Waqt li l-bieraħ kien qed jiġi bbumbardjat b’sensiela ta’ mistoqsijiet ma jaqtgħu xejn mill-President tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, Joseph Muscat deher maħruq u insista li m’huwiex pappagall. Ftit kienu dawk li ma nnutawx l-ironija fil-kuntest tal-fatt li f’dawn l-aħħar ġranet sirna nafu li hu kien bgħat kontijiet li jammontaw għall-eluf ta’ ewro fix-xahar lil kumpannija li tinnegozja l-pappagalli.

Darren Carabott deher determinat li ma jirrepetix l-attitudni kajmana li wriet l-Oppożizzjoni matul l-ewwel seduta li fiha xehed Joseph Muscat. Dakinhar kien hemm xi kummentaturi li mpressjonaw ruħhom bil-wirja, bit-ton u bil-kunfidenza li wera’ Muscat hu u jwieġeb b’mod ċar għal mistoqsijiet dwar kwistjonijiet marbutin mal-politika kumplessa tal-enerġija u dan bħallikieku kien xi espert.

“Ara kemm hu bravu!” stqarrew is-segwaċi tiegħu, ferħanin se jtiru bil-“bravuri” tal-benjamin tagħhom. L-elokwenza li wera’ jidher li impressjonat saħansitra anki lill-kritiċi tiegħu. Mhux ta’ b’xejn, stqarrew bejnhom u bejn ruħhom, li Muscat jitħallas 10,000 Ewro fix-xahar minn konsulenzi li jagħti lil kumpannija li tinnegozja l-pappagalli li bilkemm taqla’ 10,000 Ewro f’sena!

U l-bieraħ Darren Carabott għamel mistoqsija li Joseph Muscat ma setax u ma riedx li jwieġeb. Lill-membri tal-Kumitat Parlamentari, Keith Schembri kien qalilhom li Konrad Mizzi kien talbu jintroduċih lil tan-Nexia BT għaliex – dejjem skont Keith Schembri – Konrad Mizzi ried li jkun bħalu. Jiġifieri bniedem li “kulma jmiss isirlu deheb”.

Infakkar li Konrad Mizzi kien xehed qabel xehed Keith Schembri. Iżda x-xhieda li ta Konrad Mizzi ma kienet tikkonsisti f’xejn ħlief fi qrid ripetut li ma kienx lest iwieġeb mistoqsijiet li setgħu jinkriminawh.

Darren Carabott staqsa lil Joseph Muscat dwar jekk jikkunsidrax rimarka bħal din bħala waħda li hi “aċċettabbli”.

U minflok wieġeb, Joseph Muscat ġab ruħu qisu tigra mġewwħa maqfula f’gaġġa ftit qabel tinħareġ għall-ġlied fl-arena tal-gladjaturi.

Għaliex sabha daqshekk bi tqila Joseph Muscat li jwieġeb din il-mistoqsija?

Huwa baqa’ jinsisti ripetutament li ma kellu x’jaqsam xejn mal-għażliet li kienu saru kemm qabel kif ukoll dakinhar li ntgħażlet l-Electrogas biex tmexxi l-power station il-ġdida. Insista wkoll li ma kellu x’jaqsam xejn mal-ħatra ta’ Nexia BT fil-proċess tal-għażla.

Ġaladarba Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu tkellmu bejniethom dwar kif tan-Nexia BT “kulma jmissu jsirihom deheb” u ġaladarba dan id-diskors ma sarx fil-preżenza tiegħu, x’inhi r-raġuni li Joseph Muscat baqa’ jinsisti li diskors bħal dan mhux veru kien seħħ jew inkella li x-xhieda li kien ta Keith Schembri ġiet miżinterpretata?

Għaliex ħassu daqshekk maħruq? Ma setax għamel bħalma jagħmel is-soltu u jżomm ruħu ‘l bogħod minn diskorsi li hu jgħid li ma kellux x’jaqsam magħhom? Għaliex ma stqarrx li ma setgħax igħid b’ċertezza jekk Keith Schembri qalx il-verità dwar Konrad Mizzi u Nexia BT u li, fi kwalukwe każ, id-deċiżjonijiet li kien ħa kienu ttieħdu indipendentment minn x’seta’ ntqal bejniethom?

Dawn huma mistoqsijiet li jixbħu ħafna l-mistoqsijiet li konna nagħmlu kuljum minn dakinhar fl-2016 li nkixfu l-Panama Papers fil-kuntest tal-fatt lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi kien żammhom f’posthom. Għaliex ma kienx keċċihom? Għaliex ma kienx żamm ruħu l-bogħod mill-intriċċi tagħhom?

