Fl-2003 Joseph Muscat kien għamel tabirruħu li l-Partit Laburista rebaħ il-kampanja tar-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dawk li vvutaw “Le” kienu ħafna inqas minn dawk li vvutaw “Iva” u madankollu ħareġ jiċċelebra fit-toroq. Jien għidt li għamel tabirruħu li rebħu, iżda x’ħass bejnu u bejn ruħu jien ma nafx. Nista’ biss nikkummenta dwar il-mod kif kien ġab ruħu. M’hemmx dubju li kien emmen li kemm il-darba jġib ruħu bħallikieku l-partit tiegħu tassew rebaħ, in-nies xorta kienet ser temmnu.
Jekk hawn xi ħadd li mingħalih li għandu l-ħila jgħaddi ż-żmien bin-nies billi jġiegħlhom jiġbdu konklużjoni żbaljata dwar liema waħda minn żewġ tazzi fiha aktar ilma, taħsbu li ser ikun hawn min jiskanta jekk dan ikun mingħalih ukoll li għandu l-ħila jbellagħha li l-ħtija fil-fatt m’hi xejn ħlief innoċenza?
Illum il-Malta Today ħarġet tgħajjat li “Muscat plays home in strong defence of Electrogas contract” u dan juri kemm għandu l-ħila li jimpressjona meta l-iswed ipinġih bħala abjad, hu u jipprova jnessi ċerti fatti mill-imħuħ tan-nies. Il-membri kollha tal-PAC u dawk li jsegwu l-ħidma ta’ dan il-kumitat parlamentari kienu lkoll skantaw bil-ġudizzju iebes tal-Awditur Ġenerali. U minkejja dan, il-bieraħ il-membri tal-PAC ma felħux li ma jħarsux lejn xulxin u jroddu s-slaleb hekk kif semgħu lil Joseph Muscat jistqarr li l-Awditur Ġenerali ma kien sab xejn ħażin.
Dawn li ġejjin huma fatti li lanqas Joseph Muscat innifsu m’għandu l-ħila li jiċħad:
- Qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat u l-Partit Laburista kellhom laqgħat mal-familji Apap Bologna u Fenech. Huwa tkellem dwar x’kien intqal u x’ma kienx intqal u, naturalment, Apap Bologna u Fenech qablu miegħu.
- Meta kien għadu fl-oppożizzjoni, l-Partit Laburista kien iffirma memorandum of understanding (MOU) ma’ konkorrent potenzjali għall-kuntratt tal-power station. Joseph Muscat igħid li l-fatt li l-firmatarju tal-MOU mal-medda taż-żmien ma kienx rebaħ il-kuntratt minnu nnifsu huwa “prova” li l-MOU ma kien fih xejn ħażin. Iżda l-fatt biss li n-negozju ma kienx seħħ ma jffisirx li dak ma kienx it-tir tagħhom. Wara kollox, x’kien l-iskop wara l-iffirmar tal-MOU jekk mhux biex in-negozju jirnexxi?
- Ir-relazzjoni li l-Partit Laburista nieda mar-reġim tal-Ażerbajġan kienet bdiet bis-saħħa tal-iskandlu ta’ tixħim u korruzzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa. Joseph Muscat stqarr li kien Joe Debono Grech li introduċiehom u din l-introduzzjoni pinġieha bħala waħda li kienet providenzjali.
- Ftit jiem biss wara l-elezzjoni tal-2013, Keith Schembri u Konrad Mizzi (u persuna oħra) ħolqu kumpanniji fil-Panama. Minn dokumenti li kienu nkixfu rriżulta li dawn il-kumpanniji kienu ser jirċievu flus mingħand kumpanniji oħra li mal-medda taż-żmien sirna nafu li s-sidien tagħhom ma kienu ħadd ħlief in-negozjatur tax-Shanghai Electric (jiġifieri Chen Cheng) u s-CEO tal-Electrogas (jiġifieri Yorgen Fenech). Għalissa (għall-grazzja tal-argument) ejjew noqgħodu fuq l-istorja uffiċjali li s-sid tat-tielet kumpannija m’huwiex Joseph Muscat, aħna u nosservawh jipprova jagħmel minn kollox biex ifixkel kull attentat biex tinġibed konklużjoni oġġettiva dwarha.
- Konrad Mizzi kien innegozja l-bejgħ parzjali tal-Enemalta lil Shanghai Electric u kien ħa b’idejn l-istess Chen Cheng li, skond dak li kien ingħad mill-accountants lil ditta legali Panamiża, kien qed ilesti biex jimla’ l-bwiet ta’ Konrad Mizzi bil-miljuni.
