Persuna li naf li okkupat pożizzjoni għolja fil-PN tikteb dan l-artiklu b’mod anonimu.
Tal-PN donnhom qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex isiru partit irrelevanti. Il-Partit li biddel lil Malta, li bena’ ekonomija moderna, li firex l-edukazzjoni, li ħoloq klassi medja u li wassalna fl-Unjoni Ewropea jidher mhux biss ipparalizzat iżda qed jegħreq malajr f’ħofra mingħajr qiegħ.
Għal uħud minna li ilna midħla tal-Partit żmien twil, il-kitba fuq il-ħajt ilna li ntbaħna biha. Il-Partit ma kienx qed jiġġedded x’aktarx għaliex il-mexxejja tiegħu kienu ffukati l-aktar fuq it-tmexxija u l-iggwidar tal-pajjiż speċjalment fi żminijiet ta’ maltemp ekonomiku u fil-varar ta’ riformi li, kieku ma sarux, il-pajjiż kien igħaddi minn tbatija kbira. Il-prezz li l-Partit kellu jħallas kien wieħed kbir. Illum għandna Partit bla direzzjoni, parlamentari bla sugu, strutturi u sistemi dgħajjfa u uffiċjali inkompetenti.
L-aħħar inċident dwar ‘il-Kap’ u l-inkwiet li għandu huwa biss kapitlu ieħor tal-kummiedja li qegħdin ngħixu bħalissa.
B’xorti ħażina, f’dan kollu, in-nar tal-emozzjoni qed jitkebbes ġmielu u r-raġuni u l-loġika m’humiex jirrenjaw fost in-nies. Minħabba f’hekk, il-Partit issa jinsab f’salib it-toroq: jekk ma jaġixxix se jitfarrak.
Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ. Is-separazzjonijiet seħħew fl-imgħoddi u se jkomplu jseħħu fil-ġejjieni. Bħala pajjiż – u aktar u aktar bħala Nazzjonalisti – jeħtieġ naċċettaw li s-separazzjonijiet se jkomplu jseħħu, il-mexxejja jistgħu isibu msieħba ġodda u jistgħu jingħataw ċans ieħor. Wara kollox, din hi n-natura tal-bniedem. Madankollu l-kwistjoni m’hix dwar separazzjoni. Il-kwistjoni hi dwar l-akkużi li għandu l-Kap ma’ wiċċu: f’dan il-każ, meta għandek kariga pubblika, int ħati sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor. Għalhekk kull min hu tal-affari tiegħu iwarrab hekk kif jitfaċċaw l-akkużi. F’Malta ma jiġrix hekk, kemm għal naħa kif ukoll għal oħra u din hi riflessjoni tan-nuqqas ta’ serjetà.
Nerġgħu lura għall-Partit.
Dawk li huma lejali lejn il-Kap qed jeżiġu l-privatezza: imisskom tistħu
Il-membri parlamentari qed iżommu s-skiet: imisskom tistħu.
L-uffiċjali tal-Partit qed iħeġġu r-reżistenza: imisskom tistħu.
Dan il-Milied il-Kap jidher li skopra l-ispirtu Franġiskan u qed igħidilna li ser joħroġ aktar b’saħħtu: imissek tistħi int ukoll.
Niħduhom wieħed wieħed.
Intom li qed tgħidu li intom lejali lejn il-Kap: il-prioritajiet tagħkom m’humiex f’posthom. Huwa minnu li fix-xena politika s-soltu ninġabru wara l-Kap. Iżda l-lejalta’ vera hi biss fil-konfront tal-Partit, fil-konfront tal-prinċipji tal-Partit u fil-konfront tal-filosofija li tmexxih. Il-politiċi u l-mexxejja jmorru u jiġu. Iżda l-istituzzjonijiet jibqgħu hemm. Bħala membri tal-Partit, jeħtieġ li tiffokaw fuq il-ħtiġijiet tal-Partit.
Bħala membri parlamentari, intom responsabbli għat-tfassil tal-liġijiet tal-pajjiż. Nafdaw it-tfassil tal-liġijiet f’idejkom. Intom fassaltu liġi kontra l-vjolenza domestika u sewwa għamiltu. Imma bis-saħħa tas-skiet li jtarrax tagħkom qegħdin turu li l-liġijiet ma japplikawx għal kulħadd. Għadkom kemm għamiltu ħerba mill-governanza tajba li ppruvajtu tiddefendu. Aħna rridu parlamentari li jiġġieldu għas-sewwa u li jkunu lesti li jaqdfu kontra l-kurrent. Il-parlamentari nisa huma ta’ diżappunt akbar.
Intom l-uffiċjali tal-Partit qegħdin hemm biex tmexxu lill-Partit għan-nom tal-membri tal-Partit. M’intom tagħmlu xejn minn dan kollu u ġbidtu lejn xawwatkom bir-riżultat li pparalizzajtu l-istrutturi kollha. Sibtu l-kenn fil-Partit u qegħdin tittradixxu l-istituzzjoni li qegħda titmagħkom.
Bħala Kap, int għandek rwol Kostituzzjonali. Int qiegħed hemm biex tiġbor is-suldati madwarek, tipprovdi viżjoni, direzzjoni u gwida. Qiegħed hemm biex taffronta sidrek. Int assumejt ir-rwol u r-rimunerazzjoni li rwol bħal dan iġib miegħu. Issa trid ukoll terfa’ r-responsabbilta’. Għandek tintebaħ meta tkun wasalt fit-tarf u meta għandek twarrab bid-dinjita’. Tismax minn dawk ta’ madwarek li moħħhom jinsab iffokat biss dwar kif se jżommu posthom: dawn qed ipoġġu l-interess personali tagħhom qabel l-interess tiegħek u dak tal-Partit. Ir-ras iebsa m’hi se twasslek imkien.
Mhux il-Partit biss qed ibati. Qed ibati wkoll il-pajjiż. Malta teħtieġ oppożizzjoni b’saħħitha u gvern alternattiv. Illum għandna oppożizzjoni dgħajjfa, maqsuma u skaduta.
Jeħtieġ mhux biss li jwarrab il-Kap. Jeħtieġ li jkun hemm tindifa sħiħa biex il-Partit jerġa’ jibda’ jinbena’. Il-Partit jeħtieġ mhux biss strateġija iżda wkoll l-istrutturi u systems audit. Il-bidla li hi meħtieġa għandha tkun imsejsa fuq l-informazzjoni u mhux fuq l-emozzjoni. Neħtieġu Partit modern u professjonali li jibbaża ruħu fuq ix-xjenza u fuq ir-riċerka.
Għandna Partit li jeħtieġ riforma bl-għeruq u x-xniexel illum qabel għada.
M’għandniex bżonn soluzzjonijiet ta’ nofs kedda. M’għandniex bżonn tibjidiet. Dak li kien igħodd fl-imgħoddi m’għadux igħodd għal-lum. L-emozzjonijet dwar il-glorja tal-imgħoddi m’għandniex x’irriduhom.
Ikun tajjeb jekk it-tindifa nibdewha. U jista’ jieħu l-inizjattiva l-Kap billi jwarrab qabel ikun tard wisq.