L-istejjer ewlenin li xxandru l-bieraħ f’The Sunday Times of Malta u fil-Malta Today dwar l-aħħar sondaġġi politiċi mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru kontradittorji. Is-sondaġġi m’huma xejn ħlief għodda u, biex ikunu effettivi, wieħed ikun jeħtieġ li jitgħallem dwar kif għandu jużahom.
Hemm ċerta konsistenza bejn iż-żewġ sondaġġi.
Robert Abela m’għandux kontroll sod fuq il-Partit Laburista. Mal-medda taż-żmien jista’ jerġa’ jirbaħ xi ftit minn dak li tilef u, sakemm ma jkollux iħabbat wiċċu ma’ xi rewwixta parlamentari, għandu erba’ snin biex jerġa’ jasserixxi ruħu. Iżda għandu wkoll erba’ snin li fihom jista’ jkompli jiżżerżaq u t-twettiq ta’ żbalji oħra jistgħu jeqirduh politikament. Jidher li għandu ħabta kbira li jiżloq fin-niexef: bħala eżempji għandna l-U-turn dwar l-abort, il-U-turn dwar l-inkjesta pubblika u l-btala li għamel Sqallija f’ħin inopportun u dan kollu f’temp ta’ ftit ġimgħat.
Tul l-erba’ snin li ġejjin, x’aktarx li ċ-ċirkostanzi m’humiex ser ikunu favorevoli għal Robert Abela. Wara li jkunu għaddew 10 snin, in-nies ma tantx tkun lesta li tibqa’ taħfer l-iżbalji li jwettaq il-gvern. Skużi banali bħal dawk ta’ Miriam Dalli – li waħħlet “fil-wirt li ħallew in-Nazzjonalisti” (li ilhom aktar minn 10 snin li spiċċaw mill-gvern) f’dak li huwa qtugħ fil-provvista tad-dawl – xejn ma jinżlu għasel man-nies. Il-konsegwenzi tal-politika li tfittex riżultati mmedjati mingħajr ippjanar serju fit-tul li kien mexa’ biha Joseph Muscat issa bdew jinħassu sewwa. It-torri li bnew qed jiġġarfilhom.
Iż-żewġ sondaġġi juru wkoll li l-maġġoranza li għandu l-Partit Laburista bdiet tixxellef. Aktar u aktar votanti li vvutaw għall-PL sa mill-2013 issa m’humiex lesti li jikkommettu ruħhom li jerġgħu jivvutaw Labour. Dan ma jfissirx li, fl-elezzjoni li jmiss, m’humiex ser jerġgħu jivvutaw Labour. Tabilħaqq, waħda mid-differenzi bejn iż-żewġ sondaġġi tinsab fit-tbassir li qed jagħmlu l-analisti dwar kif x’aktarx jivvutaw dawk li m’humiex jikkommettu ruħhom li kieku l-elezzjoni kellha ssir issa.
Iżda l-verità hi li issa mhux ser ikun hemm ebda elezzjoni. Huwa inqas importanti li wieħed ibassar min ser jirbaħ l-elezzjoni li kieku din kellha issir għada (appuntu għaliex l-elezzjoni għadha ‘l bogħod) u ħafna aktar importanti li wieħed jipprova jifhem il-għala votant li s-sena li għaddiet ivvota għall-Partit Laburista, issa qed jirrifjuta li jikkommetti ruħu.
Is-skiet ta’ dawn il-votanti ma jfissirx li ser jivvutaw għal partit ieħor jew inkella jagħżlu li ma jivvutawx. Iżda huwa sinjal li jindika l-burdata tagħhom u forsi dwar x’inhi l-fehma tagħhom dwar il-gvern Laburista. Din il-fehma ma jridux jesprimuha fil-beraħ u lill-gvern Laburista qed jarawh f’dawl differenti. Dan ifisser li ħadet daqqa l-komunikazzjoni bejn il-Partit Laburista u wħud mill-votanti tiegħu. Fost dawn il-votanti hemm ċerta skuntentizza u ċertu tgergir. U min jaħdem fil-kamp politiku jaf li sitwazzjoni bħal din taf iġġib magħha opportunità.
U proprju hu hawn fejn għandha tidħol l-oppożizzjoni hi u tidentifika, triq triq, dawk il-votanti li m’għadhomx impenjati mal-Partit Laburista kif kienu fl-imgħoddi. Jekk ikun hemm biżżejjed minn dawn li jdawru l-vot tagħhom, l-oppożizzjoni tista’ tidħol biċ-ċans li tirbaħ l-elezzjoni.
