L-Italja u Malta għandhom gvernijiet populisti u t-tnejn li huma qegħdin jagħmlu tagħhom il-preġudizzji razzjali ta’ xi wħud kif ukoll l-indifferenza għat-tbatjiet ta’ ħaddieħor. Ir-riferenzi li qed isiru għal-liġijiet internazzjonali huma konvenjenti għall-aħħar u m’humiex serji: huma biss skużi biex jevitaw li jwettqu dak li m’huwiex popolari iżda li għandu mis-sewwa.
M’għandniex xi ngħidu, wieħed ma jistax jinjora d-differenzi fid-daqs li hemm bejn Malta u l-Italja. Jekk Matteo Salvini jidhirlu li 629 ruħ huma wisq għall-Italja, aħseb u ara x’inhuma għal Malta li hi bil-wisq iżgħar fid-daqs. Iżda ma rridu ninsew qatt li qed nitkellmu dwar il-bnedmin.
Matteo Salvini għandu raġun meta jgħid li Malta għandha terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha. Matul l-aħħar 5 snin, kien x’kien il-ftehim bil-moħbi li sar bejn Joseph Muscat u Matteo Renzi, ebda immigrant mill-Afrika ma rifes fuq Malta. Għandna bżonn il-ħaddiema iżda jidher li s-suwed m’għandniex grazzja magħhom. U Joseph Muscat ried jiffanfra bis-suċċess li kellu bil-fatt li f’Malta ma rifes ebda immigrant u mhux se jiċċaqlaq minn din il-politika. Iżda jien ngħid li jmissu jiċċaqlaq. Malta mhux biss għandha l-kapaċità li tospita aktar persuni: għandha fil-fatt tospita aktar persuni.
Joseph Muscat għandu raġun: l-Italja ma tistax tippretendi li ssib tarf tal-problemi li ġġib magħha l-immigrazzjoni billi tfarfarhom fuq Malta. Jekk Matteo Salvini jrid jilgħabha tal-ors imissu jaqbad ma’ pajjiż li hu tad-daqs ta’ pajjiżu. L-Italja wkoll għandha responsabbiltajiet x’iġġorr u ma jistax ikun li din tippretendi li tfarfarhom minn fuq spallejha kull meta jfettlilha.
Matteo Salvini u Joseph Muscat għandhom raġun: din mhix problema Taljana jew waħda Maltija. Hi sfida għall-Ewropa u l-Ewropej kollha għandhom iġorru r-responsabbiltajiet tagħhom serjament billi jaqbdu l-barri minn qrunu. Hi ħaġa tal-biki meta wieħed jara li l-istess populiżmu li qiegħed iżomm lil Salvini u lil Muscat fis-setgħa, bis-saħħa ta’ livelli differnti ta’ egoiżmu popolari u biża’ u mibgħeda lejn il-barranin, qed iżomm ukoll fis-setgħa lil politiċi bħal May, Macron, Orban u Kaczynski.
Waqt li politiċi jitkellmu dwar l-interess nazzjonali, fl-istess nifs qed jesaġeraw b’diskorshom dwar l-impatt tal-immigrazzjoni u jpinġu stampa kerha żżejjed dwar ir-riskji li din iġġib magħha.
Issib ukoll l-eċċezzjonijiet. Waqt li Joseph Muscat infexx f’dagħdiha ta’ kliem iebes, fi tweet Roberta Metsola tkellmet b’kuraġġ. Qadfet kontra l-kurrent u fakkritna li filwaqt li aħna nitkellmu bi kliem iebes dwar il-ħarsien tal-interessi nazzjonali, l-Italja u Malta qed jitilfu kull sens ta’ diċenza u ta’ sensittività umana meta jħallu t-tfal salvati mill-għarrqa imdendlin bejn sema u ilma.
F’din it-taqtiha bejn il-populisti, Muscat u Salvini qed jippikaw f’attentat biex jintgħoġbu man-nies tagħhom.
#l-Italja u #Malta m’għandhomx jitħallew weħidhom – l-UE għandha tara x’se tagħmel.
Fil-frattemp 629 ruħ li qed jaħarbu mill-miżerja, jibqgħu imdendlin. https://t.co/bJoLw6f4IE
— Roberta Metsola MEP (@RobertaMetsola) 10 ta’ Ġunju, 2018