Għadha kemm inbdiet kampanja mmirata biex tiskredita lil Repubblika u l-kbir għadu ġej. Għad m’hix magħrufa l-identità ta’ dak jew ta’ dawk li qed iniedu din il-kampanja u dan mhux biss għaliex l-id li qed tixħet il-velenu tinsab moħbija. Jeżistu diversi għejjun li jista’ għandhom il-motiv u l-opportunità u għalissa diffiċli li wieħed igħid ir-riħa minn fejn ġejja.
Meta tkun għamilt sitt snin sħaħ timmilita favur il-ġustizzja int u tinsisti li l-ħallelin – ilkoll kemm huma – għandhom jieħdu dak li ħaqqhom, dawk li jifhmu li din il-militanza jista’ jkollha l-effett li taqfilhom f’ċella għandhom kull interess li jippruvaw jimminawk.
M’hemm xejn ġdid fil-mod kif dawn qed iġibu ruħhom.
Agħtu daqqa t’għajn hawn isfel lejn l-iscreenshot minn blog post li dehret il-bieraħ f’website li jġib l-isem European Business Review. Din il-kitba ma tantx damet imtella’ u min jipprova jfittixha mhux ser isibha.
It-titlu tal-artiklu jsejjaħ lil Repubblika bħala għaqda “korrotta” u l-kontenut jirrepeti xiljiet li diġà ilhom isiru kontra din l-NGO, jiġifieri li hi “politikament partiġġjana”, li hi “kontra l-gvern” u li Repubblika “rrifjutat li tikxef lil min jiffinanzjaha”.
Min ikun “politikament partiġġjan” u “kontra l-gvern” ma jfissirx li huwa wkoll korrott. U Repubblika tinsab marbuta bl-obbligi legali dwar ir-rappurtaġġ u l-iskrutinju li jorbtu lill-NGO’s kollha u għaldaqstant, lanqas li kieku dan ridnieh, ma nistgħu qatt naħbu informazzjoni dwar il-finanzjament tagħna u dwar il-mod kif nonfqu l-flus. Repubblika kienet fil-mira tar-regolatur li fuqha insista li jagħmel awditjar speċjali u minn dan l-awditjar qatt ma rriżulta li kien hemm xi ħaġa rregolari.
Dan l-artiklu fih żewġ xiljiet li huma ġodda. Waħda mix-xiljiet hi li l-protesti li kienu saru minn Repubblika fl-2019 kienu “kontra l-etika” għaliex, skont l-awtur tal-artiklu, kienet saret protesta quddiem id-dar ta’ ministru tal-gvern u kienu ġew mhedda uliedu. Jekk dan l-inċident ma tiftakarx li kien seħħ, ma jfissirx li l-memorja tiegħek qed tbatti. Ifisser biss li din ix-xilja hi msejsa fuq gidba ħoxna.
L-awtur tal-artiklu kiteb ukoll li, wara l-għaġeb kollu li kienet għamlet Repubblika meta ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia (lil Daphne l-awtur jirreferi għaliha fil-maskil x’aktarx minħabba li l-artiklu nqaleb għall-Ingliż permezz tal-google), ġie injorat l-attakk fiżiku li seħħ fl-2019 minn “membri tal-oppożizzjoni” kontra l-ġurnalista Amira Tatayea Bangura.
Huwa minnu li Amira Tatayea Bangura kienet ġiet attakkata fiżikament fl-2019 minn attivisti tal-oppożizzjoni f’pajjiżha s-Sierra Leone. U talli ma kienet semmiet xejn dwar dan l-inċident fil-kampanja li nidiet f’Malta favur ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, l-awtur tal-artiklu jgħid li din hi prova li Repubblika “aktar moħħha li tieħu vantaġġ politiku milli tiġġieled favur id-drittijiet tal-bniedem”.
Erbat ijiem ilu xxandar “rapport” ieħor fil-“Blog King”. Ir-rapport fil-website ilu madwar xahar li ttella’. Lili rriferew għalija bħala “eks-president” ta’ Repubblika (qatt ma kont) u kitbu li jien kont ħbejt ir-“rabtiet” li kelli ma’ Satabank meta kont ktibt dwar l-għeluq tagħha u li kont ħbejt il-fatt li marti Clemence kienet kreditriċi tal-bank meta dan għalaq. Dan huwa minnu għaliex marti kellha tieħu €3 (iva, tliet ewro u bla żerijiet) minn kont mal-bank li ngħalaq li ma kienux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż legali u multi li kelli nħallas u li dħalt fihom meta fil-prim istanza kont tlift il-kawża SLAPP li s-sid korrott ta’ dan il-bank kien għamel kontra tiegħi.
Ir-rapport ikompli billi jitkaża li wħud mill-attivisti ta’ Occupy Justice huma membri ta’ Repubblika u li Repubblika u d-Daphne Caruana Galizia Foundation iqabbdu l-istess avukati. Għaġeb tal-għeġubijiet!
U mbagħad x’aktarx li l-id li tellgħet dawn il-kitbiet tikxef il-motivazzjonijiet tagħha meta kkonkludiet kif ġej: “L-għan ewlieni ta’ Repubblika hu li jintagħraf bħala l-aqwa avversarju tal-Pilatus Bank u tal-korruzzjoni tal-gvern Malti. L-argument tagħhom huwa msejjes fuq il-kxif ta’ Pilatus Bank bħala l-qofol tal-ħażen. Fl-istess waqt, iridu jintgħarfu bħala attivisti ideali li jimmilitaw favur il-ġustizzja”.
Dan m’hu xejn ħlief qerq. L-awtur lanqas biss jindenja ruħu li jipprova jkun kredibbli f’kitbietu. Lanqas biss jipprova jigdeb “sewwa” u dan għaliex kampanja ta’ qerq ma tista qatt titqiegħed fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Gidba li tiġi mgħarbla, malajr tiġġarraf u l-vittma tal-gideb jispiċċa biex jissaħħaħ. Dawn il-kitbiet huma miktubin b’mod ta’ kafkaf mhux għaliex l-awturi huma persuni inkompetenti. Miktubin ta’ kafkaf għaliex l-awturi ma jridukx tgħaddi kitbiethom minn għarbiel.
Iriduk biss li f’moħħok taċċetta li Repubblika u dawk li jmexxuha ma tistax torbot fuqhom u li jista’ jkun hemm alternattiva għal dak li jgħidu u li jinsistu dwaru. Jiġifieri li Repubblika għandha x-xtur x’taħbi u li għalhekk m’għandhiex tiġi fdata.
Dan it-triq diġà konna għaddejna minnha fl-imgħoddi. Żewġt isjuf ilu kienu għamlu kampanja dilettanteska kontrija personali u ppruvaw ibagħbsu bl-artikli tiegħi dwar Yorgen Fenech biex jagħtu lil wieħed x’jifhem li jien kont qed naqbeż għalih. Araw naqra x’ġenn!
Sforz din il-kampanja qarrieqa, jien kont ħriġt twissija u meta, waqt intervista, kont għidt li kien bi ħsiebni nitlaq mill-pajjiż għal xi żmien għax kont qed inħossni taħt pressjoni, kien hemm min xlieni – dan minn fost il-mezzi tax-xandir indipendenti – li kont qed nipprova nilgħabha tal-vittma u li kont qed nigdeb. Il-ħsara lill-kredibilità tiegħi kienet leħqet saret u ebda kjaraifika jew spjegazzjoni ma kienet ser issewwi din l-ħsara. M’għandi ebda ndiema li kont ġibt ruħi kif ġibt ruħi, iżda dak li għaddejt minnu jien ma nixtieqx li tgħaddi minnu Repubblika.
Ix-xogħol li qed twettaq Repubblika huwa importanti. Jekk dan ix-xogħol jitwaqqaf, ikun tilef il-pajjiż u jkunu rebħu l-kriminali. U l-kriminali m’hux ser jieqfu milli jkomplu jippruvaw jimminawna.
Il-Ħadd li għadda, b'”kumbinazzjoni”, l-ġurnal Illum xandar rapport b’dettalji dwar tweġiba parlamentari ta’ Byron Camilleri. Dan intalab jipprovdi lista ta’ dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minn donazzjonijiet mingħand dawk li applikaw biex jixtru passaport Malti. F’din il-lista hemm l-ismijiet ta’ Repubblika u tal-Moviment Graffitti. Dawn tal-aħħar stqarrew li tbellħu, kif konna tbellaħna aħna, meta semgħu li kienu tqiegħdu f’din il-lista. X’aktarx li dawn issuspettaw li l-ħidma tagħhom biex iħarsu dak li fadal mill-ambjent mir-regħba tal-iżviluppaturi setgħet kienet il-motivazzjoni ewlenija ta’ dawk li vvintaw dan l-“iskandlu”.
Tal-Illum mhux biss irrappurtaw dwar il-kontenut tat-tweġiba ministerjali. Fuq il-faċċata ta’ quddiem, b’ħanġra daqshiex werżqu li minkejja l-oppożizzjoni tagħha għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Repubblika kienet “aċċettat” donazzjonijiet mingħand dawk li applikaw biex jixtru passaport.
U għażlu li jxandru gidba (li għandhom mnejn iġibu skuża li kienet biss malintiż) biex lilna jpinġuna bħala nies ipokriti li jgawdu minn skemi li ma jaqblux magħhom.
X’inhu l-impatt ta’ dan kollu? Aħsbu ftit f’dawk li jgawdu mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti billi jikru l-kmamar jew djar lill-fantażmi jew li jitħallsu talli jissottomettu applikazzjoni. Jekk dawn qatt kellhom xi dubji dwar skema li gawdew minnha minħabba l-kritika ġusta tagħna msejsa fuq prinċipju, dan iservi biex jikkunslaw u l-ipokresija vera tagħhom jibbilanċjawha mal-ipokresija immaġinarja tagħna.
Ma nafux għaliex dan kollu qed jinqala’ proprju issa u ma nafux min qed ikebbes in-nar u għaliex qed ikebbsuh. Iżda nafu li min qed ikebbes in-nar qed jistenna’ l-inkwiet wara biebu minħabba l-ħidma tagħna.
Aktar minn sena ilu, l-Pulizija għamlet tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat u fittxet ukoll il-bagalji tal-iskola ta’ uliedu u dan b’rabta ma’ inkjesta li erba’ snin ilu konna bdejna aħna dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet. Din il-ġimgħa Bernard Grech u Adrian Delia bilġri għamlu rapport u talbu lill-Pulizija tinvestiga kwistjoni li erba’ snin ilu nbdiet inkjesta dwarha u li għaliha Repubblika kienet bdiet tliet kawżi fil-qorti waqt li l-PN baqa’ b’idejh fuq żaqqu.
Fil-qorti għamilna kawża u tlabna l-qorti tannulla l-kuntratt tal-Electrogas. Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, ser jiġu effettwati ħażin il-profitti preżenti u dawk futuri li mistennija jagħmlu l-investituri Maltin u l-istat tal-Ażerbajġan.
Bdejna ġlieda qalila fil-qorti kontra tal-Pilatus Bank: jekk inġibuha żewġ, għad naraw ħallelin tal-prima klassi li żgiċċaw mill-ġustizzja fl-Amerika jieħdu dak li ħaqqhom f’Malta.
Hemm numru kbir ta’ persuni għonja u setgħana li huma rrabjati ħafna għal dak kollu li qed twettaq Repubblika u mhux bi ħsiebhom iċedu.
Il-kbir għadu ġej. Stennew li taraw lil min imissu jaf aħjar joħroġ bl-iskużi banali biex lilna jmur igħid li m’għadux jafdana.
Iżda għandkom tistennew ukoll li aħna ser nissuktaw bil-ħidma tagħna bit-tama li, jekk inkunu onesti magħna nfusna, fl-aħħar mill-aħħar għad issir ġustizzja.