Tat-Times of Malta kixfu borma oħra. Hekk kważi dejjem jinkixfu l-iskandli.

Il-Pulizija kellmet lid-deputat Laburista li kien fiċ-ċentru ta’ skema ta’ qerq u frodi dwar min kellu jibbenefika minn għajnuna, liema skema tfasslet bil-għan li jinxtraw il-voti ta’ dawk il-votanti potenzjali tal-Partit Laburista li kienu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji. Il-Pulizija arrestat u nterrogat lid-deputat Laburista u, ftit wara, dan warrab mill-Parlament u mill-politika attiva. Sadattant għexieren ta’ persuni li huwa kien għen biex jisirqu lill-kaxxa ta’ Malta minn eluf ta’ ewro ġew mixlija fil-qorti u – b’xi mod –  ġew imġiegħlin iroddu lura l-flus li gawdew minnhom bis-saħħa tal-qerq ta’ din l-iskema.

Dan id-deputat Laburista kien warrab ftit inqas minn sentejn ilu u, minn dakinhar ‘l hawn, dawk li kienu ġew mgħejjuna ttellgħu il-qorti. Madankollu ħadd ma kien sema’ xejn dwar din l-istorja sakemm it-Times of Malta l-bieraħ xandret id-dettalji kollha.

F’dan il-pajjiż tista’ taħbi mingħajr diffikultà kbira aħbar dwar riżenja ta’ deputat parlamentari u aħbar dwar akkużi li jkunu saru fil-qorti kontra għexieren ta’ persuni li jkunu tħallsu minn flus il-poplu b’qerq. F’ċirkostanzi normali, ftit huma dawk li jagħtu każ għaliex r-riżenja ta’ deputat parlamentari dejjem tiġi ndirizzata u ħadd ma jipprova jaħbiha taħt l-iskuża ta’ “riżenja għal raġunijiet personali”. U partit politiku serju jipprova jnaqqas il-ħsara li tkun saritlu billi jieħu passi u jkeċċi lil min ikun naqas, billi jiddisassoċja minn min ikun naqas, billi jikkundanna l-imġiba ħażina u billi jwissi lil min jitħajjar jisfrutta l-influwenza li jkollu man-nies biex jisraq flejjes tal-poplu li l-Partit Laburista ma kien ser iħalli lil ħadd igħaddiha lixxa kull darba li jinkixef il-qerq.

Kull darba li jinkixef skandlu, l-gvern u l-mezzi tax-xandir li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu jinjorawh. Il-bieraħ ebda wieħed minnhom ma xandar l-aħbar. Robert Abela, li tkellem pubblikament ftit wara xxandret l-aħbar, ma tniffes xejn dwar l-iskandlu. La semma’ li kien seħħ l-iskandlu u m’għamel ebda attentat biex lin-nies jispjegalhom il-pożizzjoni tiegħu.

Għal bosta, l-iskandlu ma seħħx għaliex tal-One News baqgħu ma xandru xejn. L-unika riferenza għall-iskandlu li saret minn tat-TVM kienet fil-kuntest tal-kummenti li għamel dwaru Bernard Grech. U dak li stqarr Bernard Grech dwar l-iskandlu żejnuh bil-kliem “allegazzjonijiet li għamlet it-Times of Malta”. L-“allegazzjonijiet” huma dawk li jsiru mingħajr każ dwar jekk dak li jkun ingħad huwiex minnu jew le. Madankollu, l-kelma “allegazzjoni” issa saret tfisser li dak li jkun ingħad ta’ bilfors ikun nibet minn gidba.

Għal tat-TVM, l-istorja dwar deputat Laburista li qassam ċertifikati foloz tal-mard biex ikunu jistgħu isarrfuhom f’skema ta’ għajnuna għexieren ta’ persuni li issa ġew mixlija fil-qorti m’għandhiex titwemmen aktar minn ħrafa li tallega li jgħixu fostna hawn il-fantażmi li jivvutaw għall-ADPD.

Il-Pulizija diġà bdiet tixli fil-qorti lil min illegalment gawda b’qerq minn dawn il-flejjes. Hekk għandu jkun. Jidher li bosta minn dawk li gawdew minn dawn il-flejjes huma nies li huma fil-bżonn. Kien għelibhom l-għaks, il-mard jew xi vizzju u, għal dawn it-talin, Eur400 fix-xahar – anki jekk misruqin – jafu jfissru dinja. U jekk b’kollox ikollhom iroddu lura mal-Eur10,000, jistgħu jitgħaffġu taħt il-piż.

Li dawn it-talin gawdew minn flus misruqin ċertament huwa ħażin. Huwa ħażin ukoll li dawn ġew mgħejjuna minn persuni f’karigi pubbliċi fdati minnhom. Dawn qieshom serqu minn bank wara li l-kbir tal-bank għaddielhom iċ-ċavetta. Kienu deputat Laburista u, kif donnu jidher, l-uffiċċju tal-prim ministru nnifsu u ħaddiema tal-ministeri li qalulhom li setgħu jibbenefikaw minn dawn il-flejjes. M’hemmx dubju li bosta minnhom kienu jafu li dan ma kien xejn ħlief serq u l-flus ħaduhom xorta waħda għax “kulħadd hekk jagħmel”. U jidher li oħrajn ma kienux fehmu li ma kienux eliġibbli għall-għajnuna. Ma tagħtihomx tort jekk din l-għajnuna spiċċaw biex ħaduha.

