Hi ħaġa tal-mistħija li qed tiġi kontemplata liġi li tagħti s-setgħa lill-gvernijiet sabiex bil-moħbi jissemmgħu fuq il-konversazzjonijiet telefoniċi li jkollhom il-ġurnalisti u qrabathom. Jekk xejn, liġi bħal din tammonta għal indħil serju fil-ħajja privata u tagħti krettu lill-idea falza li kull min jagħżel il-professjoni tal-ġurnaliżmu ikun qed jagħmel xi ħaġa ħażina. Bħallikieku l-professjoni ġurnalistika tiġġustifika l-indħil dirett tal-istat bħal fil-każ ta’ xi serqa minn bank jew xi konfoffa biex jitwaqqa’ l-gvern.
Il-vera motivazzjoni tal-gvernijiet li jridu jgħaddu din il-liġi m’hix dik li jissemmgħu bil-moħbi fuq dak li jkun qed jintqal mill-ġurnalisti b’mezzi telefoniċi. Il-mira ta’ dawn il-gvernijiet hi l-kxif tal-identità tal-għejjun tal-ġurnalisti – jiġifieri dawk li jgħaddu l-informazzjoni li l-gvernijiet ma jkunux iridu li tinkixef.
Dan m’huwiex kollox. Il-gvernijiet iridu li dan kollu – jiġifieri li jingħataw is-setgħa li jissemmgħu – jkun magħruf pubblikament f’attentat biex jiddemoralizza u jaqta’ l-qlub ta’ min ikun imħajjar igħaddi informazzjoni lill-ġurnalisti.
Bis-saħħa ta’ din il-liġi, l-gvernijiet ser jagħmlu sarima ma’ ħalq dawk li jgħaddu l-informazzjoni.
Araw x’kiteb Beppe Giulietti, li jmexxi l-Italian Federation of Journalist Unions:
https://t.co/iE2rx6pCru La possibilità di intercettare i cronisti per ragioni di “sicurezza nazionale” segna la fine della tutela delle fonti e morte di quello che resta del giornalismo di inchiesta @Artventuno @EFJEUROPE @RobertaMetsola @Manwel_Delia @Corinne_Vella @reportrai3
— Beppe Giulietti (@BeppeGiulietti) December 13, 2023
“Meta gvern jingħata s-setgħa li jissemma’ bl-iskuża tas-“sigurtà nazzjonali” dan ikun ifisser it-tmiem tal-protezzjoni tal-għejjun u l-qerda ta’ dak li fadal mill-ġurnaliżmu investigattiv”.
Il-gvernijiet li qed jimbuttaw biex tgħaddi din il-liġi m’humiex ġustifikati fl-imġiba tagħhom u, huma x’inhuma, m’jinix f’pożizzjoni li nifhem ir-raġunijiet tagħhom.
Madankollu lill-gvern ta’ Robert Abela nafu sewwa u naf li tkun ħaġa li tinżillu għasel jekk jingħata s-setgħa li jissemma’ bil-moħbi fuq id-diskorsi telefoniċi tal-ġurnalisti. F’Malta qatt ma kellna raġunijiet għala għandna nissuspettaw li xi ġurnalist għamel użu mill-professjoni tiegħu biex jgħatti xi konġura kriminali u l-ġurnalisti f’Malta qatt ma kienu ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali.
Meta l-ġurnalisti jitħallew fil-libertà li jwettqu x-xogħol tagħhom, l-uniku riskju li jkollhom jiffaċċjaw il-gvernijiet hu wieħed ta’ natura politika. Għaliex dak li l-gvernijiet isejjħulu “interess nazzjonali” m’huwa xejn ħlief l-interess personali u partiġġjan tagħhom. U sabiex politikament jibqgħu jixirfu fil-wiċċ, il-gvernijiet għandhom kull interess li jaraw li xturhom jibqa’ mgħotti.
Kif kitbet tant tajjeb Becca Bonello Ghio, “il-pajjiż li fih inqatlet ġurnalista jrid jimmina l-ewwel liġi Ewropea dwar il-libertà tal-istampa.”
The country of a journalist murdered for her work wants to undermine the first EU media freedom law.#Malta, along w/ 🇫🇷, 🇮🇹, 🇫🇮, 🇬🇷, 🇨🇾& 🇸🇪 all support the spying of journalists 👇https://t.co/FQzuRQwMkk@MaltaGov @OwenBonnici @EFJEUROPE @daphnefdtn @Manwel_Delia
— Becca Bonello Ghio (@BonelloBecca) December 12, 2023
Malta għandha tkun il-pajjiż li jippromwovi l-libertà tal-istampa. Il-gvern ta’ pajjiż li nstab ħati tal-qtil ta’ ġurnalista jmissu jħabrek biex juri lid-dinja li ġedded lilu nnifsu u sar pajjiż li hu ħerqan biex jiddefendi s-sigurtà tal-ġurnalisti.
Ma tarax!
Moħħom biss biex jissemmgħu dak li jkun qed jingħad mill-ġurnalisti. U x’aktarx li dan diġà qed jagħmluh. Kif kiteb David Casa, f’pajjiżna huwa ministru tal-gvern li għandu s-setgħa li jiffirma warrant biex wieħed ikun jista’ jissemma’ d-diskorsi telefoniċi ta’ ġurnalisti u dan mingħajr kontroll ta’ xejn.
Dan m’għandux ikun.
Il-ġurnalisti jagħmlu minn kollox biex ma jikxfux l-identità tal-għejjun tagħhom.
Iżda l-gvern Malti jidher li jrid liċenzja mingħand l-Ewropa bil-għan li jimmina l-protezzjoni tas-sorsi.
U, ħaġa tal-iskantament, jidher li hemm gvernijiet oħra fl-UE li jaqblu dwar dan.