Tal-Labour office ta’ Malta għamlu kuntatt ma’ Maria Efimova sabiex jinfurmawha li tal-Pilatus Bank kienu ħallsu l-paga li kellha tieħu għaż-żmien meta ħadmet għal tliet xhur bħala assistenta eżekuttiva ta’ Ali Sadr.
L-ironija hi li tal-Pilatus Bank effettivament ammettew li l-ilment li Maria Efimova kienet għamlet kontra tagħhom kien wieħwd ġustifikat u li kien minnu li kellhom id-dejn magħha. Ali Sadr kien dejjem insista li Maria Efimova kienet ħadmet bħala apprendist mingħajr ħlas li ftit wara kienet tkeċċiet għax, skont hu, kienet ikkommettiet frodi meta wżat flus il-Bank biex tħallas għal titjiriet għaliha u għal membri tal-familja tagħha.
Maria Efimova mill-bidu nett insistiet li tal-Pilatus Bank kienu qed jigdbu fl-konfront tagħha. U issa jidher li l-Bank aċċetta l-verżjoni tagħha.
Il-ħlas tal-paga sar wara li l-Qorti Suprema tal-Greċja ikkonfermat sentenza tal-ewwel qorti li kienet ċaħdet it-talba ta’ Malta għall-estradizzjoni tagħha biex tkun tista’ twieġeb għall-allegazzjoni li kien għamel Ali Sadr li kienet iffrodat lilu u lill-Bank tiegħu.
Maria Efimova kellha tistaħba għal diversi xhur barra li għamlet ġimgħatejn maqfula f’ħabs Grieg sakemm l-awtoritajiet għaddew mill-għarbiel it-talba ta’ Malta għall-estradizzjoni tagħha.
Il-qrati tal-Greċja ddeċidew – b’mod mhux tas-soltu fuq talba magħmula minn stat membru tal-UE – li l-awtoritajiet Maltin ma jistgħux jiġu fdati bis-sigurtà ta’ Maria Efimova.
Biex jaqdi lil Ali Sadr, Joseph Muscat kien mexxa kampanja mmirata biex tiskredita lil Maria Efimova u xlieha li kienet gidbet dwaru biex isservi l-interessi tal-gvern tal-Kremlin li ried jiddestabilizza lill-gvern tiegħu.
U l-mezzi tax-xandir tiegħu mbagħad niedew kampanja kontriha li nfirxet lil hinn minn xtutna f’postijiet fejn x’aktarx kienet qegħda tistaħba.
Xi persuni żaru lil-missierha fir-Russja u aktar tard dawn infurmawha li kienu ġew imħallsa minn politiku ewlieni Laburista.
Saret ukoll kampanja ta’ qerq fuq il-mezzi tax-xandir ta’ Ċipru – kampanja li, aktar tard, lir-regolatur Ċiprijott rriżultalu li kienet waħda malizzjuża mmirata biex tiskredita lil Maria Efimova – fejn ġew imxandra sensiela ta’ gideb li f’Malta għoġbu jirrepetihom il-propagandist tal-gvern Brian Hansford.
Maria Efimova kienet kixfet informazzjoni dwar dak li kien qed iseħħ fil-Pilatus Bank, liema informazzjoni kienet ġiet verifikata permezz tal-akkużi li l-Awtoritajiet Federali Amerikani għamlu kontra sid il-Bank Ali Sadr. Dan kien jinkludi sensiela ta’ allegazzjonijet li nstabu li huma bla bażi fit-tieni investigazzjoni li l-FIAU kienet għamlet fuq il-Bank.
Maria Efimova kienet ukoll waħda mill-għejjun li lil Daphne Caruana Galizia għadditilha informazzjoni li tal-Pilatus Bank kellhom f’idejhom provi Michelle Muscat, mart il-prim ministru, hi sid il-kumpannija tal-Panama Egrant u li kienet irċeviet depiżiti ta’ flus konsiderevoli mingħad il-familja tad-dittatur tal-Ażerbajġan li huma klijenti tal-Pilatus Bank.
Huwa mifhum li dawn il-provi twarrbu dak il-lejl stess minn Ali Sadr innifsu.