Bħal-lum sentejn ilu, tliet Imħallfin xandru rapport wara li kienu semgħu lil għexieren ta’ xhieda jagħmlu r-rakkont tagħhom dwar iċ-ċirkostanzi li fihom inqatlet Daphne Caruana Galizia. Il-biċċa l-kbira tax-xhieda li nstemgħet ingħatat fil-beraħ u l-ġurnali kienu xandru rapporti estensivi. Ħaġa bħal din ma kienitx waħda tas-soltu.
Fil-ġranet ta’ wara l-qtil ta’ Daphne, l-gvern ta’ Joseph Muscat għamel l-almu kollu tiegħu biex jitgħattew ix-xtur. Għall-bidu, ppruvaw jaljenaw lin-nies mill-verità u vvintaw stejjer bħal dik li kienu t-traffikanti tal-bnedmin li qatlu lil Daphne minħabba l-istejjer li kienet kitbet jew bħal dik li mill-kompjuter tagħha ser jirriżulta li kienu qatluha wliedha u mhux minħabba dwar dak li kienet tikteb. Ippruvaw jiftaħru li kienu “solvew” il-każ bis-saħħa ta’ pantomima miġbuda u mxandra permezz ta’ filmat dwar l-arrest tal-assassini tagħha. U mbagħad, għal sentejn sħaħ, baqgħu jirreżistu t-talbiet li kienu saru biex issir inkjesta pubblika bejn wieħed u ieħor bl-istess skuża li ġabu biex ma sseħħx inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia: jiġifieri li nkjesta pubblika tfixkel il-kors tal-investigazzjoni kriminali.
Wara dan il-qerq u wara din is-segretezza kollha, l-mistoqsijiet diretti li ġew mistoqsija u t-tweġibiet li saru għalihom fil-beraħ waqt l-inkjesta pubblika, sirna nafu bl-eżatt lil Daphne x’kien ġralha. L-inkjesta pubblika ma ttrattatx biss dwar x’kien il-kaġun tal-qtil jew dwar kif inqatlet ta’ Daphne. Daħlet ukoll fil-kwistjoni dwar il-għala nqatlet. U t-tweġiba għal din il-mistoqsija kienet li l-gvern ta’ Joseph Muscat kien ta l-kenn kollu tiegħu lill-kriminali u li Daphne nqatlet għaliex kienet kixfet l-impunità tagħhom.
Sentejn ilu, kien fuq fomm kulħadd il-kliem li l-gvern ta’ Joseph Muscat u l-istat kienu responsabbli għall-qtil ta’ ġurnalista.
Dan ma kienx kollox. L-Imħallfin tal-inkjesta pubblika xandru wkoll sensiela ta’ rakkomandazzjonjiet dwar dak li kien jeħtieġ li jseħħ biex ebda gvern ieħor fil-futur ma jkun jista’ joħloq l-istess atmosfera fil-pajjiż li wasslet għall-qtil ta’ Daphne.
L-Imħallfin flew liġijiet barranin li jipprovdu għodda fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u rrakkomandaw li Malta għandha ddaħħal liġijiet ġodda jew temenda dawk li diġà jeżistu bil-għan li jiġi żgurat li l-istat ma jinħakimx mill-kriminali. Skont ir-rapport tal-inkjesta, Malta għandu jkollha liġi ta’ kontra l-mafja, li t-tfixkil tal-kors tal-ġustizzja u l-abbuż tas-setgħa għandhom ikunu meqjusa bħala reati kriminali u li l-qrati għandu jkollhom is-setgħa li jissekwestraw ġid li ma jkunx ġustifikat, eċċetra.
L-Imħallfin ssuġġerew ukoll li għandhom isiru riformi fil-liġijiet bil-għan li jitħarsu l-ġurnalisti u li jingħataw is-saħħa kollha li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet demokratiċi tagħhom. Il-gvern ingħata parir biex jaħtar kumitat ta’ esperti bil-għan li jitfasslu liġijiet imsejsa fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Dan il-kumitat ta’ esperti – nistgħu ngħidu li wħud minnhom m’huma esperti xejn – il-gvern ħatru u smajna li dan l-aħħar għaddew ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-gvern. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet li suppost saru biex jiżguraw it-trasparenza, għadhom ma xxandrux u dan minkejja t-talbiet li saru biex dawn jixxandru.
Issa ilhom li għaddew sentejn sħaħ minn dakinhar li xxandru sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif Malta għandha taqleb il-paġna wara li seħħ dak il-jum imdemmi tas-16 ta’ Ottubru 2017 meta ġurnalista ġiet assassinata waqt il-qadi ta’ dmirijietha.
Għaddew sentejn sħaħ u pajjiżna għadu m’għamel xejn dwar ir-rakkomandazzjonijiet li saru.
Wara li għadda dan iż-żmien kollu, dawk li wettqu l-qtil ta’ Daphne jafu li, jekk iridu, ħadd ma jista’ jżommhom milli jerġgħu jagħmlu dak li għamlu fl-2017.