Tobba li huma membri tal-bord li kien approva applikazzjonijiet għall-benefiċċji tad-diżabilità imsejsin fuq ċertifikati foloz tal-mard illum ilmentaw mat-Times of Malta li “huma wkoll kienu ġew imqarrqa”. Dawn qalu li ma setgħu qatt isiru jafu li l-firem kienu ffalsifikati.

Lil tat-Times of Malta talbuhom biex isimhom ma jixxandarx u dan minkejja l-fatt li ma setgħax kien hemm mijiet ta’ persuni li kienu membri tal-bord fejn ittieħdu d-deċiżjonijiet. Wieħed ma jridx wisq biex isir jaf min huma.

X’qalu dawn? X’setgħu jagħmlu aktar biex ixejjnu l-qerq jew iwaqqfuh?

Dan l-aħħar kummentatur ħareġ b’argument statistiku. Possibbli li ma kien hemm ħadd li ttenda b’żjieda sostanzjali fid-diżabilità fost in-nies u fl-applikazzjonijiet għall-pensjonijiet marbutin ma’ dan it-tip ta’ mard? Possibbli li ħadd ma ġietu f’moħħu jekk, għall-għarrieda, kellniex fostna xi epidemija tal-mard tal-epilessija?

Il-membri tal-bord possibbli li qatt ma ġiethom f’rashom li jgħarblu l-applikazzjonijiet li kienu saru jew, għall-anqas, uħud minnhom? Wara kollox, il-proċess ta’ verifika ma kellux ikun fost wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-bord? Tgħid it-tobba ma kienux jafu li xogħolhom kien dak li jgħarblu sewwa kull applikazzjoni? Jekk kulma għamlu kien biss li jaċċettaw kull applikazzjoni mingħajr ma jgħarbluha sewwa, dan ix-xogħol ma setax sar minn sempliċi skrivan? X’kienet il-ħtieġa li bord magħmul minn tobba jgħarbel applikazzjonijiet iffirmati minn tobba oħrajn biex jara jekk dawn kellhomx jiġu aċċettati jew le?

Mingħand il-membri tal-bord wieħed kien jistenna li jkollu ġudizzju ta’ natura medika. Dawn kienu fid-dmir li jaraw jekk ir-rakkomandazzjoni ffirmata mit-tabib kienitx ġustifikata jew le. Xogħol bħal dan ma setgħax jagħmlu skrivan. Kien xogħol li t-tobba biss setgħu jagħmluh.

Tgħid meta f’idejn it-tobba ġiet applikazzjoni li tat lok għal suspett, ma setgħux dawn ċemplu lit-tabib li ffirma l-applikazzjoni biex jiċċekkjaw l-awtentiċità tal-applikazzjoni? Li kieku dan l-eżerċizzju għamluh darba biss, l-iskema qarrieqa kienet tinkixef dak il-ħin stess għaliex it-tabib li l-firma tiegħu ġiet falsifikata lit-tobba tal-bord kien jinfurmahom li l-applikant mhux veru kien il-pazjent tiegħu. U kien jikkonferma wkoll li l-firma fuq l-applikazzjoni kienet waħda falza.

Dan huwa kulma kellhom jagħmlu għal darba biss it-tobba membri tal-bord .

L-iskema qarrieqa rnexxiet għaliex min kien il-perċimes warajha kien jaf li t-tobba membri tal-bord ma kienux qed jgħarblu l-awtentiċità tad-dokumenti annessi mal-applikazzjonijiet.  Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għal dan. U peress li jien ma nafx fiċ-ċert x’inhuma dawn ir-raġunijiet, dak li naħseb li kienu r-raġunijiet jistgħu jitqiesu bħala spekulazzjoni. Dan mhux bilfors ifisser li t-tobba membri tal-bord kienu qed jixxaħħmu. Jista’ jagħti l-każ li t-tobba bejniethom ma riedux imejlu l-kpiepel ta’ xulxin. U din setgħet kienet ir-raġuni li mbagħad kien hemm min ħataf l-okkażjoni biex jisfrutta s-sitwazzjoni.

Iżda kienet x’setgħet kienet ir-raġuni, l-perċimes wara dan il-qerq kien jaf li t-tobba mħallsin mill-kaxxa ta’ Malta biex igħassu kontra l-abbużi ma kienu ser jagħmlu xejn biex jaraw li l-abbużi ma jseħħux. Kien jaf li dawn kienu ser jaċċettaw l-applikazzjonijiet mingħajr ma jgħarbluhom sewwa, jitħallsu ta’ xogħolhom u suq ħa mmorru. Wara kollox ma kienux it-tobba li nsterqu. Il-vittma tas-serq huwa l-poplu li jħallas it-taxxi. U l-poplu hu wkoll il-vittma tat-tobba membri tal-bord li qed jitħallsu salarju biex isaħħnu s-siġġu tagħhom.

Fejn għandu x’jaqsam dan l-iskandlu jinten seba’ pesti, t-tobba membri tal-bord ma kellhomx ikunu mira ovvja tal-kummentaturi. Li ħaqqhom kull kritika huma dawk li gawdew b’qerq minn benefiċċji li ma kellhomx dritt li jgawdu minnhom, dawk il-politiċi li għenuhom, il-ħaddiema tal-gvern li kien messhom intebħu li kienu qed jintefqu flejjes aktar mis-soltu, l-ministru tas-saħħa u dak tal-politika soċjali li dan kollu seħħ taħt imneħirhom u l-prim ministru li kien għatta kollox meta kien sar jaf bil-qerq.

Dawn issa tathom ferneżija, qed ikellmu lill-istampa u qed jagħmlu minn kollox biex lin-nies iġiegħluha titħassarhom u dan minkejja n-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom biex b’hekk it-tobba tal-bord iddaħħlu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

It-tobba membri tal-bord kellhom dmirijiet ta’ natura medika. It-tobba biss għandhom il-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa li tagħtihom is-setgħa li jwarrbu applikazzjonijiet li ma jkunux meqjusin bħala eliġibbli. Bħala tobba kellhom id-dmir li jħarsu l-interessi tagħna għaliex aħna m’aħniex tal-lant tagħhom. Għaldaqstant dawn professjonalment naqsu bil-kbir .

Il-Kunsill Mediku jidher li m’għandux ir-rieda meħtieġa biex jinvestiga lil Silvio Grixti u dan minkejja l-fatt li jeżistu diversi xhieda li stqarrew li kien hu li għaddielhom dokumenti foloz li mbagħad intużaw minnhom biex setgħu gawdew illegalment minn benefiċċji. Tgħid dan il-Kunsill għad jitħajjar jinvestiga lit-tobba tal-bord li kienu aċċettaw id-dokumenti foloz biex setgħu nħarġu l-pensjonijiet?

Ma tarax!