Hemm ukoll kwistjoni oħra. Il-PN ma jidhirx li qed jagħmel dan. Issa jista’ jkun il-każ li qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jinżel ħelu ma’ dawn il-votanti li jivvutaw Labour iżda m’jinix nara li qed jagħmlu xi sforz. U jekk qed isir sforz bħal dan, ma jidhirx li dan qed ikun effettiv.
Il-PN jidher li qed isib saqajh. Il-messaġġ tiegħu jidher li qed jitwassal b’koerenza anki minn dawk id-deputati Nazzjonalisti li dari kienu jiżgarraw. In-nirien li dari kienu jitkebbsu minn ċerti elementi leminin jew konservattivi estremi jidher li ġew kontrollati. Dan jista’ jfisser li ta r-riżultati mixtieqa x-xogħol li sar minn wara l-kwinti biex elementi konfliġġenti fi ħdan l-oppożizzjoni jingħataw sura ta’ koerenza.
Jidher ukoll li l-oppożizzjoni qed taħtaf l-opportunitajiet li jiġuha. Fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi qed issir pressjoni kbira u effettiva fuq il-gvern. U l-mod kif ġabet ruħha l-oppożizzjoni fil-kwistjoni ta’ Jean Paul Sofia kienet waħda kompatta u effettiva. Il-mezzi tax-xandir tal-partit kienu strumentali biex qaxxru l-argument u l-grupp parlamentari kellu l-ħila li politikament u tattikament jonsob lil Robert Abela u fl-istess waqt żamm ċerta dinjità u wera’ ċerta empatija li l-PN f’dawn l-aħħar snin kien jidher li tilef.
Dan m’huwa xejn ħlief titjib għal partit li jittama li jirbaħ elezzjoni. Il-PN jeħtieġ li jidher kompatt, iffukat, determinat u dixxiplinat. Jeħtieġ li jkun dejjem preżenti fejn jidħlu kwistjonijiet li jolqtu lin-nies mill-qrib u dan sabiex ikun jista’ juri li għandu l-ħila jmexxi hu u jissielet kontra l-ineffiċjenza u n-nuqqas ta’ ħila tal-gvern.
Il-ħila li wera’ l-PN issorprendiet lil bosta. Iżda l-verità hi li m’hemmx garanzija li din il-ħila jista’ jibqa’ jsostniha. Il-PN għandu erba’ snin biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tiegħu u fl-istess ħin biex jerġa’ jakkwista r-rispett tan-nies. Madankollu, fl-erba’ snin li ġejjin, m’hemm xejn x’iżomm lil xi lemini estrem minn fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni milli jipprova jattira l-attenzjoni lejh u jġarraf kollox f’radda ta’ salib.
Iżda ejjew inkunu ottimisti. Ejjew nassumu li, f’dik li hi preżenza politika, l-oppożizzjoni ser terġa’ lura għall-livelli ta’ intensità tal-battalji li kien għamel Simon Busuttil qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Ejjew ngħidu li l-messaġġ tal-partit, l-organizzazzjoni tiegħu, l-mobilizzazzjoni tiegħu u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tiegħu qed jagħmlu dik il-pressjoni li konna drajna narawha qabel il-PN intilef f’ħafna ġlied intern.
Fl-2017, il-PN ma rebaħx. Biex jirbaħ elezzjoni, partit jeħtieġ ikun kompatt politikament u jeħtieġ li jkollu l-ħila li jagħmel pressjoni fuq il-gvern. Jekk ma wriet xejn, l-elezzjoni tal-2017 wriet li biex jirbaħ elezzjoni mhux biżżejjed li partit ikun magħqud u li jkollu l-ħila jagħmel pressjoni fuq il-gvern.
M’hux biżżejjed għall-PN li Bernard Grech ikollu l-ħila jżomm l-għaqda fil-partit. Hemm żewġ elementi oħra li huma meħtieġa.
L-ewwel: il-PN jeħtieġ li jfassal programm politiku li jnebbaħ u li jista’ jitwettaq fil-kuntest tar-realtajiet li qed ngħixu fihom. Jeħtieġ iwarrab in-nostalġija għaż-żmien li fih il-popolazzjoni ta’ Malta kienet iżgħar u etnikament kompatta u għaż-żmien li fih il-bini ma kienx jinbena’ għoli. L-arloġġ ma jista’ qatt jiddawwar u programm politiku ma jistax jitfassal fuq it-tidwir tal-arloġġ.
