Il-mod kif ġab ruħu Chris Cardona hu u jipprova jżomm fil-wiċċ wara li ħarrek lil Daphne Caruana Galizia meta din 17-il xahar ilu xandret l-aħbar li kien f’burdell m’hu xejn ħlief komportament ta’ min fil-fatt huwa ħati.
Min ikun innoċenti jidħol il-qorti, iġib ir-raġunijiet għaliex ħassu libellat, jippreżenta l-provi biex jirribatti dak li jkun ġie mixli biħ, jesprimi għadab u jitlob rimedju mill-aktar fis possibbli.
Min ikun ħati jhedded, jiżżerżaq, jiskansa u jigdeb. U jagħmel minn kollox biex jipprova jintimida.
Għal dawn l-aħħar 8 xhur, Chris Cardona naqas li jattendi għas-seduti tal-Qorti f’dan il-każ. Iżda m’ażżardax iċedi l-kawża ta’ libell li kien għamel kontra Daphne Caruana Galizia biex żgur ħadd ma jifhem pass bħal dan bħala xi forma ta’ ammissjoni.
Iżda l-avukati tiegħu għamlu kull xorta ta’ pressjoni biex il-werrieta tagħha jaqblu li tiġi ċeduta l-kawża dment li ssir xi forma ta’ apoloġija.
U, m’għandniex xi ngħidu, ta’ Caruana Galizia ma kinux lesti li jagħmlu dan.
Nhar il-Ħamis li għadda, Chris Cardona u l-avukati tiegħu reġgħu rrikorrew għall-pressjoni.
Dawn issottomettew ir-ritratt li qed jidher hawn isfel bil-għan li joħolqu storja ġdida li tgħid li Daphne Caruana Galizia – din id-darba mhux għax kienet gidbet u li vvintat kollox – kienet ġiet ingannata mill-għejjun tagħha li qatt ma setgħu jkunu jafu fejn kien Chris Cardona. U dan għaliex il-messaġġ li ntbagħtilha li kien infurmaha li Chris Cardona kien f’burdell Ġermaniż kien intbgħat lilha minn xi ħadd minn Malta. U bħala “prova” xandru dan ir-ritratt.
Dan ir-ritratt mhuwiex prova dwar mil-liema pajjiż intbagħat. Veru li għandu numru Malti iżda dan ma jfissirx li ntbagħat minn Malta – ir-roaming għalhekk qiegħed.
Ir-ritratt jindika wkoll id-data tal-31 ta’ Jannar u wieħed irid jiftakar li Daphne Caruana Galizia kienet xandret ir-rapport skandaluż tagħha dwar iż-żjarat ta’ Chris Cardona fil-burdell fit-30 ta’ Jannar. Kien dakinhar li kienet xandret dettalji dwar it-tpinġija li għandu fuq ġismu, dwar id-dagħa li lissen waqt li kien taħt doċċa bl-ilma kiesaħ u dwar dettalji oħrajn jaħarqu.
Ir-ritratt jindika li dan ittieħed minn screen ta’ min kien bgħat il-messaġġ (l-għajn) u mhux ta’ min kien irċeviħ (Daphne Caruana Galizia) u dan għaliex il-messaġġi ta’ min jibgħat dejjem ikunu fuq in-naħa tal-lemin.
Diffiċli wieħed jifhem ir-raġuni għaliex l-għejjun – li evidentement ħadu l-prekawzjonijiet kollha biex jgħattu l-identità tagħhom – għall-għarrieda jiddeċiedew li jgħaddu r-ritratt lill-avukati ta’ Chris Cardona. Sakemm Chris Cardona ma ffalsifikax lil dawn il-messaġġi jew lir-ritratt wara li Daphne Caruana Galizia kienet xandret l-ewwel rapport tagħha.
Ir-ritratt mhuwiex prova li l-messaġġi huma awtentiċi. U, forsi intenzjonalment, qed jitolbu l-impossibbli meta jitolbu lill-qorti ġġiegħel lill-operaturi biex jippreżentaw il-provi 17 il-xahar wara l-fatt.
Hawn jidher messaġġ li ħejjejt jien u nista’ nassigurakom li dan huwa falz għax għamiltu jien stess.
Iżda l-bużillis hu li l-Ħamis filgħaxija il-gvern xandar stqarrija permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni li permezz tagħha qal li Chris Cardona ma kienx deher il-qorti għaliex kellu x’jagħmel.
Iżda mbagħad qalu: “jidher li l-avukat tal-akkużati ħataf l-opportunità biex jitlob li l-akkużati, f’dan il-każ il-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia, jiġu liberati mill-akkużi miġjuba kontrihom u l-Maġistrat Francesco Depasquale ddeċieda li jikkanċella l-kawżi mil-lista li kellu quddiemu.”
Araw ftit il-lingwaġġ li wżaw. Il-kelma “konvenut” tintuża għal min ikun imħarrek f’kawża ċivili u l-għażla tal-kliem “akkużati” u “jilliberaw lill-akkużati mill-akkużi miġjuba kontrihom” saret biex tqarraq b’mod malizzjuż.
Eżattament dwar xiex setgħu ġew mixlija Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia? Dawn qed jiġu mixlija li gidbu? Dawn qed jiġu mixlija li llibellaw lil Chris Cardona? Dawn qed jiġu mixlija li ġibdu ritratt mill-mobile tal-għejjun u li mbagħad għaddewh lill-avukati ta’ Chris Cardona?
Il-fatt li r-raġel u wlied Daphne Caruana Galizia wirtu din il-kawża ta’ libell flimkien ma’ oħrajn huwa konsegwenza tal-fatt li l-kawżi ta’ libell huma kawżi ċivili u l-kawżi ċivili jintirtu bħad-djun.
Iżda l-użu tal-istrutturi tal-istat – bħalma huma l-istqarrijiet uffiċjali u t-taħrikiet kontra tlitt irġiel li ma jistgħux jixhdu għax igħixu barra ‘l pajjiż u ma jafu xejn dwar il-każ – minn Malta — m’hu xejn ħlief att ta’ intimidazzjoni sfaċċata minn naħa tal-istat.
U hija wkoll ksur tad-drittijiet umani tal-istess tlitt irġiel.
Iżda min hu ħati jippretendi li d-drittijiet qegħdin hemm għalih biss.