Fl-aħħar! Kull meta jżur il-Libja, Neville Gafà issa huwa rikonoxxut bħala l-kelliem uffiċjali tal-gvern ta’ Malta. Spiċċalu t-tlaqliq. M’għadux jipprova jbellagħhielna li ż-żjarat tiegħu fi Tripli huma “btajjel privati”.
Mela issa kollox ward u żahar. Nistgħu nagħlqu għajnejna għall-fatt li Gafà jinsab għaddej inkjesta dwar l-iskandlu dwar il-ħruġ tal-viżi. Għax inzerta ħobża u sikkina ma’ Joseph Muscat, maħfur kollox!
Adrian Hillman, li għandu reputazzjoni ħażina warrab wiċċek, qed jitħallas mingħand tal-Malta Gaming Authority sabiex jagħtihom pariri dwar il-mod kif ikunu jistgħu iħarsu r-reputazzjoni tagħhom.
Dawn magħrufa għall-mod li biħ għalqu għajnejhom għall-ħasil ta’ flus maħmuġin ġejjin mis-serq u mid-droga mill-Cosa Nostra u mill-‘Ndrangheta permezz ta’ ħwienet liċenzjati f’Malta.
Adrian Hillman huwa l-istess bniedem li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru tefgħalu fil-kont bankarju tiegħu fil-British Virgin Islands 650,000 ewro – flus li huwa ma kellux il-ħila jispjega minn fejn ġew.
U l-Prim Ministru tkaża talli Jason Azzopardi rnexxielu jikkonvinċi lid-dinja li pajjiżna nħakem minn ċorma kriminali. Kull meta Jason Azzopardi jidħol bir-ras għal xi biċċa xogħol li suppost għandhom jidħlu għaliha l-membri parlamentari ta’ kull lewn politiku, ma jistrieħx qabel jara l-boċċa tersaq bil-mod il-mod lejn il-likk. Id-diskorsi tiegħu jipperswaduk, ix-xogħol legali tiegħu huwa mistħarreġ sewwa u l- lobbying li jagħmel huwa konvinċenti. Dmiru bħala parlamentari jafu sew. Ftit hemm bħalu fil-Parlament.
Tabilħaqq sitwazzjoni tal-mistħija. Bilkemm titwemmen li pajjiż bħal Malta li – sa 6 snin ilu biss – kellu reputazzjoni mpekkabbli madwar id-dinja, kellu jispiċċa fil-qiegħ tal-abbissi.
Il-fatti jitkellmu weħidhom. Il-gvern għandu ħabta li sitwazzjoni ħażina jirrendiha agħar milli hi.
Ara ma tmorrux taħsbu li l-istampa dinjija, li ta’ sikwit tkellmet dwar l-iskandlu tal-ħruġ tal-viżi Schengen Maltin għall-immigranti, se tagħlaq għajnejha għall-influwenza li għandu Neville Gafà u għall-preżenza tiegħu fuq il-fruntiera tal-Ewropa mal-Libja.
Ara ma tmorrux taħsbu li ġurnalisti barranin, li ta’ spiss xandru stejjer dwar il-mod kif kriminali fl-industrija tal-gaming inqdew b’Malta biex jaħslu flus maħmuġin, se jinjoraw l-aħbar li Adrian Hillman inħatar mill-awtorità regolatorja lokali biex jagħtiha pariri dwar “it-tħaris tar-reputazzjoni tagħha”.
Id-diskors ta’ Jason Azzopardi kien ftit twil iżżejjed. Iżda l-kittieb ewlieni tal-proża li tittratta dwar id-dalma tal-kriminalità li ħakmet lil dan il-pajjiż m’huwa ħadd ħlief Joseph Muscat.