Tajjeb li wieħed jilmenta dwar iż-żjieda eżaġerata fil-popolazzjoni u dwar il-ħerba li qed iħalli l-iżvilupp tal-bini eżaġerat. Iżda l-ilmenti biss m’humiex biżżejjed. Il-poplu jistenna’ li jingħata s-soluzzjonijiet. X’inhuma s-soluzzjonijiet li qed jipproponi l-PN? X’inhuma l-għażliet tiegħu? Lil min ser jagħlaq il-bibien tiegħu u x’bi ħsiebhom jagħmlu għal dawk li l-bibien ser jingħalqulhom ma’ wiċċhom?
Robert Abela qed jitlef il-voti ma kull jum li jgħaddi għaliex in-nies qed tintebaħ bil-baħar jaqsam bejn il-ftaħir vojt u n-nuqqas ta’ ħila li għandu. Bernard Grech baqa’ fejn kien u la żied u lanqas naqqas u dan għaliex in-nies għadha ma tistax tara x’għandu l-ħila li jwettaq.
Grech jinqala’ biex jagħmel diskors tajjeb u għandu l-ħila li jqiegħed lill-gvern dahru mal-ħajt fil-Parlament. Jaf ukoll ikun sensittiv ma min huwa fil-bżonn. Dan huwa tajjeb. Madankollu għandu l-ħila li jfassal programm ekonomiku u jwettqu? Għandu l-ħila li jagħmel użu mill-għodda tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan li jingħeleb l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija tagħna? Għandu l-ħila li jsib tarf tal-problema tat-traffiku u tal-ħinijiet ta’ stennija fl-isptarijiet? Għandu l-ħila li jnaqqas in-numru ta’ studenti li jeħlu fl-eżamijiet tal-matematika? Għandu l-ħila li jiggarantixxi l-provvista ta’ enerġija li jeħtieġ il-pajjiż?
Bernard Grech jeħtieġ li jkollu tweġibiet kredibbli għal dawn il-mistoqsijiet. Jeħtieġ juri li jaħdmu miegħu għandu l-esperti li huma meħtieġa biex dawn il-wegħdiet ikunu jistgħu jiġu mwettqa.
It-tieni: il-PN jeħtieġ li jreġġa’ l-battalja tal-persważjoni tan-nies lura lejn it-toroq. F’waħda mill-ewwel kitbiet elettroniċi tiegħi wara l-elezzjoni tal-2017 kont ktibt li l-PN kien abbanduna dan il-battalja f’nofs is-snin disgħin u fl-istess ħin kien għamel il-wisa’ fit-triqat għal tal-Labour.
Aktar ‘il fuq semmejt is-sondaġġi ta’ nhar il-Ħadd li għadda fil-kuntest ta’ dak il-votant li fl-2022 ivvota Labour u li issa ma jridx jikkometti ruħu dwar lil min ser jivvota fl-elezzjoni li jmiss. Votant bħal dan m’hux ser jibdel il-vot tiegħu minħabba xi diskors parlamentari tajjeb ta’ Bernard Grech fuq it-televiżjoni. X’aktarx li mhux ser jibdel il-vot tiegħu sforz il-pubblikazzjoni mid-Dar Ċentrali ta’ programm elettorali mirqum u maħsub sewwa. Votanti bħal dawn hemm ċans li jibdlu l-vot kemm il-darba Bernard Grech jew xi ħadd li jidentifika ruħu miegħu ikellimhom wiċċ imb wiċċ bejn issa u l-elezzjoni ġenerali li jmiss u jipperswadihom jivvotaw għall-bidla.
Is-sondaġġi li xxandru l-bieraħ żgur jaqblu fuq ħaġa waħda: il-PN, jekk irid, jista’ u għandu l-ħila li jġib bidla politika f’dan il-pajjiż. Madankollu ebda sondaġġ ma jista jagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-PN li jifhem dan kollu u sabiex jifhem x’inhu meħtieġ li jagħmel biex jifdi lil dan il-pajjiż.
Il-PN biss jista’ jwieġeb għal dawk il-mistoqsijiet. Hekk kif jibda’ jweġibhom u kemm il-darba dawn it-tweġibiet jinżlu għasel man-nies, ir-riżultati tas-sondaġġi jibdew isiru aktar ċari.