Li hu wkoll ħażin huwa l-fatt li min tassew jinsab fil-bżonn u li tkellem ma’ deputati, ministri u nies fil-partit dwar is-slaleb finanzjarji li qed ikollhom jerfgħu baqgħu b’xiber imnieħer. Dawk li għandhom is-saħħa biex lil dawn it-talin emarġinati jiġbruhom mill-għaks permezz tat-tfassil ta’ politika apposta, baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom. Għemilhom la kien soċjalista, la nisrani, la liberali, la progressiv u lanqas uman: ma marrux fil-Parlament biex, ngħidu aħna, jgħollu l-VAT b’1% biex tiġi finanzjata skema ġdida ta’ għajnuna għal dawn in-nies.

Minflok, dawn il-politiċi sfruttaw it-tbatija ta’ dawn in-nies li kienu lmentaw magħhom, raw kif għamlu biex dawn ma jibbenefikaw minn xejn mingħajr l-intervent (illegali) tagħhom u b’għemil falz biex jidhru ħelwin magħhom – minflok daħħlu liġijiet apposta – irranġawlhom biex igawdu minn flejjes li ma kellhomx dritt igawdu minnhom. Lill-foqra żammewhom fil-faqar sabiex dawn imbagħad jiġu mġiegħla jirringrazzjawhom għall-“karità” li tkun saret magħhom.

Fl-istess waqt, ħallew b’xiber imnieħer lil dawk li kienu fl-istess sitwazzjoni ddisprata iżda li ma kienux sostenituri tal-partit tagħhom jew li ma kienux votanti fid-distrett elettorali. Għaldaqstant iddiskriminaw bl-addoċċ u b’ċerta kefrija.

Min gawda minn dawn il-flejjes, gawda bis-saħħa tal-qerq. U dawk li għaddewlhom il-flus jew irranġaw biex jirċievuhom wettqu frodi elettorali u diskriminazzjoni partiġġjana.

Dawk li bbenefikaw minn dawn il-flejjes qed jittellgħu l-qorti. Dawk li għaddewlhom il-flus jew li rranġaw biex jirċievuhom jew mhux ser jiġu mħarrka jew inkella ser jaraw kif jagħmlu biex igħadduhielhom lixxa.

Barra minn hekk, il-pressjoni li qed issir mill-Oppożizzjoni u minn għaqdiet li huma mpinġijin bħala segwaċi tagħha (bħal Repubblika, per eżempju) ser issaħħaħ il-fehma tal-partitarji tal-gvern li din l-istorja m’hi xejn  ħlief “allegazzjoni” oħra bla provi – jiġifieri gidba.

Nifsi qtajtu. Iħossni għajjien, ixxukkjat u mdardar. Xbajt narahom jaraw kif jagħmlu biex iħarsu s-setgħa li għandhom għall-gwadann tagħhom. Xbajt nara d-disprezz li għandhom lejn il-liġijiet u l-korruzzjoni li dan ta’ bilfors iġib miegħu.

Jekk it-tabib tar-raħal li int tant tafda, jekk il-partit tiegħek, jekk il-ministri stess li int tappoġġja huma korrotti u maħmuġin għaliex qed igawdu mill-benefiċċji li ġġib ir-regħba tagħhom u li żżommhom fis-setgħa, kif qatt tista’ tiftakar x’inhu sewwa u x’m’huwiex? U anki jekk tkun taf tiddistingwi bejn dak li hu sewwa u dak li mhux, min huwa dak li m’għandux saqaf fuq rasu jew li m’għandux għaxja ta’ lejla li ser jonqos li jaċċetta li jitħallas Euro400?

Mhux ser nasal biex ngħid li min gawda b’qerq għandu jgħaddiha lixxa. Iżda jkolli nammetti li bosta minn dawk li gawdew huma foqra u żvantaġġjati. Nitħassarhom għaliex il-faqar tagħhom u l-lealtà tagħhom ġew sfruttati minn uħud li m’għandhom skrupli ta’ xejn u li huma agħar mis-soċjalisti tax-xampanja jew mill-ħnieżer.

Dawn l-isfruttaturi huma nies kriminali li jħaddmu magħhom lill-kriminali oħrajn bħalhom li m’għandhomx għażla ħlief li jobdu u li jinsabu maħkumin minn politiċi kriminali.

L-iskandli qed jinkixfu bħal pastizzi u jidher li għad hemm x’jinkixef. Żewġt Iħdud ilu, l-ġurnalisti kixfu skandlu ieħor  – skandlu li ġie injorat.

Għaliex, wara kollox, din hi l-għażla tagħna. L-iskandli issa drajninhom.