It-tmexxija tal-PN qiegħda tiżloq fin-niexef. Huwa ċar li fid-Dar Ċentrali teżisti mentalità testarda ta’ min jikkonsidra lilu nnifsu perpetwament assedjat, ta’ min jaħseb li n-nies se toqgħod għall-ordnijiet u għall-għajjat u ta’ min jikkonsla bil-mili bix-xema’ u bil-manjanimità immaġinarja tal-għadu, hekk kif dawk li tradizzjonalment dejjem appoġġjaw lill-Partit qed isibu ruħħom bħall-orfni.
Mingħajr ma kkummentajt, qrajt il-kummenti tan-nies fuq il-website tiegħi u m’għandix dubju li dawn jirrappreżentaw sezzjoni wiesa’ tal-appoġġ tradizzjonali li għandu l-PN u żgur mhux ta’ dawk il-votanti Laburisti li forsi qed jitħajjru jivvutaw PN.
Naf biċ-ċert li dawn huma nies li qed jiftħu qalbhom u li qed jesponu l-weġgħat tagħhom b’mod sinċier.
Diġà ktibt xi artikli dwar in-nuqqas ta’ qbil tiegħi mal-politika preżenti u dwar l-istrateġija li bħalissa qiegħda tintuża mill-PN. U mhux bi ħsiebni noqgħod nirrepeti ruħi hawn. Madankollu nixtieq ngħid xi ħaġa dwar il-mod kif qed jirreġixxi l-Partit ma’ dawk li jesprimu nuqqas ta’ qbil dwar il-mod kif qed jitmexxa’.
It-tmexxija hi waħda tal-għajb.
Din ma kinitx xi ġimgħa mill-aqwa għal Clyde Puli. Dan inkixef li lanqas biss jaf x’fiħ l-Istatut tal-Partit. Dan jobbligah li jirreferi kandidati potenzjali lill-Kummissjoni Għażla tal-Kandidati qabel l-ismijiet ta’ dawn jiġu mgħoddija lill-Kumitat Eżekuttiv.
Diġà hi ħaġa verament tal-mistħija li ma jafx x’inhuma d-dmirijiet tiegħu. Iżda l-kwistjoni kompliet ħraxet meta ħareġ b’sensiela ta’ skużi biex jipprova jgħatti xturu. L-agħar waħda kienet li l-proċess tal-għażla kien tfassal fi żmien Simon Busuttil. Donnu ried ifisser li l-proċess issa m’għadux igħodd għax issa hemm kap differenti. Din m’hi xejn ħlief attitudni laxka lejn ir-regoli stabiliti.
Barra minn hekk, din l-attitudni ġġib fix-xejn l-idea – li tant hawn min iħobb imexxi – li ‘ħadd m’hu akbar mill-partit’ u b’hekk min ikun fis-setgħa lir-regolamenti jista’ jagħtihom il-ġenb dan kollu għax tellagħtu l-maġġoranza.
Diġà hi ħaġa tal-għajb li wieħed ikeskes lit-trolls li mbagħad erħilhom jirrepetu l-istess kummenti bħalliekieku jkunu ġabruhom mingħand it-trolls tal-Labour. Għal dawn in-nies min jikkritika huwa nieqes mill-prinċipji. Għalihom il-prinċipju hu li l-appoġġ għandu jingħata dejjem lil min ikun qed iġorr il-bandiera u mhux jappoġġjaw it-twemmin li tirrappreżenta dik il-bandiera. Għalihom min jikkritika għandu jiġi mfakkar dwar in-nuqqasijiet tiegħu ikun x’ikun l-argument li jkun is-suġġett tad-dibattitu.
Lit-trolls li jiktbu dak li jiktbu jien ma neħodhiex kontra tagħhom għaliex dawn qed jitmexxew minn ħaddieħor u għalihom dak li qed jagħmlu jgħamluh għax jaħsbu li huwa xieraq. Dawn nisħajjilhom qishom dawk is-suldati li ma jintbgħatux jiġġieldu kontra l-għadu mill-mexxejja assedjati tagħhom u minflok jiġu ordnati jisparaw fuq il-messaġġiera.
Intleħaq il-qiegħ meta Clyde Puli tilef il-boxxla David Thake. Dak li stqarr Clyde Puli tant fil-pubbliku fuq it-Twitter huwa tal-akbar kundanna għal dan l-uffiċjal mill-aktar għoli tal-Partit. U minflok wieġeb bil-kalma u bir-raġunar jew inkella sadd ħalqu, tilef rasu u beda’ jitgħajjar qisu tifel.
Dan m’huwa xejn ħlief l-atteġġjament ta’ min tilef kull tama li jista’ jwassal lill-Partit għar-rebħa u ta’ min qed ifittex li jaqbad ma’ kull skuża biex politikament jipprova jibqa’ fil-wiċċ.
Min fl-2017 mexxa’ l-kampanja li spiċċat biex rebbħet lit-tmexxija preżenti kien wiegħed li jerġa’ jwassal lill-Partit għall-glorja. Anke jekk wieħed iqiegħed fil-ġenb lil dawk li sal-lum baqgħu xettiċi u li wrew nuqqas ta’ lealtà, anki l-fatt biss li t-tmexxija ma rnexxielhiex tegħleb dan l-iżvantaġġ naturali juri li hemm baħar jaqsam bejn l-ambizzjonijet tat-tmexxija l-ġdida u l-kapaċitajiet tagħha.
Jekk it-tmexxija l-ġdida qiegħda sserraħ kompletament fuq appoġġ li mhuwiex ġustifikat dan kollu biex twassal immaġni ta’ suċċess, tkun qed tidħak biha nfisha għax kollox isirilha suf ma’ l-ewwel sfida elettorali li jkollha. il-verità hi li t-tmexxija l-ġdida m’għandhiex l-appoġġ li qed tippretendi li għandha u l-immaġni mwassla hi dik ta’ grupp ta’ persuni ffrustrati mingħajr tama li għalihom igħodd biss il-mod kif politikament ser jżommu fil-wiċċ.
Xi drabi dak li huwa minn ewl id-dinja għandu jingħad. Dawk li jippretendu li għandhom imexxu għandhom ikunu mexxejja. U jekk ikomplu jiżolqu fin-niexef ftit ħafna jkunu dawk li għad jistgħu jiġu mnebbħa biex jagħtuhom l-appoġġ.
Possibbli li Adrian Delia ħaseb li ħadd ma kien se jindenja ruħu jfittex li jara l-kuntratt li permezz tiegħu biegħ proprjetà biex ikun jista’ jħallas il-kontijiet tat-taxxa? Possibbli li dan ħaseb li seta’ jgħaddiha lixxa meta ddikjara valur inqas milli suppost biex jiffranka taxxa fuq għamara li teżisti biss fl-immaġinazzjoni tiegħu? Jekk fil-fatt għamel dan, ma kienx ikun aktar għaqli li kieku kellu fil-komma skuża aktar kredibbli?
Jidher li ma stenniex dan kollu għaliex it-tmexxija tal-PN qed tisma’ biss lil dawk li, jiġri x’jiġri, dejjem iċapċpulha u jtaptpulha fuq daharha.
L-egħbusija tar-ras se twassal għall-qerda tal-Oppożizzjoni.