Lovin Malta għadha kemm lemħet l-ismijiet ta’ tliet cittadini Maltin li huma midħla sew tal-President Russu Vladimir Putin f’lista mxandra mid-Dipartiment tat-Teżor Amerikan. It-tlieta huma mwildin fir-Russja. Jekk dawn il-persuni nsejjħulhom “Russi” ma nkunux qed niżbaljaw.
Madankollu l-fatt jibqa’ li Arkady Volozh, Boris Mints u Alexander Natanovich Nesis huma ċittadini Maltin.
Tistgħu issibu aktar dettalji dwar dawn it-tliet persuni fi storja li xandar Tim Diacono u tistgħu wkoll titkixxfu aktar dwarhom jekk tfittxu isimhom permezz tal-“google”. U hemm ukoll rapport imxandar illum stess fl-hekk imsejjaħ “Kremlin Report” li elenka l-ismijiet ta’ persuni Russi (u Maltin) li jinsabu taħt il-mira tas-sanzjonijiet-Amerikani.
Issa jeħtieġ li hawn nieqfu biex naħsbu ftit. Il-fatti juru li l-Istati Uniti tal-Amerika qegħda tperreċ l-ismijiet ta’ ċittadini Maltin li huma kkunsidrati mill-Amerikani bħala persuni suspettati b’reati ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin. U l-Amerika qed tagħmel dan hi u tiġi mixlija mir-Russi li qegħda timmira fuq l-għadu fi żminijiet ta’ paci.
Ara ma jkunx hemm min jimla rasu bl-idea li dawn in-nies ħallsu madwar miljum Ewro għal passport Malti biex f’xi ajruport jiffrankaw xi stennija twila fil-kju huma u għaddejjin mis-sezzjoni tal-kontroll tal-passaporti. M’aħniex tad-Diners Club hawn. Il-verita’ hi li ninsabu fiċ-ċentru ta’ logħba perikoluża ferm.
F’nofs gwerra bierda li bħalissa qed tinħema mill-ġdid bejn l-Amerikani u r-Russi, Malta qed tippermetti li ċittadini Russi jxiddu “lbies” Malti f’taqtiha li ċertament mhix ħobż għal snienna bħala pajjiż. Fi kliem ieħor, aħna l-Maltin qed inkunu inġenwi bħal meta fis-snin 90 ħsibna u ttamajna li l-intrapriża privata kienet ser iġġib id-demokrazija fir-Russja u tressaq lil dan il-pajjiż fi ħdan il-Punent.
Min jirraġuna b’dan il-mod ikun qisu qed igħix f’dinja għalih.
Min ħareġ bl-idea brillanti li jbiegħ ic-cittadinanza Maltija wera li hu dilettant għaliex lanqas biss għaddietlu minn rasu li din l-idea tista’ ddaħħal lil Malta f’salt inkwiet.
Niddubita ferm kemm ġew ikkonsultati l-esperti fil-Ministeru tal-Affarjiet Barranin ta’ Malta dwar l-implikazzjonijiet politiċi li l-bejgħ taċ-ċittadinanza lil persuni ta’ nisel Russu jista’ jġib miegħu.
Niddubita ferm jekk l-interessi ta’ Malta qattx ingħataw l-importanza li tixirqilhom u jidher li d-dħul tal-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro mingħand sinjuruni Russi qrib Putin kienet il-priorita’ prinċipali. Ngħiduha kif inhi: għamilna xi akkwist specjali bħala pajjiż għax issa xi persuni ta’ nisel Russu bħal Boris Mints issa huma wkoll ċittadini Maltin? U żgur li le. Il-verita’ hi li l-akkwisti saru biss minn intermedjarji leġittimi u illeġittimi u certamentukoll minn Henley & Partners.
Fil-frattemp id-dehra tagħna l-Maltin f’għajnejn kemm l-Amerikani kif ukoll f’għajnejn ir-Russi ħadet daqqa ‘l isfel. Għaliex il-passaport Malti issa sar ukoll il-passaport ta’ wħud minn dawk is-sinjuruni Russi tal-qalba li huma midħla ta’ Putin.