F’dan l-istadju tajjeb li wieħed ifakkar dwar il-kumpannija reġistrata fil-British Virgin Islands bl-isem Colson Services Limited li s-sid tagħha huwa Keith Schembri.
Din il-kumpannija, li nkixfet b’riħet l-iskandlu tal-Panama Papers, kienet inħolqot għal Keith Schembri minn Nexia BT. Kienet ilha għandu minn Jannar 20
11 u nħolqot fiż-żmien meta kulħadd kien bl-istennija li Joseph Muscat dalwaqt kien se jieħu r-riedni tal-gvern minn idejn Lawrence Gonzi.Għalkemm Keith Schembri jibqa’ dejjem jiċħad, anki awtoritajiet magħrufin għat-tolleranza tagħhom bħalma huma dawk tal-British Virgin Islands kienu ssuspettaw li l-Colson kienet inħolqot bħala għodda biex permezz tagħha jinħaslu flus maħmuġin.
Madwar xahar ilu s-Sueddeutsche Zeitung irrappurtat li fl-2016 l-awtoritajiet tal-British Virgin Islands kienu nvestigaw lil Colson Services Limited u kienu talbu lil Mossack Fonseca biex ma jinfurmawx lil Keith Schembri li kienet qed tiġi nvestigata l-kumpannija tiegħu.
Rapport fit-Times of Malta ta’ dak iż-żmien fih il-fatti kollha.
Bħas-soltu, fit-tweġibiet tiegħu Keith Schembri baqa’ jiċħad.
L-ewwel: qal li l-istorja hi waħda “fil-biċċa l-kbira riċiklata”. Hawn forsi qed jgħid li l-istorja dwar il-Colson kienet diġà xxandret meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers. Skond hu, jekk allura joħorġu aktar stejjer, dawn m’għandhomx jixxandru peress li konna diġà nafu bl-eżistenza ta’ din il-kumpannija.
Iżda għandna niftakru lill-Colson sirna nafu biha mhux għax Keith Schembri riedna nsiru nafu biha għax hu kien għamel minn kollox biex jaħbi l-eżistenza tagħha sakemm imbagħad inkixef kollox.
Barra minn hekk, għandkom tkunu tafu li dalwaqt se joħorġu aktar stejjer dwar Colson u dwar l-użu li sar b’din il-kumpannija minn Keith Schembri.
Lit-Times of Malta, Keith Schembri qalilha “Colson kienet inħolqot bosta snin qabel ma nħtart bħala chief of staff u din hija prova li l-kumpannija kellha biss “skop kummerċjali”.
Hawn ta’ min jistaqsi: hemm xi garanzija li l-iskop li għalih inizjalment kellu juża l-kumpannija ma kienx se jinbidel maż-żmien?
Barra min dan, jekk bil-kliem “skop kummerċjali” ried ifisser l-evażjoni tal-ħlas ta’ taxxi fuq il-qliegħ tan-negozji tiegħu f’Malta u d-dikjarar ta’ profitti anqas milli suppost bil-għan li ma jħallasx taxxi u jiffroda lill-gvern, allura din ukoll hi materja ta’ interess pubbliku anke jekk Keith Schembri qatt ma nħatar bħala chief of staff. M’għandniex xi ngħidu, l-fatt li kien inħatar bħala chief of staff ifisser li l-evażjoni tat-taxxa minn naħa tiegħu ċertament hija materja ta’ interess pubbliku bil-wisq akbar. U dan biex ma nsemmix l-interess tal-awtoritajiet li jmisshom ilibbsulu l-manetti hekk kif jaqraw dan li ktibt.
U x’kien dan l-“iskop kummeċjali”? Il-Colson qatt innegozjat f’xi ħaġa?
Lit-Times of Malta, Keith Schembri imbagħad qalilha li “ħadd ma kien ġibidlu l-attenzjoni tiegħu” dwar il-inkjesta li kienet saret mill-awtoritajiet tal-British Virgin Islands. Keith Schembri bħal speċi skanta għaliex f’Malta mdorri bil-pulizija, bl-aġenti tas-servizz sigriet u bl-uffiċjali ta’ kontra l-ħasil tal-flus igħaddulu l-informazzjoni. Fil-British Virgin Islands ma jafu li ma jistgħux igħaddu informazzjoni li min ikun għaddej inkjesta.
It-Times of Malta irrappurtat ukoll li: “is-Sur Schembri qal din kienet “it-tħaddim proprju tas-saltna tad-dritt,’ u xela’ lit-Times of Malta li kienet sabitu ħati biss fuq suppożizzjonijiet.’”
Iżda l-bużillis qiegħed hawn, Sur Schembri. Skond il-liġi, jekk int tinsab taħt suspett li ħsilt flus maħmuġin, sta għalik li turi permezz ta’ provi minn fejn ikunu ġew il-flus.
Il-liġi hi mfassla b’tali mod li – kieku hawn m’hawnx imdaħħal is-setgħani El Kasco – il-pulizija kienet tkun wara biebek f’leħħa ta’ berqa u l-Avukat Ġenerali kien dlonk joħroġ ordni biex issir investigazzjoni u biex jiġu sekwestrati l-flejjes. Iżda l-pulizija tinsab maħkuma taħt kontroll politiku u l-avukat ġenerali ilu li sitt snin li ċeda l-armi.
Madankollu rridu nammettu li jeħtieġ li ntejjbu l-liġijiet u li nintroduċu miżuri dwar unexplained funds bħalma hemm fir-Renju Unit. Jiġifieri jekk int għandek il-flus u m’intix f’pożizzjoni li tispjega minn fejn ġew u tispjega għaliex jinsabu f’butek, il-flus jittiħdulek sakemm int tipprova tiddefendi ruħek quddiem qorti u minn hemm dritt għall-ħabs.
Dan ikun ifisser li ma jkunx jimporta li l-$400,000 li rċieva Keith Schembri f’Jannar 2015 ġewx mit-tixħim, mill-korruzzjoni, mill-evażjoni tat-taxxa jew mill-frodi. Jekk ma jkunx f’pożizzjoni li jgħid għaliex jinsabu f’butu, ma jkunx intitolat għalihom. U għal din ir-raġuni biss mhux suppost għadu qed jiġri barra u wisq inqas messu jkun iċ-chief of staff tal-prim ministru.
Hawn xi ħadd li semgħu jiċħad?