Photo by Milos Bicanski/Getty Images

Is-sentenza tal-Qorti Suprema Griega li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba ta’ Malta għall-estradizzjoni ta’ Maria Efimova hi waħda ta’  sinjifikat immens. Hi ħaġa rari ħafna meta Stat Membru tal-Unjoni Ewropea juri li ma jafdax stat ieħor fl-istess Unjoni bis-sigurtà ta’ persuna akkużata b’reat kriminali. Għalkemm din kienet deċiżjoni tal-qorti, il-konsegwenzi politiċi huma kbar ħafna.

Effettivament Malta m’għadhiex kunsidrata li tagħmel parti mill-inħawi Ewropej fejn taħdem is-saltna tad-dritt u fejn wieħed jista’ jkollu moħħu mistrieħ li l-istituzzjonijiet tal-istat se jirrispettaw il-liġijiet u jittrattaw lin-nies b’ġustizzja. Din is-sitwazzjoni konna ilna nafu biha. Aqraw l-istejjer dwar il-fastidji li kienu jsiru kontra Daphne Caruana Galizia minn naħa tal-pulizija u mill-istat meta kienet għadha ħajja u dwar kif kienu heddewha bl-arrest minħabba dak li kienet tikteb. Dwar kif il-prim ministru, f’konfoffa ma’ negozjanti kbar, ittanta jfalliha finanzjarjament. U dwar kif il-kontijiet bankarji tagħha kienu ġew sekwestrati b’azzjoni ta’ ministru tal-gvern.

U wara mewtha, nafu kif ippruvaw jikxfu l-għejjun tagħha, dwar kif ippruvaw ixejjnu l-memorja tagħha, dwar kif ix-xogħol tagħha ġie mkasbar u dwar kif ġiet miċħuda lilha l-ġustizzja.

Inqas minn ġimgħa wara mewtha, l-attivisti nġabru quddiem il-kanċell tal-kwartier ġenerali tal-Pulizija. Irrid ngħid li damu jaħsbuha xi ftit. Il-Ministru tal-Pulizija u l-Kummissarju kien messhom irriżenjaw dakinhar stess tal-assassinju u dan talli naqsu li jipproteġuha kif ukoll li jħarsu d-demokrazija tagħna.

Il-Qorti Suprema tal-Greċja jidher li xammet dan kollu u ddeċidiet li l-istituzzjonijet Maltin mhux ta’ min jafdahom bis-sigurtà ta’ mara li kienet xehdet dwar dak li taf fuq diversi reati kriminali, inklużi dawk imwettqa minn dak li kien l-imgħallem tagħha li issa qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq frodi u, m’għandniex xi ngħidu, dawk imwettqa mill-prim ministru nnifsu.

Il-bieraħ jien flimkien mal-kollegi tiegħi tas-soċjetà ċivili xtaqna nirringrazzjaw lil dawk kollha li għenuna biex inqajjmu kuxjenza dwar dak li kienet għaddejja minnu Maria Efimova.

Għandna għalxiex nirringrazzjaw lil David Casa u lil Stelios Kouloglou, li ddefendewha, xehdu quddiem il-qrati tal-Greċja u ħadmu spalla ma’ spalla ma’ uffiċjali Griegi. Dawn kollha sabu wkoll l-appoġġ ta’ Ana Gomes, ta’ Sven Giegold u ta’MEPs oħra li ħadmu qatigħ biex kulħadd ikun jaf bis-sitwazzjoni f’Malta.

Personalment nixtieq inrodd ħajr lill-kollega Ċiprijott tiegħi Stelios Orphanides tax-xogħol ġurnalistiku li wettaq meta nvestiga l-akkużi foloz li kienu xxandru fil-ġurnali ta’ Ċipru meta kien hemm min kellu l-interess li jikkalunja u jigdeb dwar Maria Efimova. Mill-investigazzjonijiet li dan għamel, irriżulta li l-akkużi li saru kontriha kienu mingħajr bażi. U meta għamel ilment quddiem is-Cyprus Media Complaints Commission, instab li r-rapporti kontriha kienu saru minn persuni li kellhom l-interess li jnaqqsulha l-kredibilità bħala xhud dwar it-twettiq ta’ reati kriminali f’Malta. Araw naqra x’paragun mal-aġir ta’ Brian Hansford li kellu l-ardir li jirrepeti l-gideb daqslikieku kienu mis-sewwa, dejjem jekk ma vvintahomx hu stess.

Ringrazzjament għandu jmur ukoll lill-NGOs ġurnalistiċi internazzjonali li fehmu l-periklu li jiffaċċja whistle-blower fil-kuntest tal-kwalità ta’ abbużi kontra l-libertà ġurnalistika li mdorrijin naraw f’pajjiżna. Dawn huma PEN International, Reporters without Borders u l-Committee to Protect Journalists li qajjmu kuxjenza dwar il-każ ta’ Maria Efimova.

Bħala attivisti nroddu ħajr ukoll lil dawk f’Malta li kkontribwew finanzjarjament biex tħallsu parti mill-ispejjeż legali kbar li kellha tħallas Maria Efimova biex setgħet tiddefendi d-dritt tagħha għall-ħajja, d-dritt tagħha għas-sigurtà u d-dritt tagħha għal-libertà.

Ara hawn rapport inxandar fin-Newsbook dwar il-konferenza stampa tal-bieraħ li jinkludi video bil-Malti dwar l-attività.