- Brian Tonna, li kien ħoloq il-kumpanniji għal Keith Schembri, Konrad Mizzi u għat-terza persuna, kien ukoll ħoloq strutturi offshore għal Chen Cheng.
- Brian Tonna kien konsulent ta’ Joseph Muscat hekk kif dan ħa f’idejh ir-riedna tas-setgħa u fl-istess waqt kien jirreklama lilu nnifsu bħala s-sid ta’ Mossack Fonseca (Malta) Ltd.
- Id-ditta ta’ Brian Tonna kienet kitbet it-termini ta’ riferenza għall-ħruġ tal-offerti tal-kuntratt tal-power station.
- Kienet id-ditta ta’ Brian Tonna li mexxiet il-proċess tal-għażla tal-Electrogas.
- Il-kumpannija ta’ Yorgen Fenech kienet klijenta tad-ditta ta’ Brian Tonna.
- Fl-2016, bis-saħħa tal-iskandlu tal-Panama Papers, inkixfu Keith Schembri u Konrad Mizzi. Joseph Muscat irrifjuta li jkeċċihom u spiċċa biex keċċiehom ftit jiem biss qabel twarrab huwa stess f’Novembru 2019.
- L-għajn tal-finanzjament privat għall-hekk imsejjħa sħubija pubblika-privata tal-proġett Electrogas kienet kumpannija li ġġib l-isem Gasol. Din kienet diġà falliet qabel ħarġet sold wieħed. Minkejja dan, il-kuntratt mal-konsorzju Electrogas baqa ‘għaddej, u dan minkejja l-fatt li dawn qatt ma kellhom intenzjoni joħorġu mqar lira waħda biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tal-Gasol.
- L-hekk imsejjaħ iffinanzjar tal-proġett daħal għalih il-Bank of Valletta – bank ikkontrollat mill-gvern – li lil tal-Electrogas għaddielhom f’miljuni b’kemm jiswa’ d-doppju tal-qiegħ li jagħmel il-bank f’sena waħda. Ir-riskju daħal għalih il-gvern bis-saħħa ta’ garanziji. Dan ifisser li l-investituri ma daħlu għal ebda riskju.
- Kien Konrad Mizzi l-mutur wara hekk imsejjaħ investimant mill-Enemalta f’imtieħen tar-riħ fil-Montenegro. Mal-medda taż-żmien irriżulta li mdaħħla fin-negozju kien hemm kumpannija li s-sidien tagħha kienu mill-Ażerbaiġan – u li kellhom interessi fl-Electrogas – kif ukoll Yorgen Fenech li, mbierek Alla, fuq medda ta’ 3 ġimgħat daħħlu f’buthom ftit anqas minn €5 miljun u dan talli m’għamlu xejn.
- Bejniethom Keith Schembri, Joseph Muscat u Yorgen Fenech kellhom WhatsApp group privat li permezz tiegħu, tal-anqas, għaddew ritratti ta’ nisa u ta’ riċetti tat-tisjir. Lejliet l-arrest ta’ Yorgen Fenech fuq suspett li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dawn it-tliet persuni għaddew messaġġi spissi bejniethom. Yorgen Fenech kien għadda rigali jiswew il-belli liri lil Joseph Muscat. U dan kollu kien qed iseħħ fi żmien meta Joseph Muscat kien jaf li Yorgen Fenech kien qed jiġi investigat dwar il-qtil. Joseph Muscat dan spjegah billi ġab l-iskuża li kieku dawn ir-rigali ta’ Yorgen Fenech baqa’ m’aċċettahomx, Yorgen Fenech kien jissuspetta ħażin.
- Il-kumpannija tal-Ażerbajġan SOCAR hi s-sid ta’ terz tal-Electrogas. Iżda s-SOCAR ma tfornix provvisti tal-gass lill-Electrogas għax taqla’ aktar flus bil-bejgħ lill-Electrogas ta’ enerġija li hi tixtri minn fuq is-suq dinji bi prezz ħafna irħas (liema enerġija l-Enemalta tista’ tixtriha direttament u b’hekk tkun qed tiffranka għall-poplu Malti il-flus li qed tberbaq biex is-SOCAR u l-Electrogas ikunu jistgħu jagħmlu l-profitti li qed jagħmlu).
Joseph Muscat jista’ jgħid li jrid. Il-fatt jibqa’ li lil Malta ħxieha waħda sewwa.