Kien ilu tlett ijiem biss li twieled dal-blogg.

Il-Prim Ministru, ikkonfermat mill-ġdid fl-elezzjoni ta’ Ġunju, kien għadu qas biss ifforma l-Kabinett.  Telaq mgħaġġel lejn Ta’ Xbiex, mossa pubbliċitarja bil-mira li jwaqqa’ l-argument ta’ qabel l-elezzjoni tal-PN li jekk jerġa’ jitla’ nkunu qed nheddu s-servizzi finanzjarji u l-industrija tal-gaming.

 

Ried juri li tal-Betsson għadhom ħbieb miegħu u li l-għajdut ta’ qabel l-elezzjoni, li huma kif ukoll kbarat oħra fl-industrija tal-gaming kienu qed juru xi tħassib dwar il-korruzzjoni f’Malta, kien għajdut fażull.

Ma kien fażull xejn, u l-Prim Ministru dan jafu sew.

M’hemm l-ebda dubju dwar id-dannu għar-reputazzjoni li hemm fl-industrija tal-ħasil tal-flus. L-ilmenti tal-awtoritajiet Taljani li l-industrija tal-Gaming f’Malta tilqa’ u ‘tnaddaf’ id-dħul li jiġi mill-vittmi tal-kriminalità organizzata ma naqsux dawn l-aħħar xhur.  U dawn l-ilmenti jsiru għax għandna istituzzjonijiet politiċi u regulatorji dgħajfa mmexxija minn ħbieb tal-qalba inkompetenti mgħallma sew biex jgħalqu għajn waħda.  Jew tnejn.

Negozji leġittmi bħal Betsson u oħrajn għandhom azzjonisti li jridu jwieġbu għalihom u r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet fejn joperaw hija kwistjoni importanti.

F’Ġunju rrappurtajt kif il-Betsson kienet qed tistabillixxi ċentri band’oħra bl-aġġornamenti jinżammu fil-kwartieri tagħhom hawn Malta.  Dil-mossa tani li nsemmiha ċumm bumm ’hedging bets’ dak iż-żmien. 

Il-mossa tibda issa hekk kif 130 impjegat se jitilfu xogħolhom f’Malta.

Sintendi, kull negozju, u iktar u iktar negozji kbar, minn żmien għall-ieħor jagħtu ħarsa lejn l-operat tagħhom biex jaraw fejn jistgħu jkunu iktar effiċjenti, speċjalment meta jixtru kumpaniji li jwasslu għal nies żejda bl-istess ħiliet, biex ma nsemmux l-ispejjeż li jiġu minn attivitajiet ġodda marbuta mal-merġer.

Dejjem ikun hemm raġunijiet varji wara aħbarijiet bhal din.

Iżda llum wieħed minn kull 10 impjiegi mal-Betsson f’Malta jintemm.  Jaf ikun iż-żmien opportun biex Joseph Muscat jerġa jaqbeż qabża sal-canteen , għalkemm nistenna li t-tbissima għall-kameras tkun kemxejn inqas tgħammex għal xi raġuni.