Qrajt dalgħodu l-editorjal tat-Times of Malta li jsegwi dak li stqarr Clyde Caruana dan l-aħħar dwar il-ħtieġa li jiġi riformat u mibdul il-mudell ekonomiku Malti. L-editur igħid li l-gvern għandu jwettaq din ir-riforma llum qabel għada. Hekk hu. Wara kollox jidher li hawn qbil ġenerali li ma nistgħux nibqgħu mexjin fuq it-triq li qbadna.

Madankollu ċertu kliem li ntagħżel fl-editorjal ma niżillix. L-editur kiteb li “diġà teżisti viżjoni realistika dwar kif għandha tkun l-ekonomija tal-futur.” L-editur x’ried jgħid bih dan il-kliem? Fejn hi din il-viżjoni?

Mhux biżżejjed li nistejqru mill-ħmar il-lejl li ninsabu għaddejjin minnu u naħsbu li fassalna pjan li għada pitgħada inkunu nistgħu nimxu fuqu. Il-pajjiż jidher qed jitlef il-paċenzja bil-mudell ta’ “ibni u mpala l-flus” li daħħal Joseph Muscat. Bosta huma dawk li fehmu li ma tantx fadal spazji fil-pajjiż għall-mili bil-konkos. Bosta huma dawk li fehmu li hawn aktar karrozzi milli jifilħu t-triqat tagħna. Bosta huma dawk li fehmu li mhux sewwa li ġġiegħel 40 ruħ “jgħixu” qishom sardin f’appartament wieħed f’Tas-Sliema.

Għidt “bosta” għaliex nammetti li mhux kulħadd jifhimha bl-istess mod. Clyde Caruana wissa’ li jekk nibqgħu għaddejjin fit-triq li qbadna, sal-2040 il-popolazzjoni ta’ Malta mistennija titla’ għal 800,000 ruħ. Dan ikun ifisser ukoll li jkollna (jew għallinqas uħud minna) aktar flus fil-but u pajjiż iffullat sa ruħ ommu bin-nies. Caruana ma jaqbel xejn ma’ viżjoni bħal din.

Iżda ftit wara, Robert Abela bilġri tkellem biex lil dawk li qed jiffinanzjawlu l-partit iserrħilhom rashom. U qabeż Silvio Schembri billi serrħilhom rashom li m’hemmx ħsieb li jinbidel il-mudell ekonomiku. Il-ħsieb huwa biss li nirranġawh xi ftit. Ried ifisser li mhux ser ikun hemm tibdil fis-sustanza.

Għaldaqstant il-mudell ekonomiku li qed insegwu mhux kulħadd jinsab imdejjaq bih. Mhux kulħadd hu tal-fehma li l-mudell huwa diżastru.

Ejjew nagħmlu parentesi. Wara kollox, jekk ser noqgħodu nistennew sakemm jibda’ jaqbel kulħadd, m’aħna ser naslu qatt.

Bidla f’mudell ekonomiku ta’ pajjiż – partikolarment wieħed li għalih ma tfasslu ebda pjanijiet – taf tkun waħda li ġġib l-iskossi. Fis-snin 60 bosta kienu dawk li tmeżmżu saħansitra anki bil-ħsieb li Malta għad ikollha tgħaddi mingħajr id-dħul li kellha mis-servizzi militari Ingliżi. Fis-snin 90, niftakar lil tal-One TV – dak iż-żmien Super 1 – jintervistaw ħaddiema ta’ fabbriki tat-tessuti li kienu qed jagħlqu biex jirriallokaw fil-Vietnam.  Dawk il-ħaddiema li kienu jipproduċu ż-żraben fil-fabbriki wrew xettiċiżmu dwar il-wegħdiet li kienu qed isiru dak iż-żmien dwar il-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda fil-qasam tal-accountancy u tas-software.

Madankollu, għaliex kellna pjan, irnexxielna. Ċertament ma kienx pjan perfett. Kien hemm min bata jew għaliex kien mgħobbi biż-żmien jew inkella ma kellux il-ħila li jitħarreġ f’ħiliet ġodda. Iżda, kif fakkarna Mario De Marco llum, fi ħdan programm ta’ bidliet u ta’ ħolqien ta’ mpjiegi, kienu nħolqu diversi niċeċ ekonomiċi ġodda. Illum huwa meħtieġ li napplikaw uħud mis-soluzzjonijiet li kienu ġew applikati fis-snin 90. L-oqsma tas-servizzi finanzjarji msejsin fuq segretezza relativa u fuq l-iffrankar ta’ ħlas ta’ taxxa, tal-gaming, tat-turiżmu u tal-avjazzjoni lkoll ħolqu l-impjiegi. Iżda dawn l-oqsma wkoll ħolqu problemi li llum jeħtieġilna li nindirizzaw.

Għaxar snin ilu ġġenninna wara l-alla falz tar-regħba li jibla’ kull “opportunità” biex jisfrutta l-art u x-xogħol mingħajr ordni u ebda mira. Dħalna ngħaffġu fuq xulxin u b’għajnejna magħluqin fi sqaq dejjaq fejn il-qliegħ sfrenat tal-flus jiġġustifika kollox.

X’inhu l-pass li jmiss? X’mudell ekonomiku ġdid ser nagħżlu? Robert Abela għandu jieqaf ilablab fil-vojt bi kliem vag dwar “l-ekonomija ħadra”. Ser ikollna “nħaddru” l-ekonomija għaliex il-liġijiet u l-kultura tad-dinja qed jinbidlu u m’għandniex alternattiva ħlief li nimxu mal-passi tad-dinja. Ma kienx Robert Abela li skopra l-fatt li t-temp madwar id-dinja qed jisħon u li l-ekonomija jeħtieġ li taġġusta għal din ir-realtà ġdida.

