Lejliet l-ewwel tas-sena n-National Public Radio tal-Istati Uniti xandar link dwar stejjer importanti li seħħew fl-2018 li setgħu qabżu lill-qarrejja u lis-semmiegħa f’nofs “iċ-ċiklu ta’ aħbarijiet li kellna matul din is-sena”.

Ċerti stejjer huwa bil-wisq importanti biex inħalluhom jiġu njorati saħansitra anki fi żmien meta Donald Trump qed jisfida l-kunċetti bażiċi tal-filosofija liberali tal-punent.

It-titlu ta’ waħda minn dawn l-istejjer importanti minn madwar id-dinja tinsab f’forma ta’ mistoqsija li saret mill-NPR f’Lulju li għadd, liema mistoqsija għadha bla tweġiba: “Min kien dak li ordna li ssir il-karrozza-bomba li biha nqatlet lill-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia?”

Din il-mistoqsija jeħtieġ li tibqa’ ssir għaliex jekk nibqgħu mingħajr tweġiba m’aħna qatt ser napprezzaw kemm hi kbira t-theddida għall-aspirazzjonijiet ta’ ħajjitna.

Din m’hix biss mistoqsija purament forensika.

Din il-mistoqsija jeħtieġ ukoll li ssir għaliex bqajna ngħixu f’soċjetà fejn fil-beraħ lill-ġurnalisti ngħidulhom jisktu meta dawn ixandru stejjer li huma skomdi għal min għandu s-setgħa.

Hi mistoqsija li jeħtieġ li ssir għaliex ħadd ma ħallas prezz ogħla minn dik li spiċċaw ħallsu Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha. L-assassinju tagħha jibqa’ sintomu ta’ marda kiefra u tal-waħx. Qed ngħixu f’demokrazija finta u bħalissa t-theddid li tinħasdlek ħajtek huwa wieħed reali.

Hi wkoll mistoqsija li jeħtieġ li ssir għaliex aktar ma nitbiegħdu minn dik il-ġurnata mdemmija ta’ Ottubru 2017, se nkomplu nitbiegħdu aktar mit-tweġibiet li jeħtieġ li jkollna u mill-aspirazzjonijiet li kellhom ommijietna.