Ir-riħa tinten li tinxtamm fl-arja ilha magħna minn dakinhar fl-2013 li tal-Labour ħadu r-riedni tal-gvern f’idejhom. Il-bidla fil-gvern suppost kellha tkun bidla għall-aħjar. Xejn minn dan. Ċertament ma tantx għandna b’xiex neċċitaw irwieħna.

Nistgħu biss nobsru x’ser iseħħ wara li jinkaljalhom il-vapur. Iżda dak li qed iseħħ bħalissa ma jistax ikun aktar ċar quddiem għajnejna.

Il-film festival tal-ġimgħa li għaddiet kiex jixbaħ ikla lussuża ta’ nhar ta’ Ħadd f’Versailles. Kellhom ċinji mimlijin, logħob tan-nar jakkumpanja l-mużika, annimali eżotiċi kif ukoll ilsiera mmuskolati midlukin biż-żejt. Kien hemm babilonja ta’ dekadenza. Lanqas biss indenjaw ruħhom juru li kien hemm imqar xrara ta’ ġustifikazzjoni f’dak li huwa interess pubbliku għal dan l-infieq eżaġerat kollu. Għax hekk fettlilhom, berbqu kemm felħu.

Nefqu l-mijiet tal-eluf u ġabu artisti minn madwar id-dinja biex jippużawlhom għar-ritratti. U tellgħu kartelluni biex iwasslu messaġġ lis-security guards, lill-hairdressers u lil gradwati tal-korsijiet ta’ sbuħija li l-gvern ser jakkwistalhom impjiegi jleqqu fi ħdan l-industrija tal-films. 

Il-gvern qed jirrifjuta li jagħti rendikont dwar dan l-infieq u ma ċaħadx li nefaq il-mijiet tal-eluf fuq l-ikla biss. Lanqas ma qal li l-infieq fuq l-ikla sarraf fl-iffirmar ta’ xi kuntratti favolużi.

Il-gvern qed jirrifjuta li jwieġeb kull mistoqsija li qed issirlu. Tat-Times of Malta staqsew lill-gvern dwar appendiċijiet bil-miktub li hemm riferenza speċifika għalihom fil-ftehim li ġie ffirmat bejn Malta u l-Libja li xandar il-gvern stess. Il-gvern stqarr li dawn l-appendiċijiet “ma jeżistux” u fl-istess waqt naqas li jispjega dwar il-mod kif qed jaħdem il-ftehim li sar mal-Libja jekk huwa tassew minnu li dawn l-appendiċijiet ma jeżistux. Il-gvern qed jigdeb u qed juri li jiġi jaqa’ u jqum li kulħadd jaf li qed jigdeb.

Sadattant Alex Dalli – dak li kien tkeċċa mit-tmexxija tal-gulag ta’ Kordin u dan wara snin sħaħ ta’ allegazzjonijiet ta’ sadiżmu u ta’ kefrija – ħatruh biex “jiġġieled kontra l-migrazzjoni”. Fi kliem ieħor, f’idejh għaddewlu vittmi ġodda u fuqu tkun tista’ ssir ħafna inqas għassa milli setgħet issir fi żmien meta taħtu kellu l-priġunieri.

Kull att barbaru li jista’ jsir f’isem l-Istat Malti fil-Libja u fl-ibħra ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi qed jinħeba minn taħt għajnejna.

Għaddew sentejn u qed jippruvaw iġiegħluna ninsew is-sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li kienu għamlu l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. M’għandniex xi ngħidu l-membri mnikktin tal-familja tagħha – li għadhom sal-lum imċaħħdin mill-ġustizzja u li għadhom sal-lum jiffaċċjaw kalunji u insinwazzjonijiet – żgur ma jistgħu qatt jinsew. Filwaqt li l-gvern qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jevita l-konsegwenzi ta’ assassinju li dwaru nstab ħati, qed jagħmel minn kollox biex jevita li ssir inkjesta oħra li tista’ wkoll tgħabbi r-responsabbiltà fuqu. Gvern li jirrifjuta li jiġi mgħoddi mill-għarbiel ta’ inkjesta pubblika indipendenti wara li bniedem mingħajr rabtiet politiċi jinqatel taħt it-tiġrif ta’ bini li ma messu qatt inbena’, huwa gvern li jibża’ mill-verità. U gvern li jaħbi l-verità ma jistax  ikampa.

Hemm deputati parlamentari fuq in-naħa tal-gvern li qed jitkellmu b’mod anonimu mal-ġurnali dwar l-isfiduċja li għandhom fit-tmexxija ta’ Robert Abela. Dawn igħidu li Abela moħħu biss biex jikkontrolla kollox u lil kulħadd, jieħu għalih malajr, huwa inkonsistenti u qed juri li hu ġifa. Wara li seħħ il-każ ta’ Prudente, dawn kienu ħasbu li bis-saħħa tal-każ setgħu jikkonvinċu lin-nies li wasal iż-żmien li jiddaħħal l-abort, anki b’ċerti restrizzjonijiet.  U minflok għamel dan, Robert Abela daħħal liġi li fil-fatt iżżid iċ-ċansijiet – ħafna aktar miċ-ċansijiet li kien hemm fiż-żmien meta Lawrence Gonzi kien prim ministru – li n-nisa u t-tobba jiġu mħarrka fil-qorti.

Madwar l-irkejjen tas-setgħa, qed iseħħu diskorsi dwar tradiment. Hemm min qed jissemma’ li jista’ jieħu post Robert Abela, iżda s-sitwazzjoni m’hix bħal dik li kien hemm fl-2008. Bħalissa hemm il-fazzjonijiet tal-liberali u tal-konservattivi. Tas-soċjalisti u tas-suq ħieles. Minn ġewwa, l-Partit Laburista qed isir jixbaħ partit immexxi minn Simon Busuttil jew minn Adrian Delia – qisu brodu mimli ħaxix li ma jfewwaħx u li ma jitħallatx.

Tberbiq, ħela, gideb u ġlied.

It-torri qed jiġġarraf.