Joseph Muscat stqarr li t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet m’hix Egrant (u li allura kien ħaġa waħda magħhom fl-intriċċi) u l-bieraħ ipprova jinqeda’ biha. Iżda Darren Carabott ma belgħax il-lixka. Egrant m’hi xejn ħlief labirint imfassal minn Joseph Muscat li hu mċaħħad minn provi li kienu nsterqu fis-satra tal-lejl u li hu kkontrollat b’mod strett minn inkjesta li lliberatu minkejja li baqgħet ma nvestigatx kwistjonijiet li setgħu kixfuh.

Jekk, għall-grazzja tal-argument, nammettu li Egrant – u allura l-kompliċità diretta ta’ Joseph Muscat fl-iskandlu Electrogas – m’hix it-tweġiba, m’hemm ebda raġuni loġika l-għala Muscat baqa’ jirrifjuta li jinqata’ minn ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Muscat baqa’ ma spjegax il-għala lil tal-Kumitat Parlamentari Keith Schembri qalilhom li Konrad Mizzi kien ried li jindiehes mal-accountants biex ikun jista’ jgħatti xturu. Baqa’ ma stqarrx li, anki li kieku dak li xehed Schembri kien minnu, stqarrija bħal din kienet waħda mmorali kif ukoll indikazzjoni ċara li dawn it-tnejn kienu għoddhom ser jieħdu vantaġġ mill-ħatriet governattivi li kellhom biex iħaxxnu l-bwiet tagħhom.

Dan huwa labirint li Joseph Muscat ma jridx u li qatt ma ried li jintilef fih. Il-mistoqsija li qed issirlu issa m’hix: ‘għaliex għażilt power station li taħdem bil-gass?’, li hi mistoqsija li huwa jista’ jwieġeb bil-mod trankwill u kunfidenti li bih wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu matul l-ewwel seduta tal-Kumitat Parlamentari. Issa l-mistoqsija li qed issirlu hi: ‘għaliex ma kontx keċċejt lil Schembri u lil Mizzi hekk kif sirt taf li, ftit jiem wara li ħadt ir-riedni tal-gvern, kienu ħolqu kumpanniji fil-Panama bil-għajnuna tan-Nexia BT?’

Dawk li tant taru fil-ferħ bil-wirja ta’ Joseph Muscat tal-ġimgħa li għaddiet għandhom jiftakru ħaġa waħda. Il-korruzzjoni u s-servizzi pubbliċi mhux diffiċli li jitwaħħdu. M’huwiex il-ħsieb tiegħi li ngħaddi ġudizzju dwar l-utilità tal-proġett tal-Electrogas. Iżda lest nammetti li l-argumenti li nġiebu dwar l-utilità pubblika tal-proġett huma validi anki jekk m’humiex korretti.

Nistgħu naslu biex forsi nemmnu lil Joseph Muscat meta jistqarr li kienet idea tajba dik li tinbena’ power station li titħaddem bil-gass u dan kienu x’kienu l-miri ta’ utilità pubblika li seta’ kellu. Huwa jsemmi l-kontijiet orħos (argument li hu dibattibbli), l-emissjonijiet baxxi (li, sa ċertu punt, huwa minnu) u siġurtà aħjar f’dik li hi fornitura (ħaġa li hi evidenti). Dawn ir-raġunijiet ilkoll jistgħu jkunu minnhom. Iżda ebda wieħed minn dawn ir-raġunijiet ma jista’ jħassar il-fatt li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ħolqu kumpanniji fil-Panama li kienu ser jiġu mitmugħa l-miljuni minn kumpannija fid-Dubaj ta’ Yorgen Fenech għal xogħol li qatt ma kienu ser jagħmlu.

Ma niskanta xejn jekk, dak iż-żmien, Joseph Muscat u l-klikka tiegħu kienu ċerti li kienu ser jirċievu l-miljuni ġejjin mit-tixħim fuq proġetti li huma emmnu li kienu ta’ ġid għall-pubbliku. Dan it-tixħim kienu jiġġustifikawh mal-kuxjenza tagħhom – dejjem jekk fil-fatt għandhom kuxjenza – bħala kumpens għall-ġid pubbliku li emmnu li kienu qed iwettqu.

Mhux kull wieħed mill-proġetti korrotti tagħhom kien katastrofikament bla sens daqs kemm kien il-proġett tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi. Il-power station tal-Electrogas inbniet u qed taħdem u Joseph Muscat jista’ joqgħod jiftaħar li dan il-proġett kien frott tal-għerf tiegħu.

Iżda kull darba li jiġi mistoqsi x’kien għamel u x’ma kienx għamel biex iwettaq il-proġett, kull darba li jitfakkar f’dak li kien stqarr Keith Schembri u dwar dak li naqas li jgħid Konrad Mizzi, l-maskra tal-għaref jitbissem taqa’ ħesrem u quddiem għajnejna naraw biss ġurdien imbeżża’ u maħruq b’dahru mal-ħajt li ma jkollux il-ħila li jaħrab mill-mistoqsijiet pertinenti li jkunu sarulu.

Il-qamar fil-bir qed jarah ċar.