Illum mart il-Prim Ministru Michelle Muscat wieġbet għal mistoqsijiet li sarulha minn Lovin Malta dwar storja mxandra minn din il-website li s-sieħba tagħha fin-negozju kienet ħallset f’daqqa dak kollu li kien dovut fuq xiri ta’ appartament fi New York u dan ftit ġranet biss wara li kien allegatement sar ħlas lilha ta’ 400,000 Dollaru Amerikan minn Pilatus Bank.

Fit-tweġiba tagħha Michelle Muscat “ikkonfermat ma’ Lovin Malta li Michelle Buttigieg kienet xehdet quddiem il-Maġistrat Inkwirenti Aaron Bugeja (li qed jinvestiga l-kumpannija Egrant Inc.) li ma kienx minnu li kien qatt seħħ trasferiment ta’ 400,000 Dollaru Amerikan. Skond kelliem għal Muscat “is-Sinjura Buttigieg kienet xehdet quddiem il-Maġistrat Inkwirenti u ċaħdet li kienu ġew trasferiti xi flus fil-kont bankarju tagħha, kif ikkonfermat hi stess b’mod ċar quddiem il-Maġistrat permezz tax-xhieda tagħha”.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja qiegħed jinvestiga lil Michelle Muscat. Fost ħwejjeġ oħra, l-inkjesta qiegħda tistħarreġ jekk hux minnu li Michelle Muscat hi sidt Egrant Inc., kumpannija sigrieta u mhux dikjarata reġistrata fil-Panama u għodda biex jitgħatta t-tixħim.

Illum Muscat ammettiet li tkellmet ma’ xhud f’din l-inkjesta dwar il-kontentut tax-xhieda tagħha. Peress li Michelle Muscat jidher li ma fehmitx l-implikazzjonijiet ta’ dak li għadha kemm għamlet, se jkolli nfiehemielha bl-imgħarfa.

L-Inkjesti Maġisterjali huma proċeduri sigrieti u dawk li jkunu xehdu f’dawn l-inkjesti jkunu mwissija mhux biss biex ma jiżvelaw xejn ma’ ħaddieħor dwar dak li jkunu xehdu iżda lanqas jiżvelaw li jkunu effettivament xehdu. Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova kienu ingħataw din it-twissija u għandi nifhem u nikkonkludi li Michelle Buttigieg ġiet taqa’ u tqum mit-twissija tal-Maġistrat.

Din hija problema li issa tinsab f’ħoġor Michelle Buttigieg. F’Malta m’hawnx liġijiet kontra t-tfixkil lill-proċess tal-ġustizzja u evidentement l-infrastruttura legali tagħna mhix armata sew biex tiġġieled kontra l-ħmieġ ġej miċ-ċentri tal-poter. Li kieku Michelle Muscat kienet tgħix f’pajjiż ieħor – saħansitra anke fl-Istati Uniti – u stqarret dak li stqarret lil Lovin Malta, din diġa’ tinsab maqfula il-ħabs.

U peress wieħed ma jistax jikser liġi li ma teżistix, Michelle Muscat illum ma kkommettiet ebda reat kriminali f’Malta. Madankollu ikkommettiet reat politiku meta ammettiet li tkellmet ma’ xhud f’inkjesta taħraq li qed issir dwar il-finanzi, allegatement illeċti, tagħha.

Ħadd ma jista’ “jirriżenja” mill-istat attwali ta’ “mart il-Prim Ministru”. Iżda, mingħajr ma rridu, dan il-fatt jġiegħelna niffokaw fuq anomalija li hawn fil-pajjiż fejn jeżisti rwol politiku u uffiċjali mħallas mill-gvern għal mart il-Prim Ministru minkejja l-fatt li dan ir-rwol din ma akkwistatux permezz ta’ elezzjoni jew bis-saħħa ta’ xi ħatra iżda għas-sempliċi fatt li hi martu.

L-ammissjoni tagħha li tkellmet ma’ xhud f’Inkjesta Maġisterjali m’hi xejn ħlief att ta’ disprezz lejn il-proċess legali. Il-kelliem li qabbdet biex iwieġeb lil Lovin Malta wkoll wera li hu (jew hi) inkompetenti għall-aħħar. Lil Michelle Muscat il-kelliem messu ġibdilha l-attenzjoni li l-ammissjoni tagħha kienet ser iddaħħalha bejn il-basla u qoxritha.

Fit-tweġiba tagħha Michelle Muscat ukoll bidlet waħda mit-titli li għandha. Issa m’għadhiex “sidt il-Buttardi”. Lil Lovin Malta qaltilhom li ilu ma jkollha x’taqsam ma’ din is-suppost kumpannija tal-ġojjelli mill-2013 u dan minkejja l-fatti li l-website tal-Buttardi tindika ċar li hi l-kap tan-negozju tal-Buttardi fl-Ewropa.

Niftakru li d-dikjarazzjoni dwar xi ħaġa li suppost ġrat f’Marzu 2013 Michelle Muscat għamlitha f’Jannar 2018 u issa qed tippretendi li għandna nemmnuha.

Iżda hemm aktar x’wieħed jomgħod. Ftit wara li ktibt dwar Buttardi u Michelle Muscat, sirt naf li Michelle Buttigieg tkellmet ma’ Zoominfo u din qaltilhom li l-ammont ta’ 2.4 miljun Dollaru fis-sena li fuqu ġie rappurtat li taqla’ l-Buttardi huwa ammont kemmxejn eżaġerat u li l-ammont korrett huwa ta’ 3,000 Dollaru. Żball żgħir tafux!

U Ħalluna! Lanqas li kieku Michelle u Michelle qed ibiegħu ġiżirana kuljum mill-website magħluqa tagħhom. U b’suppost ħwienet li lanqas biss jafu bil-prodotti tal-Buttardi u li suppost ilha mingħajr rappreżentant Ewropew mill-2013!

Il-gwaj hu li l-istruttura fażulla li bnew issa bdiet iċċedi mis-sisien. Il-lejla stess Lovin’ Malta irrappurtat li mill-inqas tliet “business listing websites”Amerikani (MantaLocalData.US and BusinesssDatabase.US) qed jindikaw li d-dħul annwali tal-Buttardi huwa ta’ bejn 1 sa 2.5 miljun Dollaru u li din l-entita’ timpjega sa erba’ minn nies.

Gidbu fuq li gidbu għal għexieren ta’ drabi u l-internet issa qed jikxifhom. Dejjem jekk noqgħodu fuq dak li stqarret Michelle Muscat, jista’ jkun li gidbu wkoll lill-Maġistrat Inkwirenti.

Dawn kemm jaħsbu li jistgħu jkomplu jgħadduha lixxa?