L-awtoritiajiet Maltin lanqas biss indenjaw ruħhom li jiċħdu. Diversi NGOs xlew lil Malta li ordnat lill-bastimenti merkantili sabiex ma jagħtux l-għajnuna tagħhom lill-migranti li jinsabu f’diffikultà, minkejja li dawn ilhom ġranet sħaħ f’periklu tal-għarqa f’nofs baħar imqalleb jistennew bil-ħerqa li xi ħadd iħenn għalihom u jiġu salvati.
Dan hu livell ta’ kefrija li ma jitwemminx: mhux biss qed nonqsu milli nsalvaw lil min ikun f’xifer il-mewt, iżda saħansitra qed nordnaw lil min jinsab biss pass il-bogħod minnhom biex iwarrab u nhedduhom b’taħrikiet dwar traffikar uman kemm il-darba jiddeċiedu li jħallu lill-kuxjenza tagħhom tmexxihom.
Il-fatt li l-awtoritajiet Maltin m’huma jiċħdu xejn minn dawn l-akkużi jfisser li dawn l-akkużi huma minnhom. Jew inkella dawn l-awtoritajiet jixtiequ li dawn huma minnhom u jridu lin-nies temmen li huma minnhom.
Naf li nkun qed niżbalja jekk inwieżen kollox f’keffa waħda iżda, jien u naqra dwar il-kontroversja li feġġet dwar dawk ir-ristoranti u ħwienet tax-xorb li fetħu bħas-soltu minkejja l-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira, ma stajtx ma nikkonkludix li dak li huwa inqas importanti qed nagħtuh piż li ma jixraqlux, filwaqt li kwistjonijiet li huma bil-wisq aktar serji qed nagħżlu li ninjorawhom.
Huwa minnu li Malta ma taħtix għall-kefrija li qed juru pajjiżi bħall-Italja, l-Greċja u pajjiżi Ewropej oħra li wkoll qed jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom fil-konfront ta’ dawn l-imsejkna. Iżda jeħtieġ li nerfgħu r-responsabbiltà għal dak li qed nagħmlu aħna: jiġifieri meta nordnaw lill-bastimenti jibqgħu lura milli jsalvaw lil min ikun f’xifer il-mewt.
Ta’ dan, għandna nerfgħu r-responsabbiltà kollha.