Impjegati tal-Partit Nazzjonalista u tal-kumpannija tal-Partit Media Link bil-patt li ma nikxifhomx qaluli li nhar il-Ħamis filgħodu Adrian Delia nstema’ jgħajjat bir-rabja u jidgħi b’mod faħxi x’aktarx meta sema’ bil-kontenut ta’ WhatsApp videos li qed jiċċirkolaw, li wħud minnhom inġibdu bil-moħbi meta kien għadu qed igħix fid-dar tiegħu fis-Siġġiewi.

Dawn l-impjegati qaluli li setgħu jisimgħu ħsejjes ġejjin mill-uffiċċju tal-Kap li jidher li kien qed itajjar l-affarijiet minn fuq l-iskrivanija tiegħu, li wħud minnhom laqtu biċċiet oħrajn ta’ għamara, u jkissirhom.

Għejjun infurmati fid-Dar Ċentrali igħidu li l-bieb tal-uffiċċju tal-Kap saritlu l-ħsara u kien jeħtieġ li tissewwa s-serratura.

L-ambjent fost l-impjegati tad-dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed ta’ tensjoni kbira u wħud mill-ħaddiema qaluli li qegħdin jibżgħu għas-sigurtà personali tagħhom.

Mistoqsijiet li għamilt il-bieraħ dwar l-inċident lill-kelliem ta’ Adrian Delia baqgħu mhux imwieġba.