Hi haġa raġunata li f’demokrazija wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx man-natura tad-demokrazija stess. Julia Farrugia ħatret “kumitat tekninku għall-avvanz tad-demokrazija rappreżentattiva”. It-terms of reference ta’ dan il-kumitat m’humiex magħrufa.  

Dan il-kumitat inħatar biex tissaħħaħ id-demokrazija nnifisha jew se jgħidilna kif id-demokrazija għandha tkun imsaħħa?

F’dan il-kumitat se titfassal il-kostituzzjoni l-ġdida jew l-gvern se joħroġ bl-ideat tiegħu dwar kif din għandha titfassal biex b’hekk tkun tista’ tibda d-diskussjoni?

Il-Partit Laburista għandu l-ideat tiegħu dwar is-suġġett jew qed jinqeda’ b’struttura tal-gvern biex ifassal posizzjoni?

Il-kumitat huwa magħmul minn persuni Laburisti magħrufa u kull min jista’ għandu fehma li ma taqbilx ma’ dik ta’ Joseph Muscat tħalla barra. Jonathan Attard kien impjegat mal-Partit Laburista u huwa viċin ta’ Chris Cardona. Frank Bezzina huwa r-rappreżentant ta’ Joseph Muscat fuq il-Bank Ċentrali. Josianne Cutajar taħdem fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat u hi Kunsilliera Laburista. Bint Philip Sciberras, Lara Dimitrijevic qed tniedi kampanja fil-Partit Laburista favur l-abort.

Renee Laiviera, persuna li ilha żmien twil timmilita fil-Partit Laburista u  Robert Musumeci huwa … hemm għalfejn inkompli?

Iċ-Chairperson Carmen Sammut tmexxi wkoll think tank tal-Partit Laburista – għax, għaġeb tal-għeġubijiet, għandhom dan ukoll.

Ċertament dawn il-persuni lkoll għandhom x’jikkontribwixxu għad-diskussjoni nazzjonali dwar ir-riforma tad-demokrazija tagħna. Ħlief dak il-baħnan Robert Musumeci.

Madankollu wieħed m’għandux jiskanta jekk il-perspettiva tagħhom dwar id-demokrazija tkun waħda partiġġjana għall-aħħar. Wara kollox hi s-sistema li għandna fil-preżent li tellgħet u kkonfermat il-partit tagħhom fis-setgħa, u hi sistema li ppermettiet lill-kbir Joseph Muscat tagħhom li jżomm fil-wiċċ minkejja kull xorta ta’ skandli li feġġew. Bla dubju jkunu jridu jżommu l-aspetti tad-demokrazija li għandna bħalissa biex ikomplu jsaħħu l-korruzzjoni u l-kriminalità li hemm fil-qalba tal-gvern.

U ċertament m’huma se jirrakkomandaw ebda tibdil fis-sistema li għandna li tista’ thedded il-permanenza tas-setgħa tal-Partit Laburista kif ukoll tal-poter tagħhom.

Il-bieraħ l-Oppożizzjoni kellha raġun tilmenta li tħalliet barra minn dan il-forum li huwa istituzzjoni kostituzzjonali li għandu ċertu influwenza fuq id-demokrazija tagħna. Il-gvern lanqas biss indenja ruħu li jieħu nota tal-ilment.

Iżda s-sitwazzjoni hi agħar minn hekk. Id-demokrazija tagħna mhix komposta biss mill-partiti politiċi u mill-gvernijiet eletti. Tinsab magħmula mill-istituzzjonijiet, mill-ġudikatura, mill-istampa, mill-akkademiċi indipendenti, mir-reliġjonijiet, mis-soċjetà ċivili: dawn ilkoll għandhom rwol fid-demokrazija tagħna u dawn ilkoll tħallew barra minn dan il-kumitat tekniku. Il-fatt li wħud mill-membri tal-kumitat jaħdmu l-Qorti jew fl-Università ma jnaqqas xejn mill-fatt li dawn intgħażlu primarjament minħabba l-lealtà tagħhom lejn il-Partit Laburista.

Julia Farrugia m’hix interessata li tara dibattutu serju jew it-tfassil ta’ ideat ġodda f’dan il-kumitat. Trid biss appoġġ unanimu għall-viżjoni ta’ Joseph Muscat dwar il-futur tiegħu u dak tal-partit tiegħu fis-setgħa. B’mod permanenti.

Waqt li tkun qed tirrilassa f’xatt il-baħar dan is-sajf, ftakar li l-gvern ikun qed ifassal pjan dwar kif ikun jista’ jibqa’ ggranfat mas-setgħa.