L-eks Prim Imħallef Joe Azzopardi jidher li huwa mfittex sewwa mill-gvern meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ xi inkjesta li tkun biss għal għajn in-nies.
Azzopardi għadu kemm inħatar biex jinvestiga l-mod kif l-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran ġew liberati minn akkużi u dan wara li l-Avukat Ġenerali xliehom b’reat kriminali b’ieħor.
Għall-ewwel deher li kien sar żball. L-Avukat Ġenerali xliehom bir-reat li rċievew flejjes b’tixħim u dan minkejja l-fatt li l-proċeduri preċedenti kienu dwar ir-reat ta’ attentat ta’ ħlas ta’ flejjes permezz ta’ tixħim. Kif nafu lkoll, l-inċident seħħ dakinhar li Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca, l-avukati ta’ Yorgen Fenech, iltaqgħu mal-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin u talbuh ixandar rapporti li jqiegħdu lill-klijent tagħhom f’dawl favorevoli. Fi tmiem il-laqgħa, Gianluca Caruana Curran offra mazz karti tal-€500 lil Ivan Martin, liema flejjes ma ġewx aċċettati mill-ġurnalist.
Mid-dehra, l-Avukat Ġenerali mhix taqbel li kienet għamlet żball. Appellat mis-sentenza u stqarret li l-qorti interpretat ħażin it-tifsira tal-liġijiet li taħthom kienu ġew mixlija l-avukati. Ma nafx kif ser tispiċċa din il-kwistjoni iżda ma naħsibx li x-xenarju ser jinbidel wisq. Il-Maġistrat kienet ċara meta ddeċidiet li l-fatti li nġiebu quddiemha kienu jwasslu għal reat iżda l-Avukat Ġenerali kien xliehom b’reat ieħor.
Il-Ministru tal-Ġustizzja jidher li hu xettiku wkoll u ħatar lil Joe Azzopardi biex imexxi inkjesta dwar dak l-hekk imsejjaħ “żball” tal-Avukat Ġenerali.
Azzopardi diġà mexxa inkjesta oħra dwar il-mod kif qed jitmexxa l-uffiċċju tal-prosekutur. Inkjesta li kienet ukoll marbuta mal-manuvrati ta’ Yorgen Fenech u li kellha lil Charles Mercieca taħt il-lenti tagħha.
Wara li f’Awwissu tal-2018 daħal biex jitħarreġ mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Charles Mercieca kien qed jaħdem fuq prosekuzzjonijiet kriminali. Kien tqabbad biex jaħdem bħala avukat f’Jannar 2020. Fit-30 ta’ April, wara biss xhur fl-impjieg, għarraf lill-Avukat Ġenerali li kien biħsiebu jirriżenja. Ir-riżenja bagħatha fl-4 ta’ Mejju u l-għada l-avukati skantaw huma u jarawh fil-qorti bħala avukat difensur ta’ Yorgen Fenech. Mil-lum għall-għada minn avukat tal-istat sar avukat tal-allegat sid tal-istat fi ħdan l-istat.
Lil Joe Azzopardi daħħluh fix-xena biex jinvestiga. U lil dan irriżultalu li ma kien hemm xejn ħażin. Meta kien qed jaħdem fl-uffiċċju tal-prosekutur, Charles Mercieca ma kienx qed jaħdem fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech u, fi kwalunke każ skont Azzopardi, ma kien kiser ebda regolament. Madankollu l-Imħallef Joe Azzopardi ppropona li għandhom jitfasslu regoli sabiex ma jerġax jiġri dak li kien seħħ. Minn dakinhar ‘l hawn, mhux magħruf dawn ir-regolamenti tfasslux jew le.
Il-Kamra tal-Avukati baqgħet ma tniffsitx dwar l-imġiba ta’ Mercieca.