Tliet membri tal-Parlament Ewropew għadhom kemm ressqu mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropea li titlob li, fl-isfond tar-rapport dwar Malta mħejji mill-Kummissjoni ta’ Venezja, kinitx issa lesta li “tniedi djalogu kostruttiv dwar is-saltna tad-dritt”.

Dan mhu xejn ħlief kliem li fil-fatt iħeġġeġ li ssir pressjoni fuq Malta biex isiru r-riformi meħtieġa sabiex ma jkollhiex għalfejn tiffaċċja konsegwenzi politiċi. Din il-mistoqsija mill-membri parlamentari Ewropej ġejjin minn tliet gruppi politiċi, fosthom dawk li għandhom bħala membri fi ħdanhom lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista, saret wara li l-ġimgħa li għaddiet ittieħdet riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew li sejjħet biex dawk il-pajjiżi fi ħdan l-UE li jimminaw lis-saltna tad-dritt jiġu penalizzati finanzjarjament.

Fil-mistoqsija li għamlu l-Membri Parlamentari Ewropej Jeroen Lenaers, Ana Gomes u Monica Macovei ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni li l-Kummissjoni ta’ Venezja kien irriżultalha li “l-prim ministru ta’ Malta għandu poteri li tant huma wiesa’ li s-setgħa li għandu tista’ tkun ta’ periklu serju għas-saltna tad-dritt. Meta wieħed iqis il-fatt l-prim ministru għandu s-setgħa li jagħmel ħatriet fil-ġudikatura, m’hemm prattikament xejn li jikkontro-bilanċja s-setgħa li għandu. Barra minn hekk, is-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir indipendenti huma dgħajjfin”.

Il-Membri Parlamentari Ewropej ġibdu wkoll l-attenzjoni għas-sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni ta’ Venezja dwar ir-riformi li huma meħtieġa f’Malta.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja kienet issejjħet biex tagħti l-pariri tagħha dwar il-qafas kostituzzjonali u legali ta’ Malta wara li kienet saret talba minn Pieter Omtzigt, rapporteur tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-investigazzjoni li qed issir dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Membri Parlamentari Ewropej Lenaers, Gomes u Macovei staqsew lill-Kummissjoni Ewropea jekk din taqbilx li f’Malta teżisti theddida serja għas-saltna tad-dritt.

Il-proċess ta’ ‘djalogu kostruttiv dwar is-saltna tad-dritt’ għandi jseħħ qabel tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar jekk teżistix theddida għas-saltna tad-dritt fi Stat Membru tal-UE. Is-saltna tad-dritt hi waħda mill-valuri fundamentali li fuqha tinsab imsejsa l-Unjoni Ewropea. Barra li tassigura r-rispett lejn il-liġijiet Ewropej, xogħol il-Kummissjoni – flimkien mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-Kunsill – li tiggarantixxi l-valuri fundamentali tal-Unjoni.

Qabel tgħaddi biex tinforza permezz tas-sanzjonijiet previsti fit-trattat tal-UE, il-Kummissjoni tipprova tasal għal ftehim mal-Istat Membru sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn theddida għas-saltna tad-dritt tista’ tinbidel “f’riskju ċar ta’ ksur serju” li jista’ jwassal biex tiġi mplimentata ‘l-Proċedura ta’ Artiklu 7′. 

Din il-Proċedura, li tinsab f’Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, hi mmirata biex tassigura li l-Istati Membri tal-UE kollha jirrispettaw il-valuri konuni tal-UE, kompriħ is-Saltna tad-Dritt. F’din is-sitwazzjoni, jeżistu żewġ possibilitajiet legali: mekkaniżmu preventiv f’każ ta’ “riskju ċar” ta’ ksur tal-valuri tal-UE u mekkaniżmu ta’ sanzjoni hekk kif ir-riskju jsir realta’.

Meta fi Stat Membru jibda jidher it-theddid sistematiku għas-saltna tad-dritt, Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tniedi “Proċedua ta’ qabel Artiklu 7” billi tibda’ proċess ta’ djalogu ma’ Stat Membru permezz ta’ Qafas tas-Saltna tad-Dritt li jkopri tliet stadji: l-istadju fejn is-sitwazzjoni tiġi mgħarbla, l-istadju tar-rakkomandazzjonijiet u l-istadju tat-twettiq.

Il-Membri Parlamentari Ewropej issa qed jitolbu lill-Kummissjoni tgħid jekk, fl-isfond tal-konklużjonijiet xokkanti tal-Kummissjoni ta’ Venezja, għandux jinbeda’ l-proċess.

Aqra aktar hawn dwar ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja.