Ftit wara li kienet skattat ir-Rivoluzzjoni Franċiża, waħda mill-“proċeduri antiki” li dwarha kien jilmenta l-poplu Franċiż kienet – għalkemm il-kelma “proċeduri” mhix waħda preċiża – dwar il-ħruġ ta’ lettres de cachet. Dawn ma kienu xejn ħlief ittri ffirmati u ssiġillati mir-Re b’ordni biex persuna tinqafel fi sptar mentali. Meta xi ħadd kien jiġi kundannat bis-saħħa ta’ dawn l-ittri, dan ma kien ikollu difiża minn ebda qorti, ma setgħax jappella u ma setgħax isemma’ il-qanpiena tiegħu permezz ta’ xhieda mogħtija minnu.
Sitwazzjoni grotteska bħal din kif qatt setgħet ġiet tollerata? Dak iż-żmien, is-setgħa assoluta li kellhom ir-rejiet li jaqflu n-nies fil-ħabs b’kapriċċ ma kienitx meqjusa bħala nġustizzja tal-waħx. Għaliex kienu jemmnu li r-rejiet huma mnebbħin minn Alla u li Alla ma jista’ qatt ikun żbaljat. Kull darba li r-re kien jidhirlu li xi ħadd kien jeħtieġ li jinqafel fil-ħabs, ma setgħax ma kellux ir-raġunijiet tajbin il-għala kien jidhirlu hekk. Dawn ir-raġunijiet tajbin ħadd ma seta’ jitfa’ d-dell ta’ xi dubju fuqhom. Ġaladarba li r-re wera’ r-rieda li jaqfel lil xi ħadd fil-ħabs, sinjal li kellu raġun.
B’xorti tajba, dak iż-żmien ilu li għadda u dak li kien igħodd fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, llum m’għadux igħodd. Huwa minnu li llum għad hemm min, per eżempju għadu jemmem fl-infallibilità Papali jew fil-prerogattiva rjali. Iżda ġeneralment fil-pajjiżi li jħaddnu d-demokrazija d-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom dejjem ikunu ġustifikati u l-ġustifikazzjoni għandha tkun imsejsa fuq fatti li wieħed ikun jista’ jgħarbilhom.
Meta dak l-arċi-baħnan Johann Grech u sidu Clayton Bartolo jgħidulna li għandhom il-“provi” li l-infieq tal-Malta Film Commission huwa ġustifikat u li kien wieħed li gawdejna minnu, dawn kien messhom xandru l-“provi” li jgħidu li għandhom jew inkella kien messhom żammew is-skiet dwaru. Ta’ xejn tgħid li għandek il-“provi” meta dawn tibqa’ tirrifjuta li xxandarhom.
Għaliex, wara kollox, jekk ma tkunx tista’ tgħarbel ir-riċerka li qalu li għamlu, jekk ma tkunx tista’ tistaqsi dwar il-mistoqsijiet li qalu li għamlu, jekk ma tkunx tista’ teżerċita kontroll fuq dak li assumew u fuq il-metodoloġiji li ntużaw, jekk ma tkunx tista’ tgħarbel ir-riżultati li qalu li kisbu u jekk ma tkunx tista’ tipproponi alternattivi għal dak li waslu għalih huma, allura l-ftaħir kollu li ftaħru huwa biss fħaħir vojt li ma jiswa’ xejn.
Dawn fakkruni f’dak li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament Messikan meta f’kaxxa tal-ħġieġ tqiegħdu żewġ “pupazzi” u min qiegħedhom hemm ried ibellagħha li dawn huma aljeni li kienu jimirħu fid-dinja tagħna mal-elf sena ilu. Uruna l-provi jew inkella morru xxejru.
Waqt konferenza stampa li għamlu l-bieraħ biex jippruvaw jiġġustifikaw l-infieq li nefqu, Grech u Bartolo qalu li kienu ngħataw parir legali biex ma jxandrux l-istudju li qalu li għandhom f’idejhom li jiġġustifika l-infieq tal-Malta Film Commission. Lanqas dan il-parir legali ma kellhom id-diċenza li jxandru u għaldaqstant ma nafux il-għala l-ministri qed jistaqsu lill-avukati għandhomx jaqdu dmir ewlieni tagħhom li jiġġustifikaw l-infieq pubbliku mal-poplu. Wara kollox, avukat għaliex għandu jżomm ministru milli jaqdi dmir ewlieni tiegħu?
Meta avukat jagħti parir legali lill-klijent biex iżomm is-skiet, x’aktarx li dan jagħmlu għax ikun jaf li jekk jingħad kollox, jistgħu jinkixfu provi nkriminanti. Jidhirli li l-uniku każ li fih gvern ikun ġustifikat li ma jxandarx dettalji dwar infieq huwa dak li jkollu x’jaqsam mad-difiża u mas-sigurtà nazzjonali. Jekk, għall-argument, gvern ikun qed jibni arma ġdida huwa minn ewl id-dinja li ma jkunx lest li jikxef għajnu dwar l-arma l-ġdida mal-għedewwa tiegħu. Dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-għoti ta’ “parir legali”.
Il-poplu għandu dritt sagrosant li jingħata rendikont sħiħ dwar il-mod kif ikunu ntefqu flusu. Jekk l-informazzjoni dwar l-infieq tibqa’ mistura, ma nistgħu qatt naċċettaw dak kollu li jkun ġie moħbi minn għajnejna. Jekk jidhrilna li Johann Grech berbaq flus mill-kaxxa ta’ Malta u li Clayton Bartolo għalaq għajnejh għal dan it-tberbiq, ta’ xejn jippretendu li nafdaw il-kelma tagħhom li mxew b’mod responsabbli.
Huma u jħambqu li dak li għamlu kienu għamluh għall-ġid tagħna, Grech u Bartolo ġabu ruħħom bħal dawk ir-rejiet li kienu jirrenjaw qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Kelmithom jeħtieġ li naċċettawha mill-bidu sal-aħħar għaliex la qaluha huma, sinjal li għandhom raġun. L-imġieba tagħhom ta’ bilfors kienet ġusta u xierqa.
Hekk jonqos issa!
Anki meta stqarrew li għandhom parir legali biex ma jxandrux ir-rapport, stqarrew ħmerija grassa. Nibqa’ ngħid li qed jigdbu sakemm jibqgħu ma jxandrux il-parir legali li qalu li għandhom f’idejhom. U x’aktarx li jekk ixandru l-parir legali, dan għad nikkonkludu li huwa biss fabbrikazzjoni.
Fi ftit kliem, il-Kummissarju tal-Films qed jgħidilna li ħadd ħliefu m’għandu l-ħila li jonfoq flejjes pubbliċi b’mod effettiv.
Nagħmilha ċara li l-istqarrija fis-sens li aktar ma jintefqu flus f’għotijiet fl-industrija tal-films, aktar ikun hemm flus jiċċirkolaw fl-ekonomija hi fl-istess ħin waħda korretta u irrilevanti. M’għandniex xi ngħidu, aktar ma jintefqu flus, aktar flus jidħlu fl-ekonomija.
Iżda li kieku kellu jsir studju ekonomiku bis-serjetà, kien jirriżulta li żjieda fl-infieq li tkun lil hinn minn ċertu limitu x’aktarx li tħalli anqas fl-ekonomija. Politika serja kienet tassigura li kull infieq żejjed għandu jsir f’oqsma aktar produttivi. Il-gvern jagħmel sew li jonfoq flejjes fil-qasam tal-arti kreattiva għaliex dan il-qasam għandu l-potenzjal li joħloq ix-xogħol.
Iżda x-xogħol ma jonħoloqx billi nimlew il-karus ta’ Denzel Washington f’Los Angeles b’miljun ewro, iżda jaf jinħoloq, per eżempju, b’xi produzzjoni awdjo-viżwali li tkun tista’ tiġi esportata lejn is-swieq barranin. Urini studju li jmeri dan kollu, Sur Johann Grech. Eh, iva. Għandek parir legali biex dan l-istudju ma xxandrux, hux hekk?
Naf li dak li qed insostni huwa msejjes biss fuq is-suppożizzjonijiet loġiċi u kont inkun f’pożizzjoni aħjar li kieku f’idejja għandi l-provi empiriċi, l-istatistika u l-istudji ekonomiċi.
Iżda jidher li xi avukati mhux magħrufa lil Johann Grech tawh parir biex ma jikxifx il-karti u dan biex jingħata l-kenn u l-protezzjoni Johann Grech stess. Għax inkella bil-karti f’idejna għad nistgħu forsi nintebħu li dak li qed jgħidilna Johann Grech ma jirriftettix ir-realtà u s-sewwa. U li għalhekk mhux minnu li m’hawn ħadd ħlief Johann Grech li għandu l-ħila jmexxi l-Kummissjoni tal-Films bis-serjetà.
Gvern li jaħbi huwa gvern li m’huwiex żgur minnu nnifsu. Ir-rejiet tal-antik kienu jużaw il-lettres de cachet biex jeħilsu minn nies li ma kellhomx grazzja magħhom. Żgur li ma kienux ispirati mill-Ispirtu s-Santu meta kienu jagħmlu kollox minn wara l-kwinti u fis-segretezza u s-segretezza kienu jiġġustifikawha mill-fatt li ma setgħux jiġġustifikaw l-għemil tagħhom.
Johann Grech m’għandu ebda tweġiba għall-mistoqsijiet li qed isiru dwar l-infieq eżaġerat ta’ flus il-poplu.
Jippretendi biss li għandna nafdawh fil-għama.
M’għandux ċans.