Ekonomija aktar ħadra la tammota għal politika ħadra, wisq inqas għal “viżjoni ekonomika”.

Nibdew nuru li aħna serji dwar it-twettiq ta’ viżjoni għal mudell ekonomiku ġdid dakinhar li nisimgħu id-dettalji dwar dak li d-dinja tkun lesta li tixtri mingħandna 5, 10, 15 u mhux aktar minn 20 sena mil-lum. Jeħtieġ li minn issa nidentifikaw il-prijoritajiet tagħna u nwarrbu dawk l-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jaljenawna u li jxekkluna milli nilħqu dawn il-miri.

Għaliex bis-saħħa tat-twettiq ta’ politika ekonomika serja nkunu nistgħu ngħidu “le” meta jkun jeħtieġ li ngħidu “le”. Fl-aħħar 10 snin qbadna triq ħażina: t-turiżmu għamilnieh mira ekonomika. Iżda meta mbagħad ippermettejna t-tlugħ ta’ bini ġdid kull fejn tħares li għarraq lill-ambjent u li ħoloq il-konġestjonijiet, lit-turiżmu għamilnilu l-ħsara.

Malta m’għandhiex riżorsi infiniti. Ebda pajjiż m’għandu riżorsi li ma jispiċċaw qatt. Iżda aħna għandna ċerti limitazzjonijiet li ħaddieħor m’għandux. Nieħdu r-riżorsi umani. Viżjoni ekonomika serja għandha sservi l-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet ta’ dawk il-ġenerazzjonijiet li qed jitwieldu llum bil-għan li dawn ikollhom impjieg hekk kif jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Qed issir xi ħaġa biex il-kurrikulu tal-iskejjel tagħna jiġi rivedut biex in-nies tibda’ tidra l-viżjoni realistika tal-ekonomija tal-futur li suppost diġà għandna?

Nieħdu realtà tal-lum f’Malta. In-nies mill-Asja tax-Xlokk mhux qed inġibuhom hawn biss biex iqassmu l-ikel bil-muturi. Għandna industrija tal-gaming b’saħħitha li ġabet f’Malta persuni minn madwar l-Ewropa, partikolarment dawk mill-Balkani li jeċċellaw fil-matematika. Għaliex f’Malta s-software developers ibatu f’dik li hi matematika, fil-lingwi, fis-sejbien ta’ soluzzjonijiet għall-problemi u fil-kreattività. Għaliex huma neqsin mit-taħriġ, mingħalihom li jekk jagħmlu biss sforz minimu, ikun aħjar għal kulħadd

Il-viżjoni ekonomika tiegħi m’hux bi ħsiebni li nimponiha fuq ħadd. Iżda wieħed għandu jikkunsidra kif, fid-dinja tal-Intelliġenza Artifiċjali fejn l-uniku vantaġġi li x’aktarx ser ikollna fuq dawn il-makni tal-ħsieb huma l-immaġinazzjoni u kreattività vulnerabbli tal-bniedem, f’Malta kull sena jkun hemm biss ftit għexieren li jsegwu kors fil-lingwi. Ngħidu li rridu li jkollna industrija tal-films, iżda minflok ninvestu l-flus f’xogħol kreattiv għall-ġid tal-pajjiż, il-flus qed nonfquhom fuq billboards li jirreklamaw il-hair-dressing u mpjiegi fis- security (fl-industrija tal-films).

Semmejt dawn l-eżempji għaliex it-teknoloġija u l-films huma indikati bħala elementi ewlenin ta’ din il-“viżjoni realistika” li suppost għandna. Pjan li jwassal biex jiġu mpjegati s-security guards m’hix viżjoni jew għallinqas m’hix viżjoni ambizzjuża li tista’ twassal biex tidħol flok l-industrija ta’ bini eżaġerat kull fejn iddawwar wiċċek.

Xogħol il-gvern hu dak li jfassal il-miri ekonomiċi u, filwaqt li l-privat għandu jirsisti biex jintlaħqu dawn il-miri, l-gvern għandu jara li joħloq ambjent li fi ħdanu jkun jista’ jitkattar il-ġid, liema ġid għandu mbagħad jitqassam b’mod ġust sabiex ħadd ma jibqa’ lura.

Hi x’inhi l-“viżjoni realistika” li jista’ jkollna, tkun xi tkun l-attività ekonomika ġdida li nistgħu nattiraw, għad għandna l-konġestjoni fit-toroq tagħna. Għad għandna qrati li jdumu għomor biex jiddeċiedu fuq xi ħaġa. Għad għandna regolaturi li jiżfnu għad-daqq tal-politiċi. Għad għandna l-bażużliżmu u l-korruzzjoni fil-qasam tal-offerti pubbliċi. Għad għandna kwalità fqira tal-arja u żvilupp eżaġerat li qed jeqred l-ambjent. L-iskejjel għad fadlilhom x’jaqdfu biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-adulti ta’ għada. Bqajna ma ninvestu kważi xejn f’dawk li huma riċerka u żvilupp.

Jekk irridu li jkollna viżjoni ekonomika realisika għall-futur, jeħtieġ li bħala l-ewwel pass ikollna gvern li jmexxi l-pajjiż b’serjetà u b’galbu. It-tfassil tal-pjan ikun it-tieni pass.