Norma Saliba ma tantx irreġistrat suċċessi fl-aħħar impjieg li kellha ħlief dak li sservi bħala qaddejja tal-gvern fix-xandir tal-aħbarijiet fuq l-istazzjon nazzjonali televiżiv. Hawn xi ħadd li jista’ jiftakar f’biċċa xogħol ġurnalistika, waħda li hi waħda, li din wettqet? Taħt it-tmexxija tagħha, l-Aħbarijiet ta’ TVM ta’ sikwit ġew kundannati fuq akkużi ta’ parzjalità u qatt ma rebħu premjijiet għall-kwalità tal-prodott.

Iżda din tista’ tibqa’ mfakkra għas-servilità tagħha lejn il-gvern u għall-entużjażmu li kellha biex tiċċensura lil min – saħansitra anki lill-Papa – b’azzjonietu jew bi kliemu seta’ wera’ dak li jidher bħala kritika lejn l-imġieba tal-gvern.

Taħt Norma Saliba, t-TVM sar qisu stazzjon ta’ wara l-Purtiera tal-Ħadid tas-snin 80.

Iżda mal-medda taż-żmien, spiċċaw biex dabbrulha rasha. Għall-ewwel naqqsulha penz u minn editur tal-istazzjon niżżluha fil-grad ta’ kap tad-dipartiment tal-aħbarijiet. U mbagħad ħelsu minnha u bgħatuha tixxejjer, hi u tilmenta li ġabu ruħhom ħażin magħha.

Norma Saliba mhux biss taf bix-xtur li tgħattew. Kienet hi stess li għattiet ix-xtur tal-gvern u għaldaqstant ma setgħux jabbandunawha għal għonq it-triq u jerħulha taqdef għal rasha.

Il-mod kif lil din ħolqulha impjieg ġdid jirrifletti l-faqar ta’ governanza li għandna f’dan il-pajjiż.

X’inhuma l-fatti?

  1. Norma Saliba ser tmexxi aġenzija ġdida li nħolqot bil-għan tippromwovi lill-ilsien Malti.
  2. Diġà jeżistu aġenziji li jippromwovu lill-ilsien Malti bħalma hu l-Kunsill dwar l-Ilsien Malti. Il-funzjonijiet tal-aġenzija l-ġdida huma ġodda – għalkemm mhux ċar dawn f’hiex ser jikkonsistu – u x’aktarx li l-aġenziji li diġà jeżistu jkun jeħtieġ li jaħdmu flimkien mal-aġenzija l-ġdida. Iżda jidher li dak li jmexxi lill-aġenzija eżistenti, għalkemm huwa kuntent li ser tinħoloq aġenzija ġdida, ma ġiex ikkonsultat dwar il-ħolqien tal-aġenzija l-ġdida.
  3. Norma Saliba stqarret li hi stess ma kinitx taf li kienet ser tingħata mpjieg biex tmexxi aġenzija ġdida. Ma kienu qalulha b’xejn u fil-fatt ma kienitx applikat biex tingħata l-impjieg għaliex proċess għall-ħruġ tal-applikazzjonijiet ma kienx hemm. Lanqas setgħet tikkompeti ma’ applikanti oħrajn għaliex ħadd ma kien qed itellaq magħha. L-impjieg pinġewh għaliha.

Dawn huma l-fatti. Ser ikollna aġenzija ġdida governattiva mmexxija minn qaddejja tal-gvern li ser twettaq xogħol li tista’ tagħmlu aġenzija li diġà teżisti li kieku din tal-aħħar tingħata l-fondi meħtieġa biex twettaq l-istess xogħol.

Kim Il Sung tabilħaqq kien ikun kburi.

B’din il-mod dilettantesk qed jitmexxa’ pajjiżna! B’dan il-mod iridu jħarsu lill-ilsien Malti!

Fi kliem il-cartoonist poetiku Steve Bonello – bniedem li ħadem qatigħ biex iħares lill-ilsien Malti ħafna aktar minn dawk li qed jitħallsu biex iħarsuh –  “u morru ħuduh f’sormkom kollha kemm intom”.