafà u Victoria Buttigieg ma jridukx tara.
Il-ktieb għożżu u għajjat b’kemm għandek saħħa fid-direzzjoni tal-qaddejja ta’ Joseph Muscat u ta’ Ali Sadr anki jekk dawn jispiċċaw igħadduha lixxa: “Jien naf intom x’għamiltu”.