Il-loġika fit-tmexxija ta’ pajjiżna verament m’għadhiex xi ħaġa obbligatorja. Saret xi ħaġa optional. Josè Herrera jaħseb li jkun qed jidher sabiħ u jagħti l-impressjoni li jinteressah meta jgħid li l-uffiċċju tiegħu qed joħroġ ftit flus żejda għall-ġid tal-Park tal-Majjistral ħalli l-NGOs li jmexxu l-park ikunu jistgħu jieqfu jeqirdu dwar l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa fir-riserva li suppost qiegħda hemm biex tħares il-fawna, u mhux tispara fuqha.
Imma l-NGOs mhumiex idjoti u weġbuh li din mhix kwistjoni ta’ “agħmilli favur, u jien nagħmillek ieħor”. L-NGOs ma jistgħu jagħmlu xejn iktar ħlief jilmentaw dwar avviż legali tal-gvern. U hekk qed jagħmlu. U jekk il-Ministru ma jikkuntentax ruħu b’daqshekk allura m’hemmx aktar x’tagħmel – hu jżomm il-pocket money li offrielhom u huma jibqgħu jeqirdu.
Imma Josè Herrera bħalissa verament għandu burdata tajba u allura kkoreġa lilu nnifsu. Speċi ta, insomma. Araw dan ir-rapport f’The Times: “Is-Sur Herrera enfasizza li l-investiment ma kienx intenzjonat biex jagħlqilhom ħalqhom, imma għal darba oħra ddeskrivieh bħala ‘kumpens’. ‘L-NGOs huma assolutament kontra l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa, imma ppruvajna nissodisfaw l-aspirazzjonijiet l-oħra tagħhom,’ qal.”
Imnalla li Herrera mhux qed jagħmilha ta’ medjatur bejn l-Iżrael u l-Palestinjani. Għax is-suċċess li kien ikollu kien ikun biss kemmxejn inqas minn ta’ Donald Trump.
It-tagħlima vera hawnhekk – jew almenu wieħed hekk jittama – mhix kif Josè Herrera nesa x’għallmu Wittgenstein. Imma l-fatt li immaterjalment minn x’jaħseb jew jgħid kulħadd il-gvern diġà ddeċieda li jżid il-ħinijiet tal-kaċċa tant li saħanistra diġà ddeċieda wkoll xi flus se jonfoq biex jagħlaq ħalq dawk li qed jikkritikaw din id-deċiżjoni.
L-aqwa li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tgħidx kemm innegozjat biex ikun hemm konsultazzjoni bejn il-mozzjoni tal-PD ta’ Godfrey u Marlene Farrugia biex l-estensjoni tal-ħinijiet tiġi rtirata u l-indifferenza arroganti tal-gvern għal kull oġġezzjoni li ssir għall-omnipotenza tiegħu.
Il-PN irnexxielu jdawwar kif ried ir-ritwal parlamentari biex ressaq emenda għall-mozzjoni tal-PD li kienet tipproponi li l-gvern jikkonsulta lill-imsieħba dwar l-estensjoni tal-ħinijiet u l-gvern qabel mal-mozzjoni kif emendata u nnegozjata mill-Oppożizzjoni. Adrian Delia u klikka ta’ deputati Nazzjonalisti li riedu joqogħdu gallarija bla ma jintnu la ma’ dawk favur u lanqas ma’ dawk kontra l-kaċċa ħarġu ‘l barra kuntenti b’din l-approvazzjoni min-naħa tal-gvern daqslikieku kienu Neville Chamberlain qed ixejjer il-firma ta’ Hitler fuq ir-Riżoluzzjoni ta’ Munich huwa u jipproklama l-vittorja fil-paċi.
U Josè Herrera llum daħal iċ-Ċekoslovakkja – jew il-Park tal-Majjistral, jekk forsi taħsbu li l-metafora hija xi ftit esaġerata jew imġebbda wisq – u qalilhom li se jagħtihom xi ħaġa żgħira biex itaffilhom xi ftit mit-togħma ħażina talli, anke jekk kontra qalbhom u għax ma kellhomx triq oħra, aċċettaw id-deċiżjoni.
Allura t-tagħlima vera li għandna nieħdu minn dan kollu hi li l-gvern se jibqa’ għaddej jagħmel li jrid, jgħid x’jgħid kulħadd. Li tipprova taħdem miegħu ma jiswa għal xejn. Għall-kuntrarju, tispiċċa tidher li hi int kompliċi miegħu f’dak li jkun qed jagħmel. U jekk tagħżel li tibqa’ gallarija u ma tieħu l-ebda naħa, dawk favur il-kaċċa jammiraw lill-gvern u dawk kontra jeħduha kontrik għax ma tkunx ħadt pożizzjoni.
Anke dan huwa loġiku.
Ir-ritratt ma’ dan l-artiklu hu ta’ The Malta Independent.