Li kien għall-Ministri, l-ġurnalisti jmisshom ma jimirħux ‘il barra mill-uffiċċji tagħhom. Minn naħa tagħhom, l-ġurnalisti ma jistgħux joqgħodu b’idejhom fuq żaqqhom jistennew lill-politiċi jwieġbu t-telefonati tagħhom. B’xorti ħażina għall-politiċi, l-bini tal-Parlament m’għandux parkeġġ taħt l-art u għaldaqstant bosta drabi m’huwiex possibbli għall-Ministri li jevitaw il-mistoqsijiet li jsirulhom mill-ġurnalisti.

U għall-okkażjonijiet li fihom isibu ruħhom b’daharhom mal-ħajt, lill-Ministri wieħed jista’ jismagħhom iwieġbu mistoqsijiet permezz ta’ stqarrijiet li jkunu ħejjew minn qabel u li jkunu tgħallmuhom bl-amment. Iżda mhux dejjem jirnexxielhom li jgħadduha lixxa.

Tiftakruha l-istorja ta’ Anton Refalo – dak li llegalment ġabar mit-triq u baqa’ jżomm ġebla antika minn żmien ir-Reġina Vittorja fil-ġnien tiegħu. Sal-lum ma ttieħdu ebda passi bil-qorti kontra tiegħu minkejja l-fatt li l-oġġett in kwistjoni huwa wieħed pubbliku u huwa wieħed li m’għandux iżejjen il-ġnien privat ta’ ebda persuna, wisq inqas ta’ ministru tal-gvern.

Minħabba din il-ġebla antika, Anton Refalo ilu jistaħba għal xhur sħaħ. Għax il-ġebla antika li seraq ma jridx iroddha lura, iżda xorta waħda jrid jibqa’ jservi fil-ħajja pubblika.

Dan l-aħħar ġurnalist staqsieh mistoqsija dwar din il-ġebla antika. U Anton Refalo kien pront u wieġeb bi stqarrija li kien diġà jafha bl-amment: jiġifieri li għandu jkollna reġistru ta’ xogħlijiet storiċi li jinsabu f’kollezzjonijiet privati. Iżda l-bużillis jinsab fil-fatt li l-mistoqsija ma kinitx dwar ir-reġistru. U Refalo baqa’ ma weġibx dwar kif din il-ġebla antika kien ħbieha sakemm, minn ritratt li ttieħed mill-għoli, nkixef li din kienet qed iżżejjen il-ġnien u l-pixxina tiegħu.

Bis-saħħa tar-raġunar ta’ Anton Refalo jidher li nkunu nistgħu nsibu tarf tal-kwistjonijiet kollha li jinqalgħu dwar oġġetti li jkunu insterqu. Biex inġib eżempju, tkun tista’ tisraq kaxxa mimlija ġojjelli mingħand il-ġar tiegħek u, jekk tinqabad, kulma għandek tagħmel hu li telenkahom f’reġistru fl-għassa tal-pulizija u ma jkollokx għalfejn troddhom lura.

Anton Refalo jmissu jħajjar lil Rosianne Cutajar tirrikorri għas-“soluzzjoni” tiegħu – il-bieraħ din ukoll ma setgħetx taħrab mill-ġurnalisti li staqsewha mistoqsijiet dwar ir-rapport tal-awditur li kkonkluda li konsulenza ta’ 20,000 ewro fis-sena li kienet ingħatat mill-gvern kienet waħda “frawdolenti”. L-awditur stqarr li ma sab ebda prova li Rosianne Cutajar kienet wettqet xi xogħol. Tafu kif wieġbet Rosianne Cutajar? Wieġbet li dan kollu għaliex m’hemmx prova li ħadmet ma jfissirx li fil-fatt ma ħadmitx.

M’għandniex xi ngħidu, dan l-hekk imsejjaħ “argument” tagħha ma jreġi xejn.

Jekk tassew ħadmet konsulenza, ma kellhiex għalfejn toqgħod tħabbel rasha biex iġġib prova li ħadmet għax ċertament kienet issib xi dokument fil-kompjuter jew xi e-mail li tipprova kemm kienet qattghħet bi snienha fil-konsulenza biex qalgħet ħobżitha. U ġaladarba ma setgħetx iġġib prova, sinjal li ma kienet ħadmet xejn.

“M’hux veru” wieġbet b’mod dgħajjef Rosianne Cutajar meta ntalbet tirreaġixxi għar-rapport tal-Awditur. Għax, miskina, r-rapport kienet “għadha ma qratux”.

Rosianne Cutajar tħallset 20,000 ewro talli m’għamlet xejn u tal-ITS għandhom iħarrkuha sabiex tiġi mġiegħlha tirritorna l-flus li kienet tħallset.

Jew inkella tista’ forsi tfassal reġistru u fih tniżżel iċ-ċifra li tħallset.

U barra bid-daqq.

Dik, wara kollox, hi l-fehma ta’ Anton Refalo. Mhux hekk?