Fl-2011, meta kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat stqarr li kien bi ħsiebu “jaqbad il-barri minn qrunu u jindirizza s-“serq” fis-sistema tal-gwardjani lokali”.
Sa dak iż-żmien, is-sistema tal-gwardjani lokali kienet diġà ilha għaxar snin li ddaħħlet. Fl- 2011, l-Kunsilli Lokali kienu ngħataw is-setgħa li jqabbdu lil dawn il-gwardjani biex jissorveljaw it-toroq. Meta kien ikun hemm lokalità b’xi problema partikolari, l-kunsilliera kellhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet huma dwar fejn kellhom jintbagħtu l-gwardjani fuq ir-ronda biex jiġu nfurzati l-liġijiet u dan mingħajr ma kellhom għalfejn joqgħodu jistennew il-barka tal-awtoritajiet tal-Pulizija.
Peress li kull servizz governattiv jiswa’ l-flus u l-gwardjani kien jeħtieġ li jitħallsu tax-xogħol li kienu qed iwettqu, din l-ispiża kienet tinġabar mill-multi li kienu jwaħħlu dawn il-gwardjani. Iżda peress li l-Kunsilli Lokali m’għandhomx is-setgħa li jintaxxaw, ma setgħux jibgħatu lill-gwardjani biex jagħmlu r-ronda li soltu ssir mill-membri tal-korp tal-pulizija. U l-fatt li l-gwardjani kienu ngħataw is-setgħa li jwaħħlu l-multi xejn ma kien niżel għasel man-nies. Din is-sistema, Joseph Muscat kien sejħilha “serq”.
Kien hemm ukoll kwistjoni oħra. Għalkemm dawn il-gwardjani lokali kienu qed jagħtu servizz lill-pubbliku, dawn ma kienux ġew impjegati individwalment mill-gvern jew mill-kunsilli, iżda kienu impjegati mal-kuntratturi privati biex iwettqu xogħol ta’ gwardjani lokali.
Kien minħabba f’dan li Joseph Muscat kien ħataf l-opportunità biex din l-iskema tal-infurzar lokali jsejħilha “serq”. Fl-2011 konna qed ngħixu żmien differenti. Dak iż-żmien, kull sehem li kien ikollu l-privat fis-servizz pubbliku l-oppożizzjoni Laburista kienet issejħilha “serq”. Kos, kemm jinbidlu ż-żminijiet!
Fi Frar 2014, ftit wara li ħadu r-riedni tal-pajjiż f’idejhom, tal-Labour kienu xandru l-pjan tagħhom. Qalu li riedu jeqirdu s-sensara, li l-gvern kellu jimpjega lill-gwardjani huwa stess, is-sehem tas-settur privat fis-sistema kellu jintneħħa u kollox kellu jiġi ċentralizzat biex b’hekk il-Kunsilli Lokali tneħħitilhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet huma stess.
L-iskuża wara t-tneħħija tas-setgħat tal-Kunsilli Lokali kienet l-effiċjenza. Minflok il-frammentazzjoni bejn 68 kunsill (kif kienet is-sistema mill-bidu nett) jew 5 gruppi reġjonali (kif kienet evolviet is-sistema fi żmien il-bidla fil-gvern tal-2013), kien ser ikun hemm iċ-ċentralizzazzjoni taħt l-awtorità ta’ bażużlu maħtur mil-gvern.
M’għandniex xi ngħidu, dawn kienu njoraw il-fatt li ġaladarba kienu tneħħew is-setgħat tal-kunsilli u kollox ġie ċentralizzat, il-gvern kien fil-fatt żied l-ineffiċjenza għaliex spiċċa biex żied id-dmirijiet tal-pulizija u dduplikalhom ix-xogħol.
Fl-2015 kien għad hemm xi sindki li kellhom fibra biżżejjed biex jilmentaw mill-fatt li, bit-tneħħija tas-setgħat tal-kunsilli, l-poplu ma kien qed jiggwadanja xejn. Waqt konferenza tas-sindki tal-lokalitajiet tan-nofsinhar ta’ Malta li kienet saret fl-2015, Karol Aquilina – dak iż-żmien Sindku tas-Siġġiewi – kien għamel appell biex il-politika ta’ ċentralizzazzjoni tal-gvern tiġi mwarrba. M’għandniex xi ngħidu, l-appell tiegħu kien waqa’ fuq widnejn torox.
L-aħħar rapport li xandar l-Awditur Ġenerali dwar l-operat tal-aġenzija ċentrali tal-gvern li tmexxi s-sistema tal-gwardjani lokali juri li l-effiċjenza mhux talli ma żdiditx iżda jidher li marret il-baħar. Fil-ħarġa tat-Times of Malta tal-lum, hemm sunt tajjeb tar-rapport.
Skont ir-rapport, hemm it-taħwid fil-kotba finanzjarji tal-aġenzija. U hemm ukoll diżastru sħiħ f’dak li huwa ġbir ta’ flejjes li huma dovuti u taħwid f’dawk li huma dokumenti dwar multi “maħfurin” – li ma jistax ħlief ifisser li jeżistu biżibilju ta’ opportunitajiet biex isseħħ il-korruzzjoni.
U biex inkomplu ngħaxxquha, llum is-sindki u l-kunsilliera m’għadx għandhom is-setgħa li jinfurzaw il-liġijiet fuq kwistjonijiet bħal, ngħidu aħna, pparkjar ta’ karrozzi fuq bankini, rimi ta’ skart matul il-lejl jew kwistjonijiet żgħar bejn ġirien.
Għal darb’oħra, reġa’ għandna baħar jaqsam bejn l-infurzar tal-liġijiet u l-kunsilliera – b’mod speċjali dawk il-kunsilliera Laburisti li jkollhom jagħżlu bejn il-lejaltà tagħhom lejn il-poplu tal-lokalità li jkun tellagħhom u l-lejaltà lejn il-partit – u minn wara l-kwinti dawn tgħidx kemm qed jilmentaw dwar il-mod kif iż-żjiediet fit-traffiku u fl-iskart qed jeqirdu lill-ambjent.
Din tal-gwardjani hi biss waħda mill-sistemi li Joseph Muscat kien suppost qabadha minn qrunha biex, bl-iskuża tal-hekk imsejħa “riformi”, spiċċa biex remiha l-baħar.